MediaToday

Joe Ellis | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139

Bookmark and Share

Kif politiku-imprenditur flok statista jsir ċerċur

Sena ilu Berlusconi reġa’ sar Prim Ministru tal-Italja. Il-Gvern ta’ Prodi waqa’ minħabba l-pożizzjonijiet ideoloġikament irrekonċiljabbli tal-komponenti diversi tiegħu. Berlusconi tant ħassu f’saħtu li għażel li jikkontesta l-elezzjoni mingħajr il-partit kattoliku, l-UDC ta’ Casini, għax ikkalkula tajjeb li kellu saħħa biżżejjed biex jirbaħ il-poter mingħajr l-għajnuna tagħhom.
Il-Partit Demokratiku, magħmul minn eks Komunisti u eks Demokristjani, ma ġabx riżultat tajjeb u l-partiti l-oħra tax-Xellug ma daħlux fil-Parlament. Berlusconi, permezz tal-partit tiegħu Forza Italia u l-alleati eks Neo-Faxxisti tal-Alleanza Nazionale u l-Lega, ġabu maġġoranza komda fil-Kamra u fis-Senat.
Wara d-diskors inawgurali tiegħu ħafna basru li fl-aħħar Berlusconi kien se jiggradwa minn politiku-imprenditur u jsir statista. Ħasbu li mhux se jkollu jaffaċċja l-problemi ġudizzjarji tal-passat u l-maġġoranza li kellu kienet tippermetti li jwettaq ir-riformi meħtieġa ħalli l-Italja ġġedded l-ekonomija tagħha.
Għarralhom bl-ikrah. Mill-ewwel tfaċċa l-każ ta’ Mills, l-avukat Ingliż ta’ Fininvest, li ġie akkużat li rċieva flus mingħand il-grupp ta’ Berlusconi biex jaħlef il-falz fi proċeduri ġudizzjarji kontra kumpaniji offshore ta’ Fininvest.
Mills kien il-korrott u Berlusconi ġie akkużat li hu l-korrottur. Mhix l-ewwel darba li Berlusconi ġie akkużat li xaħħam biex jirbaħ kawżi importanti. Biżżejjed ngħidu li l-eks avukat tiegħu, l-eks Ministru tad-Difiża Cesare Previti, spiċċa l-ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa l-imħalfin ta’ Ruma biex ixaqilbu favur Berlusconi u jirbaħ il-kontroll tal-Mondadori.
Biex ma jgħaddix minn kalvarju ġudizzjarju ieħor il-Ministru tal-Ġustizzja Angelo Alfano ppropona liġi li tat l-immunità lil min ikun fil-kariga ta’ prim ministru: immunità li ma teżisti mkien. Din il-liġi għaddiet fi ftit jiem bil-barka ta’ oppożizzjoni dgħajfa li riedu jevitaw aktar konflitt mal-ġudikatura. Tajjeb infakkru li Berlusconi u n-nies tiegħu dejjem jakkużaw lill-ġudikatura li hi nfiltrata mill-Komunisti u li l-inkwiet tiegħu hu motivat minn komplott kontrieh.
Għaldaqstant, Mills spiċċa, bħal Previti qablu, il-ħaruf tas-saġrifiċċju u ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs. Imma Berlusconi hu kalamita għall-inkwiet, kemm politiku kif ukoll ġudizzjarju, u t-tama li l-ilma se jikkalma sfaxxa għal kollox.
Flok ma l-Gvern Taljan qed jikkonċentra biex jissupera l-kriżi ekonomika ħarxa li qed taħkem l-Italja, Berlusconi qed jispiċċa jħabbat wiċċu ma’ serje ta’ skandli personali li qed jimminaw bil-kbir il-prestiġju tiegħu, speċjalment meta x-xahar id-dieħel se jippresjedi l-laqgħa tal-kbar tad-dinja, il-G8.
Aħna hawn Malta nisimgħu u naqraw dak li joħroġ fil-gazzetti (għax it-televiżjonijiet huma kważi kollha kkontrollati minn Berlusconi). Imma jidher ċar li l-ilsna ilhom itaqtqu fuq l-imġiba privata u ma tantx privata ta’ Berlusconi.
Meta ġie biex jagħżel il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Berlusconi għażel kandidati nisa bla ebda esperjenza politika imma li kienu dehru f’xi Grande Fratello u kienu ovvjament attraenti.
Il-fundazzjoni ta’ Fini, bl-eks kap tal-AN u llum president tal-Kamra, ħarġet tikkritika din l-istrateġija. Il-mara ta’ Berlusconi ma felħitx aktar u attakkat il-mod kif dawn it-tfajliet fil-kilba tagħhom għall-fama, flus u poter kienu qed jiġu sagrifikati lill-Imperatur. Berlusconi u l-partit tiegħu, li issa sar il-PDL wara l-għaqda bejn Forza Italia u AN, dlonk irtiraw il-kandidatura ta’ bosta minn dawn it-tfajliet u missier waħda minnhom mar jipprotesta quddiem Palazzo Chigi billi jipprova jagħti n-nar lilu nnifsu.
Lanqas laħaq inbidel il-qamar li Berlusconi ma sabx ruħu f’kontroversja taħraq oħra. Il-gazzetta prominenti La Repubblica skopriet li Berlusconi kien mar il-festin ta’ tfajla li kienet għalqet 18-il sena, Noemi Letizia f’raħal qrib Napli, Casoria, u taha brazzuletta lussuża. Għaliex mar Berlsuconi ?
It-tfajla stqarret li kemm-il darba marret tara lil Berlusconi f’Ruma jew Milan u li kienet issejjaħlu ‘papì’. Meta beda jipprova jispjega, Berlusconi nqabad jikkontradixxi ruħu kemm-il darba u dan ġagħal lil La Repubblica titolbu jwieġeb 10 mistoqsijiet li baqgħu sal-lum bla risposta. Mart Berlusconi splodiet, stqarrret li ma riditx tibqa’ ma’ min jiffrekwenta minorenni, qalet li hu marid u talbet id-divorzju, it-tieni wieħed għal Berlusconi.
L-eks namrat ta’ Noemi stqarr li kien Emilio Fede li kien l-ewwel darba li ċempel lil Noemi għax kien ra wiċċha fuq ktieb li għamlet biex tippromwovi l-karriera futura tagħha bħala mudella. Wara Fede għadda t-telefon lil Berlusconi li beda jċemplilha regolarment, jistedinha ’l hemm u ’l hawn, anke f’ikliet uffiċjali u jagħtiha rigali għoljin. Stedinha anke tqatta’ 10 ijiem fl-aħħar tas-sena fil-villa tiegħu f’Sardegna f’Villa Certosa flimkien ma’ ħafna tfajliet oħra.
Qam skandlu sħiħ li kompla jikber wara li rriżulta li t-tfajliet kienu jitwasslu f’din il-villa fuq ajruplani uffiċjali. Tfaċċa fotografu li ilu s-snin jieħu ritratti tal-mistednin ta’ Berlusconi jaslu ġimgħa wara ġimgħa fl-ajruport ta’ Olbia u kien anke jieħu ritratti ta’ x’jiġri f’din il-villa. Għalkemm Berlusconi pprova jimblokka xi 700 ritratt milli jidhru, x’uħud dehru fuq gazzetta Spanjola. Dan il-fotagrafu stqarr li għandu xi 5,000 ritratt ieħor li jinkludu anke ċerimonja finta ta’ żwieġ bejn Berlusconi u waħda mit-tfajliet żgħażagħ li jħobb jiddawwar minnhom.
Issa tfaċċa skandlu ieħor din il-ġimgħa. Tfajla minn Bari stqarret li tħallset minn imprenditur ħalli tmur torqod ma’ Berlusconi. Irrekordjat anke x’ħin kienet fil-kamra tas-sodda ma’ Berlusconi. Dan l-iskandlu kixfitu l-gazzetta Corriere della Sera li tista’ tagħti lok għal spekulazzjoni li l-establishment Taljan li jikkontrolla dan il-ġurnal qed jipprepara t-triq biex iwarrab lil Berlusconi u jaħtar minfloku xi personaġġ anqas kontroversjali.
Ir-risposta ta’ Berlusconi kienet tagħjir kontinwu lill-maġistratura, lill-Istampa anke dik barranija u lill-Oppożizzjoni, attakki vjolenti li qed jimminaw id-demokrazija Taljana. Beda jgħajjat li kien qed isir kumplott kontrieh biex jitwarrab. Ma rrealizzax li kienu l-istess azzjonijiet tiegħu li ġabuh f’din is-sitwazzjoni u ċekknuh quddiem id-dinja.
Dawn l-iskandli personali jagħtu lok għal tħassib li jista’ jkun suġġett għal rikatt barra li jpoġġuh f’dawl ma tantx pożittiv. Wieħed jimmaġina wkoll li l-imġiba ta’ Berlusconi timbarazza lill-Italja u lill-mexxejja Demokristjani Ewropej, fosthom Gonzi, li huma mħaddnin fil-Partit Popolari Ewropew.
Meta suppost qiegħed fl-aqwa tal-karriera tiegħu u meta kellu l-opportunità li jinżel fl-Istorja bħala l-istatista li rebaħ lix-Xellug Taljan, Berlusconi spiċċa fil-mira ta’ akkużi kontinwi minħabba l-ħajja xxellerata tiegħu.
Ma jistax wieħed jagħlaq għajnejh għall-imġiba ta’ persunaġġ pubbliku fil-ħajja privata tiegħu, speċjalment meta l-kredibbiltà tiegħu hi fin-nofs. Jidher ċar li Berlusconi se jibqa’ l-oġġett ta’ spekulazzjonijiet skandalistiċi u barra mill-fatt li ċertament tilef mill-prestiġju tiegħu, jidher evidenti li qabad it-triq tan-niżla. Fejn sa ftit ilu kien meqjus bħala indispensabbli għaċ-Ċentru-Lemin Taljan, qed jiġru xnigħat ta’ pjanijiet biex jitneħħa. Jekk dawn l-iskandli se jkomplu joħorġu b’mod regolari, il-ħajja politika ta’ Berlusconi jista’ jkollha tmiem ħesrem. M’għandniex xi ngħidu, kieku Berlusconi kien f’xi pajjiż ieħor kieku ilu li rriżenja imma l-moralità politika fl-Italja hi differenti minn pajjiżi oħra.
L-Italja għandha bżonn tmexxija rasha fuq għonqha li tqabbadha t-triq tar-riformi u mhux tmexxija interessata aktar f’dak li jidher milli fis-sustanza. Berlusconi għandu jagħmel pjaċir lil kulħadd u jsib il-mument li jwarrab għax żmienu issa għamlu.

 

Intervista
Bejn linja u oħra

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono




Wenzu Mintoff
Perpura ħadra



Carmelo M. Bonnici
Il-mandat il-ġdid



Joe Ellis
Kif politiku-imprenditur flok statista jsir ċerċur



Emmanuel Micallef
Awtonomija istituzzjonalizzata



Toni Abela
Presidenza rilevanti


Il-Punt - Helen Borg
Il-ħalib tal-omm – għaliex l-aħjar għażla

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan