Sports | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Titkellem ma’ persuna midħla sew tal-Kumitat u l-klabb ta’ Birkirkara fil-mument tiġi verament fid-dubju jekk dak il-ħin f’din il-lokalità hux għaddejja xi gwerra ċivili jew le. John Borg, magħruf aħjar ma’ dawk dilettanti tal-logħba lokali bħala ‘il-Crusher’, huwa l-persuna li jista’ verament iservi bħala l-pont tal-paċi f’dan il-mument fejn l-alleanzi u l-fazzjonijiet f’dik il-kamra tal-Kumitat ta’ fuq il-McDonalds fil-Wied ta’ Birkirkara qegħdin jispikkaw.
John ilu jservi f’dan il-klabb għal dawn l-aħħar snin. Beda mix-xejn, ġie Malta ta’ 15-il sena u llum spiċċa wieħed mill-personaġġi l-aktar popolari fit-toroq ta’ dan l-ikbar raħal f’Malta, forsi anki għax igawdi popolarità fil-Uefa grazzi għall-pożizzjoni li għandu fil-European Clubs Association.
Niltaqa’ miegħu t-Tnejn wara nofsinhar, ġurnata biss wara faqqgħet ‘il-bomba’ li Victor Zammit kien irriżenja minn President ta’ Birkirkara FC wara 13-il sena. John huwa persuna li wieħed ta’ min jammira. F’mument ta’ tensjoni bħal dan mhux faċli ssib min jidher fuq quddiem u jitkellem. Madankollu l-Kunsillier il-ġdid ta’ Birkirkara jħoss li għandu jerfa’ r-responsabbiltà u anki jekk bl-aktar mod diplomatiku, jirrispondini fuq kull mistoqsija li għamiltlu.
Jien ma stajtx ma nibdiex nitkellem miegħu fuq it-terremot li għaddej bħalissa fil-klabb ta’ Birkirkara. Imma x’ġara eżatt biex wassal lil Victor Zammit jitlaq is-siġġu ta’ President ta’ klabb li ta ħafna minn ħajtu għalih? John jaħseb ftit, u jirrispondi…
“Ġenwinament nemmen li jekk għandi nsib difett dwar Victor Zammit ngħidlek li huwa ‘too good’. Matul is-snin tiegħu ma kienx iebes biżżejjed meta kellu jkun iebes. Iżda żgur li ħadd ma jista’ jinnega li għal Birkirkara ta ħafna ħin u ħafna flus. Il-familja tiegħu batew ħafna f’dawn l-aħħar snin. Bħalissa qiegħed inħoss dak li qiegħed iħoss hu. Jien fejn għandu raġun dejjem għidtlu u fejn m’għandux għidtlu wkoll.
“Però sinċerament nemmen li fil-klabb ta’ Birkirkara ħadd ma jrid jarah iweġġa’. Jekk aħna għandna l-presidenti onorarji Victor Zammit għandu jkun l-ogħla wieħed fosthom. Nemmen li għad jiġi żmien mhux fil-bogħod meta jiġi onorat b’dan il-mod.
“Meta niftakar fis-Sur Zammit nitbissem għax bħalissa qed niftakar kemm f’ħafna drabi kienu jagħmluni l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Dejjem kien ikun hemm xi ħadd jaqlagħha u kien hemm żminijiet fejn kont niġi ‘msawwat’ jien ukoll minn kullimkien.
“Għaddejt minn perjodi ibsin ħafna f’Birkirkara. Kulmeta kont dahri mal-ħajt u sibt fazzjonijiet kontrija dejjem sibt grupp ta’ nies li kienu lesti jidħlu fin-nar għalija. Maż-żminijiet ġew ukoll okkażjonijiet għal Birkirkara li għent bi sħiħ fihom bil-kuntatti li għandi fl-Ewropa biex reġgħu tawni s-saħħa u rabtu jdejn min dejjem ipprova jxekkilni.
“Jien lil Victor Zammit nafu sew. Hu kien ilu li wera x-xewqa li jrid jieqaf mill-futbol. Kien jgħid dan id-diskors f’xi drabi fis-seduti tal-Kumitat. Bla dubju hija telfa kbira għall-futbol Malti.”
