Toni Abela | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Kienet l-ewwel darba li ltqajt miegħu mill-qrib wara li laħaq President. Sa ftit qabel nafu jiġri fil-kurituri tal-Qrati bħali, joqmos minn awla għall-oħra, bħali jittama li jlaħħaq mal-kawżi kollha.
Sa ftit ilu niftakru f’pellegrinaġġ minn Każin Laburista għall-ieħor, jipprova jikkonvinċi lid-delegati tal-Partit li għandu jkun Mexxej tal-Partit Laburista u, ngħiduha kif inhi, kiseb riżultat ta’ nies. Għaddew biss ftit tax-xhur minn dak iż-żmien u issa jinsab fuq il-pultruna tal-President ta’ Malta. Għal uħud sorpriża imma għal oħrajn le.
Bejn George l-avukat, il-politiku u l-President hemm xi ħaġa komuni: il-karattru tiegħu, li anke jekk ma taqbilx ma’ dak kollu li qal u seta’ għamel, fil-preżenza tiegħu tħossok komdu daqslikieku ilek tafu s-snin u li qed titkellem ma’ xi ħadd fis-salott tad-dar.
Meta flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista ltqajna miegħu uffiċjalment, ħassejna qisna qegħdin niltaqgħu miegħu fil-kċina ta’ darna. Tħossok kalm u ’l bogħod mill-uffiċjalità tal-okkażjoni.
Għalhekk ħass, meta rtirat l-Istampa, li mhux biss stajna nitkellmu iżda fi spirtu ta’ ħbiberija anke nitfgħu xi battuta antika lil xulxin.
Minħabba l-okkażjoni u għal għajn l-Istampa messitni x-xorti li ngħid erba’ kelmiet. Bil-pulit tajtu l-istim, meta nsistejt li l-Presidenza mhix kariga tal-baned u żigarelli biss kif hawn ħafna jaħsbu.
Il-Presidenza għandha poteri li jekk jintużaw tajjeb fil-mumenti opportun hi wkoll kariga li għandha l-poter, veru wieħed limitat, iżda xorta hemm qiegħed. Għidtlu li l-Partit Laburista jħares lejn il-President bħala l-għassies u l-kustodju ta’ kull aspett tal-Kostituzzjoni u li kull darba li din tinkiser, fejn iċ-ċittadin ma jistax jaġixxi, għandu jintervjeni l-President biex dan ma jiġrix.
Stennejt it-tweġiba tiegħu. Jekk naf sewwa lil George Abela, dan hu bniedem ta’ għemil u mhux ta’ paroli. Jekk ħafna qegħdin jaħsbu li George se joqgħod ċiċċi bilqiegħda bħal dawk li ġew qablu nista’ ngħidilhom minn issa li sejrin imqarrqin. George se jissorprendi daqs kemm kienet sorprendenti għal xi wħud il-ħatra tiegħu f’din il-kariga.
Ħajjet George, li stranament dejjem żamm ’il bogħod mill-Parlament biex illum qiegħed fuqu, dejjem kienet immarkata b’xi kontroversja, frott ta’ prinċipji, ta’ kif jarahom hu.
Laqatni meta qal li jrid li l-Presidenza tkun rilevanti. Laqatni meta qal li l-poteri tal-President mhumiex daqstant definiti fil-Kostituzzjoni. Laqatni l-mod kif beda jberren jgħajjat li mill-Presidenza irid jagħmel kariga li tagħmel sens u mhux li tkun biss tal-imqass taż-żigarelli u ta’ ħwejjeġ stirati għaċ-ċerimonji.
Jidher li jrid iġib bidla fil-Presidenza li s’issa oħrajn beżgħu li jagħmlu. F’dinja fejn in-nies qegħdin isiru aktar rilevanti mill-politiċi, ikun tajjeb li jkollna Presidenza li tirrifletti din ir-rilevanza. Għandi xi żewġ suġġerimenti għal George.
George għandu jinsisti li jkun hemm tibdil fil-Kostituzzjoni, f’dawk l-aspetti li jolqtu liċ-ċittadin bil-problemi ta’ kuljum. Għandu jkun hemm id-dritt tal-petizzjoni individwali lill-President. Il-President għadu jkun l-għajn tal-uġigħ taċ-ċittadin li wara li jkun għamel dak kollu possibbli biex jieħu sodisfazzjon mill-politiku u l-istituzzjonijiet, ikun il-President li jressaq l-ilmenti ġusti u mhux kull ilment, quddiem il-Parlament. Differentement mill-Ombudsman jiġbed pubblikament l-attenzjoni tal-politiku mingħajr ma jindaħal lill-Eżekuttiv.
