MediaToday

Aħbarijiet | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139

Bookmark and Share

L-edukazzjoni inklussiva ma tinkludix lill-ġenituri

L-edukazzjoni f’Malta bħalissa għaddejja minn bidla sħiħa minħabba r-reviżjoni tas-sistema tal-kulleġġi biex tersaq dejjem aktar lejn edukazzjoni inklussiva. Iżda t-tfal li għandhom jiġu l-aktar inklużi kemm qed jibbenefikaw mis-sistema? FRANICA PULIS tkellmet ma’ xi ġenituri li wliedhom ingħataw Learning Support Assistant biex tara x’inhi s-sitwazzjoni

Din il-gazzetta rċeviet xi lmenti dwar is-sistema edukattiva fl-iskejjel li tolqot lit-tfal li jingħatawlhom Learning Support Assistants (LSA) li qabel kienu jissejħu facilitators. Fost l-ilmenti kien hemm nuqqas ta’ involviment tal-ġenituri nfushom, li donnu kulħadd jaħdem għal rasu u li l-ġenituri jsiru jafu min huma l-LSAs ta’ wliedhom ftit jiem biss qabel ma jibdew l-iskola, jekk mhux jiem wara, permezz tal-communication book li hu l-mezz li l-ġenituri jkollhom kuntatt mal-LSAs ta’ wliedhom.
Tlabna l-kummenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li spjega kif taħdem is-sistema: “Meta tifel jingħata LSA Support fil-Primarja dan jibqa’ miegħu anki fis-Sekondarja, dejjem jekk fil-laqgħa tat-transizzjoni jiġi deċiż li l-istudent se jkollu bżonn dan is-support fis-sekondarja wkoll.”
Dwar jekk it-tfal isirulhomx reviews biex jaraw inbiddlulhomx il-ħtiġijiet tagħhom, il-kelliem qal: “L-iStatementing Moderating Panel (SMP) meta jagħti s-support tal-LSA fl-ewwel snin (Kindergarten 1 u 2) ġeneralment jagħmel review qabel il-Yr 1 jew kif jkun indikat biex jara jekk l-istudent għandux bżonn ta’ aktar jew inqas support.
“Dawn ir-reviews jingħataw ukoll anki f’każijiet oħra lil tfal fil-Primarja (bejn Yr 1 u Yr 6) biex il-panel jara kif sejjer l-istudent. Reviews jintalbu mill-ġenituri jew mill-iskola wkoll.
Staqsejnieh ukoll jekk mill-2007 lil hawn jekk din il-problema ta’ nuqqas ta’ LSAs kwalifikati li jaħdmu ma’ tfal b’awtiżmu ssolvietx u jekk isirux compatibility tests bejn l- LSAs u dawn it-tfal.
“Il-ħtiġijiet ta’ tfal awtistiċi u tfal oħra bi bżonnijiet speċjali jiġu eżaminati minn Senior Management Team (SMT) u l-Inclusion Coordinators (INCOs) tal-iskola biex tiġi deċiża l-għażla tal-LSA skont il-bżonnijiet tat-tifel jew tifla,” temm jgħid il-kelliem.
Il-gazzetta xtaqet tqabbel esperjenzi differenti ta’ ġenituri oħra kif ukoll ta’ persuna mdaħħla fl-edukazzjoni inklussiva.

