Pjazzetta| 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Joe Cassar
It-tweġiba ġietu malajr fis-sura ta’ berqa f’moħħu. U sakemm damet ġewwa l-berqa – li kienet bħal waħda ta’ fotografu – il-kannizz, l-isqaq, il-port, l-istess Vigata għebu u reġgħu dehru fl-iswed u l-abjad. Inxtorbu fiċ-ċkunija ta’ ritratt qadim li kien ra ħafna snin qabel imma li ttieħed snin qabel, matul il-gwerra qabel ma twieled hu. Kien juri tifel Lhudi jew Polakk b’idejh merfugħa, għajnejh miftuħa beraħ, l-istess xewqa li ma jsibhiex hekk kif suldat ipponta arma lejh.
(Andrea Camilleri – Il giro di boa / Rounding the Mark)
Andrea Camilleri, Sqalli ta’ nisel Malti. Li kieku ta’ qablu baqgħu Malta ma kienx isib is-suq kbir li għandu llum. Il-kotba tiegħu qed jinqalbu bl-Ingliż minn Stephen Sartarelli li jirnexxielu wkoll b’ħila jaqleb il-biċċiet li huma bid-djalett Sqalli.
Camilleri ħoloq l-ispettur Salvo Montalbano kif Canon Doyle ħoloq lil Sherlock Holmes, Simenon lil Maigret, Holt lil Vik u Ingvar, Lucarell lil De Luca. Mhux il-Montalbano li ġieli naraw fuq it-televixin. It-thrillers huma ferm aħjar meta miktuba. Kotba li jżommu lill-qarrej marbut mal-ħsieb tal-kittieb mill-ewwel folja sal-aħħar.
Montalbano għandu fuq il-50 sena u qed jintebaħ li ż-żmien qed jagħmel tiegħu. Qalbu mhux tajba għal kollox imma ma jibqa’ lura minn xejn. Mhux qed jiftakar kollox bl-amment kif kien jagħmel snin ilu. Ma jsuqx il-karozza bil-qawwi.
Quddiem delitt jibda jinseġ il-ħbula biex jgħaqqad tarf ma’ tarf. Imma t-truf huma ħafna u hekk il-qarrej jibqa’ sal-aħħar ifittex liema tarf se jħoll il-misteri li jiġru f’Vigata, Montelusa, Fonara fi Sqallija. Sqallija fejn Mafja u politika huma id f’id fi traffikar ta’ drogi, bejgħ ta’ tfal, sfruttar ta’ ħaddiema u korruzjoni fil-permessi għall-bini. Ukoll sparar fuq Berlusconi u min minn partit jaqleb għall-ieħor.
Montalbano għandu l-għajnuna ta’ Augello li għandu tarbija li bil-lejl il-ħin kollu tibki. Fazio li għandu ras, Catarella li ma tantx jaf jitkellem, it-tabib Pasquono li għandu karattru stramb u xi ġurnalist. Ta’ fuqu mhuwiex ta’ ħila. Minn hawn jew minn hemm Montalbano jasal.
“Dak li ħasbu li se jiġri ġara. Il-baħar mhux aktar griż, reġa’ sab il-lewn tiegħu. Ir-ramel li kien għadu mxarrab beda jersaq lejn kannella ċar imma wara sagħtejn ta’ dawl tax-xemx sar tad-deheb. L-ilma aktarx kien ftit frisk imma fis-sħana, li diġà kienet qawwija fis-7am, kien se jkun sħun bħal soppa f’nofsinhar.” Xemx jew xita d-dmir irid jitwettaq.”
(Le Vampe d’Agosto/August Heat)
Doċċa, ikla ta’ ħut għand Enzo, għawma, mixja fi xtajta, telefonata lil Ingrid jew lil Livia jagħmlulu tajjeb. Meta l-ħsieb jitqal Montalbano jikteb ittra lil Montalbano. Montalbano hu bniedem bħal oħrajn. M’għadux jemmen li l-qamar hu tal-karta.
“Għajnejha kienu sema fil-bidu tas-sajf, sema ċar u miftuħ, li jitfa’ lura l-bidliet tal-jum. Drabi sħaba żgħira u bajda kienet tgħaddi, dejjem żgħira imma l-inqas żiffa kienet biżżejjed biex iġġegħilha tgħib mill-ewwel”.
(La Luna di Carta / The Paper Moon)
Ħajr lil Agenda Bookshop