Matul is-snin, dejjem sħaqt ma’ John li s-sistemà ta’ Birkirkara hija ħażina. Hemm Kumitat kbir ta’ ħafna nies u ħafna nies oħra li dejjem iħufu ma’ persuni viċin il-Kumitat li jpoġġu lilhom infushom bħala ‘Moggi’ tal-futbol Malti. Dawn kollha joħolqu ħafna kurrenti li jistgħu biss itellfu mill-konċentrazzjoni tat-tim minbarra li dawk l-aħbarijiet interni li suppost jibqgħu mistura u qatt ma joħorgu fil-pubbliku dejjem b’xi mod jew ieħor jispiċċaw għand il-ġurnalisti li xi ħaġa hekk tinżlilhom għasel.
“Meta tħares lura faċli tgħid xi ħaġa bħal din. Meta tħares lura tgħid li kulmin serva fil-Kumitat dejjem ta l-almu tiegħu. Min ikkontribwixxa fi flus, min xogħol manwali u min xogħol ieħor. Kulħadd dejjem kellu post u ħadd qatt ma kien għar-rimi.
“Però ngħidlek iva, jista’ jkun li kultant kellna wisq demokrazija. Forsi fil-passat stajna ddettajna b’mod ta’ policy. Jien naħseb li l-problema ta’ Birkirkara matul dawn is-snin kienet li kien hemm wisq zegħil. Biż-żegħil biss ma tasalx. Irid ikollok aktar ħażen u makakkerija. Riedna nżommu l-karti aktar moħbijin kif isir fil-poker.
“Veru li aħna mal-media popolari ħafna però kultant għal raġunijiet ħżiena. Nemmen li kultant aħna l-Karkariżi emozzjonanti żżejjed bħal poplu Ħamruniż u allura l-istejjer negattivi jispiċċaw b’aktar mof faċli għand il-ġurnalisti. Għandna ħafna emozzjoni u għalina l-klabb jiġi l-ewwel u qabel kollox.
“Forsi iva, vera, bħalissa qiegħed jerġa’ jiġri hekk. Jien m’għandix kliem la biex nirribatti u anqas biex nikkonferma dak li diġà ħareġ fil-media. L-uniku ħaġa li nista’ nagħmel għal Victor Zammit huwa eloġju sħiħ. Li għamel hu s’issa hu diffiċli biex jerġa’ jagħmlu bniedem waħdu. Huwa persuna meraviljuża għal Birkirkara. Poġġiena fuq il-mappa tal-futbol u daħħal ambjent ġdid f’Birkirkara. Bis-saħħa tiegħu t-tim bena pedament sod biex għas-snin li ġejjin inkompli fit-triq li nisfidaw għall-unuri.”
Nistaqsih li la allura jafu b’dawn il-problemi għaliex ma jingħaqadx min hu vera ta’ rieda tajba biex flimkien jeliminaw lil min b’xi mod matul is-snin ipprova jxekkel il-ħidma tal-Kumitat?
“Il-problema li qiegħda teżisti bħalissa f’Birkirkara ilha magħna tlieta jew erba’ snin u m’hemmx soluzzjoni għaliha. Il-Kumitat kien magħqud iżda fl-istess ħin kien hemm diverġenza ta’ opinjonijiet li maż-żmien spiċċat f’piki personali. Sfortunatament b’hekk isiru l-fazzjonijiet u l-alleanzi.
“Kulħadd kien jaf li kellna Kumitat staġnat. Il-memri tal-Kumitat ħafna drabi kienu jkunu bħal żewġ mogħżiet tal-qrun imdawwar li joqgħodu jħabbtu ras ma’ ras sakemm xi ħadd minnhom iċedi u jaqa’ mal-art. Il-problema qatt ma kienet fis-suċċess għax is-suċċess jgħatti kollox. Il-problemi dejjem kienu jqumu fil-mumenti tal-dillużjonijiet.”
John Borg twieled fis-6 ta’ Mejju 1962 u joqgħod il-Mellieħa. Miżżewweġ lil Geraldine u missier ta’ żewġt itfal, Glenn u Jamie. John twieled l-Awstralja iżda kien ġie Malta mal-familja tiegħu meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel.
“Jien Karkariż naturalizzat minħabba l-fatt li twelidt l-Awstralja u ġejt Malta ta’ 15-il sena. Ommi Karkariża u missieri Qormi iżda jien dejjem trabbejt f’Birkirkara u kulma kelli nvolut f’ħajti kien dejjem assoċjat b’xi mod jew ieħor ma’ din il-lokalità. Il-ftit li lgħabt futbol meta kont żgħir dejjem kien ma’ Birkirkara. Għalkemm iżżewwiġt dejjem bqajt attiv ma’ affarijiet soċjali allokati mar-raħal.
“Storja li titbissem meta ngħid kif spiċċajt fil-Kumitat ta’ Birkirkara. Jien kont partitarju ferventi u għalkemm dak iż-żmien qatt ma kellna xi tim kbir kont wieħed li dejjem bqajt wara t-tim anki jekk ix-xemx kienet ftit u x-xita kienet ħafna.
“Niftakar li kien l-istaġun 1989/90 meta wasalna fil-finali tat-Trophy kontra s-Sliema. Rajt eluf kbar ta’ Karkariżi. Kienet l-ewwel finali li rajt għal Birkirkara għax kien hemm oħra qabilha u ma stajt naraha qatt għax kont għadni l-Awstralja. Konna tlifna 1-0 b’gowl ta’ Hubert Suda lejn l-aħħar sekondi. Kien minn dakinhar li nħoloq l-ewwel speċi ta’ supporters club u jien kont parti minnu.
“Is-sena ta’ wara kien hemm Joe Gauci, il-President li ħajjarni biex noħroġ għall-Kumitat. Forsi għamel hekk biex jgħabbini bir-responsabbiltà u jserraħ aktar rasu minni għax kont ftit imqarqaċ. Fl-istaġun 1990/91 tlajt għall-ewwel darba fil-Kumitat u taqta’ għal staġun wieħed dejjem kont fil-Kumitat ta’ dan il-klabb.”
Nistaqsih kif kienu dawn is-snin kollha fil-Kumitat u x’ra jinbidel fis-sistemà ta’ kif jopera b’mod professjonali dan il-klabb.
“L-image ta’ Birkirkara FC bħalha klabb tal-futbol f’Malta tela’ fost l-iktar klabbs popolari. It-tim stabilixxa ruħu fil-Premier fil-bidu tas-Snin Disgħin meta sar President Victor Zammit. Kienet is-sena 1996 meta t-tim tbiddel b’mod radikali. Għamel movimenti kbar fi trasferimenti u l-istat finanzjarju ġie fuq pedamenti sodi. Kien għamel l-ewwel tliet snin jiġġieled kontra l-kurrenti kollha għax int meta tibda tiela’ fl-istatura tiegħek issib min ma tantx jaċċettaha malajr għax tkun se tieħu postu. Sifirna l-ewwel darba fl-Ewropa fl-1997 u minn dakinhar sal-lum qatt ma fallejna minn dan l-appuntament li niksbu post fl-Ewropa. Qabel kienu jgħajruna li nirbħu biss il-bikkerini iżda fl-2000 wasal l-ewwel kampjonat fl-istorja ta’ Birkirkara.
“Kienet xi ħaġa straordinarja għall-poplu Karkariż. Anki f’dawk li huma ċelebrazzjonijiet. Għamilna affarijiet kbar bħalma għamel ħaddieħor fil-passat. Ħadna l-ikbar sodisfazzjon għax b’dak ir-rebħ tat-titlu kien daħal tim ieħor fil-grupp tal-klabbs li xi darba saru champions ta’ Malta. Is-sena ta’ wara ħadna l-ewwel FA Trophy biex b’hekk dħalna fl-istorja wkoll bħala klabb li rebaħ l-unri kollha li joffri l-futbol Malti.”
John huwa wkoll membru fil-European Club Association li bħalissa f’Malta għandna lil Valletta u lill-istess Birkirkara assoċjati magħha. Il-European Club Association huwa speċi ta’ Kumitat li jiddefendi l-klabbs iż-żgħar li ġejjin mill-pajjiżi ż-żgħar. Bħalissa din l-Assoċjazzjoni qiegħda taħdem biex id-dħul ta’ dawk il-klabbs li ma jaslux sal-fażi tal-gruppi tal-Uefa Champions League jiżdied bi 30 fil-mija. Imma ngħid jien, persuna b’dawn il-kuntatti kollha kif jista’ jkun li ma ssib postha imkien fl-MFA?