Jitkellmu erba’ ġenituri oħra

Omm ta’ tifla ta’ seba’ snin li tattendi skola primarja tal-Gvern
“Fil-bidu kien hemm il-laqgħa mal-istatementing board biex jingħata l-appoġġ tal-LSA. Però wara dan ftit li xejn involvewna. Minn sena għall-oħra ma nkunx naf min se jkun l-LSA tagħha. Insir naf f’Settembru kif ikunu se jibdew it-tfal.
“Is-sabiħa hi li sirt naf b’kumbinazzjoni li saret laqgħa ta’ evalwazzjoni fl-aħħar tas-sena biex l-għalliem u l-LSA jaraw x’intlaħaq mit-targets tal-Individual Education Plan (IEP). La qaluli bil-laqgħa u lanqas biss kien hemm xi ħadd mill-amministrazzjoni. Kollox qisu jsir għal riħu. Is-sena l-oħra (2007-2008) tlabt biex naraw jekk binti għandhiex tibqa’ bl-istess livell ta’ għajnuna u tawni risposta għal 2008-2009 f’April ta’ din is-sena!”
L-omm argumentat ukoll li huma mhux dejjem kellhom Map Action Planning System (MAPS) sessions. IEP sessions kellhom imma nies mill-amministrazzjoni ma tantx jinvolvu rwieħhom. Fil-fatt il-kap tal-iskola ftit li xejn jaf dwar il-bżonnijiet ta’ bintha. Hi rat titjib f’bintha iżda tħoss li jista’ jsir ħafna iktar kieku kull min hu konċernat bit-tifla jaħdem bħala tim.
“Jien nixtieq li binti jkollha programm ħolistiku u mhux ħafna biċċiet. Hi tattendi l-programm tal-Eden ukoll u m’hemmx kuntatt mal-iskola. Qisu kulħadd għalih u jien nibża’ nitkellem li ma jmurx xi ħadd jieħu għalih u jeħodha ma’ binti.”

Missier ta’ tifla ta’ tmien snin b’awtiżmu li tattendi skola privata
Il-missier spiss jiltaqa’ ma’ ġenituri oħra ta’ tfal b’awtiżmu u qalilna li f’ċerti skejjel tal-knisja u privati ġieli l-ġenituri jsiru jafu lil-LSA qabel ma tispiċċa l-iskola ħalli jippjanaw flimkien is-sena l-ġdida u sostna li kieku hekk ikun l-ideali.
“Fi skejjel oħra ma naħsibx li jiġri hekk. Kultant lanqas nota ma ssib fil-basket tat-tfal li jinfurmahom min hu l-LSA. Għalhekk il-ġenituri jqattgħu msarinhom fl-ewwel ġimgħat għax ma jkunux jafu kif qed imorru t-tfal u x’issarraf l-LSA.
“Li hu ċert hu li m’hawnx LSAs imħarrġin biżżejjed dwar l-awtiżmu. Allura fuq liema kriterji qed jibbażaw il-ħtiġijiet tat-tfal? Xi drabi tista’ tkun l-aqwa LSA u ma taqbilx assolutament mat-tifel jew tifla. Li naf biċ-ċert hu li ma naf bl-ebda każ li l-ġenituri kellhom say fl-għażla tal-LSA.”
Ġenituri ta’ tifel li issa għandu 17-il sena u li kien imur fi skola regolari
“Meta kien l-iskola dejjem kellna MAPS session fl-aħħar tas-sena skolastika u IEP meeting ftit wara li jerġa’ jibda s-sena. Konna naraw il-progress li kien sar, fejn ma kienx hemm żvilupp u x’jistgħu jagħmlu aħjar jew aktar l-LSAs. Kellna grupp ta’ LSAs biex jaħdmu mat-tifel matul is-sena u dawn kienu tas-suġġetti.”
Huma ġew ikkonsultati kemm-il darba u ħassew li l-għajnuna tal-LSA wasslet għal titjib fl-edukazzjoni tat-tifel.
“Kien hemm żvilupp, forsi seta’ kien hemm iżjed, imma mhux bilfors. Kien jiddependi wkoll mit-tifel, kemm xtaq jaħdem u jikkoopera. Kienet diffiċli wkoll li taħdem miegħu d-dar meta beda jikber.”

Ġenituri ta’ tifla ta’ 13-il sena li tmur fi skola tal-Knisja tal-bniet
Binthom isirulha reviews biex jaraw il-ħtiġijiet tagħha minn żmien għal
żmien. Huma ġew ikkonsultati kemm-il darba u raw titjib fit-tifla grazzi għal-LSA.