F’pajjiż fejn sistema ta’ mertu ma teżistix il-President għandu jkun il-missier ta’ sistema ta’ meritokrazija. Jien qatt ma emmint li ħatriet f’awtoritajiet kostituzzjonali għandhom ikunu t-territorju esklussiv tal-klassi politika. Għalkemm nemmen li għandhom ikollhom id-dritt li jinnominaw in-nies tagħhom, kif qiegħed jiġri issa, m’għandhomx ikunu huma biss li jagħmlu dan.
Hekk qiegħed jiġri bħalissa f’kummissjonijiet bħal dik tax-xandir u tal-impiegi. Jien nemmen bis-saħħa kollha li ċ-chairperson bi dritt ta’ veto f’dawn ix-xorta ta’ kummissjonijiet għandu jkun maħtur mill-President. B’hekk ikun jidher tassew li dawn huma kummissjonijiet li tassew isiru fl-interess tal-poplu kollu u mhux tal-politiċi.
Għandna wkoll nirrevedu l-mod kif il-President “jagħti” l-maħfra.
S’issa l-maħfra presidenzjali f’diversi okkażjonijiet kienet ta’ imbarazzament għall-poplu Malti. Il-każ ta’ Quieroz, il-każ ta’ meta kellu jirriżenja Charles Mangion u issa ta’ Żeppi l-Ħafi. Dawn kollha kienu mumenti fejn tqiegħed f’dell ikrah il-President, meta fir-realtà l-President ma kellu x’jaqsam xejn ħlief li jkollu joqgħod ta’ bilfors fuq dak li jgħidlu l-Parlament. Veru li mingħajr firma mill-President il-maħfra ma toħroġx iżda s’issa hi biss formalità Kostituzzjonali.
Jien nemmen li l-maħfra Presidenzjali tassew għandha tkun tal-President. Ma tagħmilx sens li din tibqa’ f’idejn il-politiku meta b’xi mod jew ieħor kull maħfra kontroversjali li kellna s’issa kienet intrinsikament marbuta mal-politika. Anzi l-maħfra Presidenzjali għandha tassew tkun tal-President preċiżamant biex nevitaw deċizjonijiet politiċi, li komodament jingħataw libsa Kostituzzjonali biex jidhru sbieħ u onorabbli. Jien konvint li bniedem bħal George mhux faċli jaċċetta maħfriet li jkunu jidhru biċ-ċar li huma ta’ konvenjenza.
Fl-aħħarnett jekk tassew irridu li l-Presidenza tkun tal-Maltin kollha rridu wkoll nippruvaw nibdlu l-mod kif jinħatar il-President. S’issa wieħed biss dejjem deher li kien tassew il-President ta’ kulħadd: Sir Anthony Mamo. Mhux għax dawk li ġew qablu ma għamlux li setgħu biex jidhru hekk, iżda persuna li tkun ġejja friska friska mill-kamp politiku, jekk mhux ukoll tkun għadha ħierġa minn xi kampanja elettorali qalila u partiġġana, diffiċli tinżel ma’ kulħadd bl-istess mod. Jien naħseb li George se jirnexxilu jagħmel dan.
Jekk persuna tiġix aċċettata jew le minn kulħadd ma għandhiex tiddependi mill-karattru ta’ min qiegħed jokkupa din il-kariga iżda mill-mod kif jintagħżel. Naħseb li l-President m’għandux jibqa’ jinħatar b’sempliċi maġġoranza mill-Parlament. Għandu jinħatar b’mhux anqas minn żewġ terzi tal-Parlament. Jekk isir hekk hemm ċans tajjeb li l-konsensus Parlamentari jirrifletti ruħu fost il-poplu. Il-parti l-kbira tan-nies fit-triq joqogħdu fuq dak li jgħid il-Partit tagħhom permezz tal-Membri Parlamentari fil-Parlament.
Naf li dawn il-proposti u oħrajn mhux faċli jiġu aċċettati. Iżda jekk irridu li din il-kariga jkollha rilevanza rridu niċċaqalqu. F’kollox daħħalna r-ristrutturazzjoni u kif dejjem jgħidu l-politiċi meta jaqblilhom, jekk ma nbiddlux, immutu. L-għażla hi bejn li jkollna mummja bħala President jew wieħed tad-demm u l-laħam. L-għażla hi bejn ir-rilevanza u l-irrilevanza!