“Din hija mistoqsija li dejjem staqsejtha lili nnifsi. Jien miniex imdaħħal fl-ebda bord tal-MFA, anqas imqar f’dak il-bord tal-ixkupi u l-pali li jiġbru ż-żibel ta’ wara l-logħba. Naraha stramba kif imqar xi darba xi ħadd fl-MFA talabni nagħmel parti minn xi bord. Jien dejjem emmint li fil-futbol Malti għandna bżonn nies li kapaċi jikkontribbwixxu. Qatt ma ġejt mitlub u qatt ma tlabt biex inkun. Nemmen li jekk għandi nkun f’xi bord għandi nkun fuq il-merti tiegħi u mhux għax għeni xi ħadd.
“Jekk tasalli offerta ta’ xi ħaġa li onestament nemmen li nista’ nikkontribwixxi fiha naċċettaha. Inutli nkun fuq bord mhux ta’ jdejja. Għal ġid tal-futbol Malti lest anki nieqaf mill-futbol fuq livell ta’ klabb.”
Nitkellem miegħu fuq l-avvenimenti li ġew għal Birkirkara matul is-snin. Bis-saħħa tal-klabb Karkariż rajna f’pajjiżna klabbs ġganti fl-ewropa bħal Manchester United u Milan.
“Meta ġew Manchester Utd kont involut biss f’affarijiet żgħar li kulħadd kien qed jieħu ħsieb dak il-ħin.
“Iżda tal-Milan kont fiha sew. Konna ħamsa minn nies li ħdimna perfettament. Kulħadd ħa l-parti tiegħu sew. Jien bqajt mal-plejers u mat-tim ta’ Milan kulfejn marru. Kien unur għalija u għall-klabb ta’ Birkirkara li kollox kien miexi fuq ir-rubini. In-nies għadhom iwaqqfuni sal-ġurnata tal-lum u jkellmuni fuq dak l-avveniment. Għadni ngħożż ġo qalbi ċerti laqgħat speċjali li kellna jiena, Kakà u Ancelotti ma’ diversi tfal morda. Dak li rajt b’għajnejja bidilli l-mod ta’ kif inħares lejn il-ħajja. Kien hemm każ ta’ familja f’Pembroke li baqa’ stampat f’moħħi sal-lum.”
Ma ninsa qatt meta xi sena ilu ġie fuqi missier John. Deher imweġġa’ u beda jirrakkuntali li minħabba l-mawra tal-Milan f’pajjiżna t-tifel tiegħu spiċċa tilef ir-relazzjonijiet tajba li kellu ma’ One TV. Il-każ ġara fuq crew ta’ One Sport li kien baqa’ ma ntervistax xi plejers ta’ Milan f’dak iż-żmien li kienu f’pajjiżna. Nistaqsih x’kien ġara eżatt u jekk wara tliet snin ir-relazzjoni tiegħu mal-istazzjoni ġietx irranġata jew le.
“Il-każ weġġagħni ħafna. Żgur li ma kinitx politika kif kien hemm minn pinġiha għax jien ġej minn familja Laburista. Iktar weġġgħu ommi u missieri milli jien. Ħa nispjegalek eżatt x’ġara…
“Niftakar li kelli appuntament ma’ ġurnalist u cameraperson li bagħatli Mark Cutajar biex jippruvaw jieħdu xi intervista ma’ plejer mill-kbar tal-Milan għall-programm l-Argument. Jien aċċettajt bħalma aċċettajt ma’ kull stazzjon ieħor. Dakinhar il-Milan kienu ordnati mill-Adidas biex imorru l-Eurosport. Kont miftiehem mal-crew ta’ One Sport biex indaħħalhom f’parti tal-Eurosport fejn m’hemm ħadd. Kien hemm eluf ta’ nies barra.
“Kif bdiet is-serata tal-Eurosport f’xi 6.00pm irċivejt telefonata minn barra u qalli li l-plejers li kien għad fadal tat-tim nazzjonali kienu telqu minn Ruma. Kien għad fadal erba’ plejers li baqgħu l-Italja biex jingħataw il-midalja mingħand Berlusconi ta’ Ġieh ir-Repubblika talli rebħu t-Tazza tad-Dinja.
“Infurmawni li fis-7.00pm kellu jinżel il-private jet bil-plejers u għalhekk qbadna ż-żewġ karozzi li kellna disponibbli dak il-ħin u tlaqna sparati lejn l-ajruport. Ħadnihom il-lukanda u baqgħu tilgħin fil-kmamar tagħhom għax kien għadu l-ħin tal-ikel.
“Sadanittant irċevejt telefonata mill-kollegi li kienu l-Eurosport fejn qalulhom li l-Adidas ordnaw lil Milan jagħmlu siegħa oħra hemm. Kif qaluli hekk tefgħuni l-baħar għax l-erba’ plejers li kienu għadhom kif ġew kienu fil-kmamar u bla permess ma setgħu qatt jitkellmu fil-media. Mentana, il-PR tal-Milan, kien il-Eurosport mal-kontinġent. F’xi 8.30pm ġew il-plejers u ftit wara daħalli sms mingħand Mark Cutajar li kien fih kliem dispreġġattiv li weġġagħni ħafna.
“B’dik il-pressjoni ta’ xogħol li kien hemm u bit-tensjoni kollha li kelli ħassejt li ma kienx sew li jibgħat messaġġ hekk u allura ma kellix għalfejn ninsista aktar għalih. Waqt l-ikel ta’ filgħaxija bdew jidħluli messaġġi u telefonati mingħand persuni oħra fejn infurmawni li kien qiegħed isir attakk sfrenat fuqi fil-programm l-Argument. Ċempilt dak il-ħin u tlabt li nidħol nirribatti dan kollu fuq il-programm.
“L-għada filgħodu tlabt laqgħa maċ-Chairman ta’ One Productions, Michael Vella Haber biex nikkjarifika s-sitwazzjoni. Jien għadni mweġġa’ sal-lum u missieri mweġġa’ aktar minni. Xtaqt nassigura lil kulħadd li jien il-politika ma ndaħħalha qatt fl-isport. Tant kemm hu hekk li kif kellna l-konferma li ġejjin il-Milan ċempilt lit-tliet stazzjonijiet il-kbar biex jagħmlu programm dirett it-tlieta. One TV kienu qaluli li ma jifilħux jaħlu Lm1,000 fuq OB Unit għal Milan.
“Din hija l-ewwel darba li għidt l-istorja kif kienet mill-bidu sal-aħħar. Però għadni mweġġa’ li sal-lum il-ġurnata għadni blacklisted minn One TV. Jiġifieri bqajna ma ħfirna xejn lil xulxin. Minn dak inhar qatt ma ġejt mitlub biex nerġa’ mmur f’xi programm. Anzi darba ċempluli bi żball, indunaw li kont jien u qatgħu l-linja.”
Illum, John Borg huwa membru tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara f’isem il-Partit Nazzjonalista. Nistaqsih x’wasslu biex ikkontesta din l-elezzjoni u kif se jservi lill-poplu Karkariż wara li ngħata l-fiduċja.
“Wieħed mill-għanijiet li ridt noħroġ għall-Kunsill hu għax immiss il-komunità Karkariża 20 sena. Hemm pjan ambizzjuż li għadu fi stadju ta’ ħolma biex xi darba jkollna Multi Sports Complex u rrid ngħin ħafna fiha. Hemm xi żoni tal-Gvern lejn il-bypass ta’ Birkirkara.
“Michael Fenech Adami bħala Sindku diġà beda jaħdem ħafna fuq dan kollu. Ċert li se naslu anki mal-Kunsillieri Laburisti. Ma ninsewx li fil-Kunsill ta’ Birkirkara kważi dejjem kien hemm qbil unanimu fuq kollox u fl-aħħar tliet snin kien hemm bżonn li jitttieħed vot xi darba biss.”
John jirringrazzja lill-poplu Karkariż kollu u lil dawk li kienu l-aktar viċin tiegħu matul ħajtu.
“Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fija u anki li ma tawnix il-vot. Jien xorta nwiegħed li se ngħin il-poplu kollu għax naf li ma vvutawlix nies ta’ twemmin Nazzjonalista biss.
“Jien nemmen li dak li se jiġri fil-klabb ta’ Birkirkara fil-jiem li ġejjin huwa l-uniku soluzzjoni biex il-Kumitat jipprova joħroġ mill-istaġnar li daħal fih. Jien għandi idea min huma n-nies ġodda u żgur li l-ġodda m’għandhom l-ebda intenzjoni li jagħmlu ħsara la lill-klabb u lanqas lil xi individwi.”
|
|

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Helen Borg
|
|
|