Jitkellem Dr Andrew Azzopardi

Andrew Azzopardi hu lecturer fl-Università ta’ Malta u speċjalizzat fl-edukazzjoni inklussiva u għadu kif ħareġ il-ktieb Reading stories of inclusion.
“Il-kwistjoni hawn mhix jekk jingħatax is-support jew le imma x’tip: jekk hux qed jiġi kwantifikat f’riżultati, jekk l-għajnuna hix tal-aħjar tip u kemm il-ġenituri tat-tfal qed ikunu mdaħħla fihom attivament.
“Il-biża’ tiegħi hi li hemm ħafna ħela u sparparjal ta’ flus u riżorsi, nuqqas ta’ moniteraġġ u ħafna proċeduri bħall-MAPS u l-IEPS li mhumiex qed jitħaddmu bl-aħjar mod. L-indħil tal-Union tal-Għalliema ma jgħinx għax ma’ kull ċaqliqa li ssir tkun trid tinvolvi ruħha anke jekk din ma taqax taħtha. Donnu l-operat fl-iskejjel irid jgħaddi mill-filtru tal-union. Din hi inaċċettabbli.
“Hemm l-oncall system, sistema li meta tfalli LSA tinbagħat oħra, imma mhix titħaddem b’mod effettiv. Imbagħad dawk l-LSAs li għandhom it-tfal li jbatu b’inkontinenza jibagħtu għall-ġenituri biex jiġu jbiddlulhom huma. Xi ngħidu għall-fatt li m’hemmx biżżejjed Inclusion Coordinators u SMTs imħarrġa sew? Is-sistemi hemm qegħdin imma għad fadal wisq xi jsir.”
Għat-tieni tweġiba li ta l-Ministeru dwar ir-reviews, Azzopardi, qal: “Jista’ jkun li dak li jkun jixtieq jagħmel SMP imma fir-realtà, jekk tidħol fil-fond, f’ħafna każi kulħadd jaħdem għal rasu, li l-għalliema u l-kapijiet tal-iskola ħafna drabi qed jabdikaw mir-responsabbiltà u jitilqu kollox f’idejn l-LSAs. Dan hu ħażin għax it-tfal huma tal-iskola kollha.
“L-iskola trid tinbena bħala komunità. L-LSAs, għalkemm qed jingħataw korsijiet bażiċi u wħud minnhom anki jagħmlu korsijiet universitarji, xorta huma neqsin minn taħriġ speċjalizzat. Minbarra li ħafna mil-LSAs isiru jafu min huma l-istudenti tagħhom f’Settembru. Kif tridhom ikunu ppreparati?”
Dwar it-tweġiba tal-ħtiġijiet tat-tfal bi bżonnijiet speċjali, Azzopardi sostna li hi “ ’il bogħod ħafna mill-fatti. M’hemmx matching, m’hemmx koordinazzjoni mal-ġenituri u m’hemmx strutturi li jakkomodaw lill-bżonnijiet individwali tat-tfal.
“Ħafna mid-deċiżjonijiet ta’ min se jgħin u jaħdem jittieħdu biss fuq kriterji amministrattivi u burokratiċi u mhux li jpoġġu fuq quddiem l-interess tat-tfal. Jeżistu skejjel li qed jippruvaw jiżviluppaw prattiċi pożittivi. Ejja nappoġġawhom aktar.”

 

 

Intervista
Bejn linja u oħra

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono




Wenzu Mintoff
Perpura ħadra



Carmelo M. Bonnici
Il-mandat il-ġdid



Joe Ellis
Kif politiku-imprenditur flok statista jsir ċerċur



Emmanuel Micallef
Awtonomija istituzzjonalizzata



Toni Abela
Presidenza rilevanti


Il-Punt - Helen Borg
Il-ħalib tal-omm – għaliex l-aħjar għażla

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan