MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Il-ħajja u t-teknoloġija

1. Ma nafx x’jonqos nivvintaw biex nibdlu l-mod ta’ kif ngħixu. L-użu tat-teknoloġija moderna, l-użu tal-internet, blogs, emails, eċċ tant kiber u ħareġ barra mill-kontroll tagħna li m’iniex ċert li nistgħu nlaħħqu miegħu. Qisu tant tlaqna niġru li qed insibu rwieħna konfrontati b’mekkaniżmi li wieħed jiddubita kemm saru bil-bniedem bħala ċ-ċentru. Il-komunikazzjoni bejn l-umani hi naturalment neċessarja però dan ma jfissirx li kull forma hi minnha nnfisha tajba u twassal għas-sewwa.

2. L-arti, il-kultura u kull attività umana għandhom diversi dimensjonijiet fihom. Hemm min jidħol għalihom sempliċiment bħala ħidma mingħajr ħsieb u hemm min jagħmilha għall-imħabba proprja tagħha. Għalhekk l-iskop wara l-kreazzjoni ta’ linja ġdida fl-attività tal-bniedem tibqa’ determinanti. Jibqa’ hekk biex mhux biss jiġġustifika dak li jkun qed isir imma biex jassigura li dan hu, fl-aħħar tal-ġurnata, ta’ ġid għall-bnedmin.

3. Kull persuna umana taf li fil-ħajja tagħha tista’ tidħol għal ħafna xogħol u tagħti l-enerġija sħiħa tagħha f’dak li taħseb li jagħmel sens. Anzi, jekk irridu nkunu iktar preċiżi l-bniedem, kieku kulma jagħmel jagħmlu b’dan f’rasu, jirnexxilu jagħmel iktar sens għalih u għal ħaddieħor. Mentri fir-realtà ma jsirx, u nsibu li ninħakmu minn dak li anqas aħna stess ma nindunaw li qed niġu maħkuma minnu hekk. Għalhekk hemm dejjem lok li wieħed jidħol fil-fond ta’ x’għandu jiddedika ħin għal xiex u kif biex jagħraf kif qed iqatta’ ħajtu.

4. Anke hawn, fiż-żona tat-teknoloġija moderna, tajjeb li wieħed jara jekk l-istrumenti li qed niżviluppaw humiex tajba jew le, jekk humiex jissostitwixxu r-relazzjonijiet umani fix-xejn. Reċentement il-Presidenza l-ġdida ta’ Barack Obama ħarġet bil-kunċett li għandha tagħmel użu mill-blogs biex tibda tgħaddi l-informazzjoni u fl-istess ħin tieħu r-reazzjoni tal-poplu dwar x’jaħsbu fuq dak li jingħad. Dan fih innifsu hu tajjeb, però kien hemm rapporti li kien hemm reazzjonijiet strambi fuq suġġetti li ma għandhom x’jaqsmu xejn. Biss jidher li kien hemm parteċipazzjoni tajba, ċaqliq f’settur li se jressaq għal pożizzjonijiet ġodda.

5. Dan hu strument ġdid u jista’ jagħmel sens f’soċjetajiet kbar fejn il-possibbiltà ta’ rapport uman tonqos. Biss hu minnu nnifsu stramb u mingħajr ruħ veru. Il-linja ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadin f’kull komunità mhux l-istess, anqas il-metodu. Għalhekk dawk il-metodi li jaħdmu f’post ma jfissirx li jaħdmu f’ieħor. Il-komunikazzjoni moderna hi tajba sakemm tibqa’ fuq livell li hu biss ma jissostitwixxix u ma jagħtix ir-ruħ neċessarja f’ħidma fejn persuna qiegħda tipprova tifhem minn xiex ħaddieħor verament għaddej.

6. Nemmen li wieħed għandu jqis dak li s-soċjetà hi u jgħaddi biex imexxiha lejn dak li għandha tkun. It-teknoloġija għandha l-vantaġġ li tinforma però ma tistax tibni r-rapport personali bejn minn jirrappreżenta u min jiġi rappreżentat. Naqbel li għandna ninfurmaw, imma dan għandu jmur lejn livell iktar personali u inqas impersonali. L-għodda tagħna, dawk li għandna, jistgħu jibqgħu għas-servizz tal-bniedem sakemm jibqgħu f’din il-linja. Hekk kif jaqbżu din il-fruntiera jsiru invadenti u kontro-produċenti. Pajjiżna parti mid-dinja, m’hemmx dubju, però dan ma jfissirx li m’għandux jibqa’ jassigura s-sustanza tiegħu. Fl-aħħar tal-ġurnata nibqgħu b’vantaġġ jekk nassiguraw li l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadin tibqa’ fuq linja personali u ma ssirx waħda awtomatika mingħajr sens.

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan