MediaToday

Wenzu Mintoff | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139

Bookmark and Share

Perpura ħadra

Tisma’ ħafna kliem bombastiku jidwi f’widnejk dwar kemm il-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu l-ambjent. Sa maskot ambjentalista liebes ingravata ħadra bl-isem ta’ Alan Deidun ħarġu magħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropej bit-tama li jkun hemm xi baħbuħ mazzun li jibla’ l-lixka li l-PN hu partit aħdar.
Mawra żgħira sas-Salib tal-Għolja, sintendi mhux f’din ix-xemx tiżreġ għax tkompli tistordi, biżżejjed biex waħdek tinduna d-diżastru ambjentali li jinsab fih pajjiżna. U kemm l-ebda perpura ħadra pprovduta minn Deidun ma tista’ tgħatti l-fatt li minn tarf sa tarf, għall-inqas safejn jistgħu jaraw l-għajnejn minn fuq din il-ponta, Malta fgata fil-konkrit u bil-bini bl-addoċċ.
Dan biex ma ninsiex insemmi li sakemm issib ruħek fejn is-Salib ta’ Laferla trid tgħaddi minn speċi ta’ passaġġ kollu ħotob li jagħti għal taraġ nofsu mġarraf li b’xi mod iwasslek għall-kappella ddedikata lil-Lunzjata. Kappella li għandha l-faċċata u l-ġnub tagħha fihom konsenturi daqshiex li jġegħluk tiskanta kif baqgħet wieqfa.
Imma dan mhux biżżejjed għax l-insult jitkompla b’daqsxejn ta’ tabella tal-majka mwaħħla mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li għal ġieħ wiċċek tirrakkomanda bla wisq mistħija dan is-sit bħala attrazzjoni turistika.

Bla widnejn
Għal grazzja t’Alla qatt ma kont wieħed minn dawk il-fanatiċi li ħaġa tajba ngħid li mhix għax ikunu għamluha n-Nazzjonalisti. Bla tlaqliq ngħid li sar ċertu progress fl-ambjent fejn l-Unjoni Ewropea tuża l-frostin tal-liġijiet tagħha u l-karrotta tal-fondi biex jixprunaw il-Gvern lokali ħa jiċċaqlaq.
Sar ċertu progress fit-trattament tad-drenaġġ u anki għal dak li hu l-mod kif qed niddisponu mill-iskart u bl-għeluq tal-Magħtab. Imma xi kultant iqum id-dubju kemm qed jagħmlu sens ċerti deċiżjonijiet tal-Gvern. Pereżempju għalkemm l-iskart qed jinġabar b’mod separat mid-djar, imbagħad insiru nafu li kwantità kbira ta’ skart ta’ ħġieġ li suppost jiġi riċiklat qed jispiċċa mormi fil-miżbla ta’ Wied Fulija li suppost ingħalqet darba għal dejjem snin ilu. Daqskemm ma jagħmilx sens li tiġi mposta taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik, anki jekk ikunu bijodegradabbli, li tkun tiddependi fuq jekk basket ikollux widnejn jew le.
Imma l-progress fl-ambjent żgur ma jitkejjilx biss minn kemm jintefqu miljuni f’kuntratti mingħajr garanzija li qed nieħdu lura l-vera valur għal flusna. Ħu mill-kuntratt għall-impjant tal-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, fejn minbarra li kien hemm proċess ta’ għażla xejn trasparenti, spiċċat intagħżlet teknoloġija li mhux biss ma kinitx l-aktar irħisa, imma fuq kollox se tniġġes u tħammeġ aktar għax se taħdem bil-fuel u mhux bil-gass.
“Vote George, Get Lorry”
Il-bżieżaq tas-sapun li jittantaw jonfħu l-propagandisti tal-PN meta jitħajru jiddandnu bl-ambjent bl-għajnuna ta’ xi maskot liebes ingravata ħadra jinfaqgħu f’wiċċhom hekk kif id-diskors jaqa’ fuq l-użu tal-art, il-problema numru wieħed tal-ambjent f’Malta, il-pajjiż bl-akbar densità tal-popolazzjoni fl-Ewropa.
L-għajta ta’ “Vote George, Get Lorry” ma tidwix għal xejn. Tant hu hekk hawn ambjentalisti li sinċerament isostnu li s-sitwazzjoni tal-lum hi agħar minn kif kienet fi żmien Lorry Sant. “Għaliex dak kien żmien fejn il-guffaġni u l-mod imħanżer ta’ kif kienu jsiru l-affarijiet minnhom infushom kienu jġegħluk tirreżisti u tirvella.”
Illum il-ġurnata għandna mostru jismu MEPA b’ħafna proċessi sofistikati ta’ pjani ta’ struttura u pjanijiet lokali, studji u evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali, public hearings, appelli u kontra-appelli, li jistgħu joħolqu l-illużjoni li tinganna, li l-affarijiet qed isiru b’ċerta serjetà u ordni anki meta ma jkunx il-każ. Sistema li taparsi tagħti widen lill-pubbliku u l-NGOs meta jkunu qed jiġu mgħoddija kamin. Sistema ta’ ppjanar bażwi li għandha l-effett li timmansa u xxejjen l-opinjoni pubblika, li għandha xamma taqsam ta’ korruzzjoni li jgħaddu l-flus minn id għal oħra biex fi kliem l-Arċisqof Mercieca jinbena fejn m’għandux jinbena.
Sistema li għandha fama kif iddawwar lin-nies żugraga, li turi l-ħruxija tagħha maż-żgħir, ma’ xi baħnan li jmur jinqela f’xi kaxxa bir-roti viċin tal-baħar, u kemm hi impotenti u bla kukki mal-allat foloz ta’ dan il-pajjiż. Għalhekk, u aktar u aktar, hawn min jgħid li s-sistema tal-permessi tal-bini tal-lum hi falza u diżonesta aktar minn ta’ żmien Lorry Sant.
Fil-kawża dwar l-iskandlu tal-Mistra li hemm pendenti quddiem il-Qorti, eks chairman tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp, ċertu Paul Borg, qal li hu normali li dawk li japplikaw għall-permessi u l-periti tagħhom li jiddiskutu l-każ tagħhom informalment mal-membri tal-bord qabel is-smigħ tal-każ biex jaraw jistax jintlaħaq xi forma ta’ ftehim amikevoli. Sistema li flok tagħti deċiżjonijiet oġġettivi fuq kriterji stabbiliti tfittex il-kompromess biex min għandu s-saħħa li jiġi akkomodat jintlaħaq ftehim miegħu. Daqskemm ma kinux oxxeni l-estensjonijiet bil-goff li kienu saru fl-2005 fiż-żoni tal-iżvilupp tal-bini wara pressjoni kbira li saret speċjalment minn dawk li jippumpjaw iż-żejt fil-magna tal-Partit Nazzjonalista.

Ikaxkar
L-ebda maskot tal-ambjent liebes ingravata ħadra mhu se jbiddel xejn minn dan kollu. L-eżempju jkaxkar mhux l-aktar ta’ xi George Pullicino li jirkeb il-karozza tal-linja darba fis-sena għar-ritratt tal-okkażjoni. Sfortunatament l-eżempju l-aktar li jkaxkar hu dak ħażin li taw matul is-snin paladini Nazzjonalisti, ibda minn Louis Galea li ttrasforma ruħu f’bidwi part-time biex seta’ jibni bungalow fil-Fawwara u jdawwar l-qbiela ta’ 18-il tomna raba’ tal-Gvern, kompli b’ Jeffrey Pullicino Orlando li ħarġulu permess li jibni disco club fil-qalba tal-Mistra u spiċċa bil-President tal-PN Victor Scerri li ħarġulu permess biex jibni farmhouse ġo nofs il-wied tal-Baħrija.

 

 

Intervista
Bejn linja u oħra

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono




Wenzu Mintoff
Perpura ħadra



Carmelo M. Bonnici
Il-mandat il-ġdid



Joe Ellis
Kif politiku-imprenditur flok statista jsir ċerċur



Emmanuel Micallef
Awtonomija istituzzjonalizzata



Toni Abela
Presidenza rilevanti


Il-Punt - Helen Borg
Il-ħalib tal-omm – għaliex l-aħjar għażla

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan