MediaToday

Intervista| 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139

Bookmark and Share

Bejn linja u oħra

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono

L-uniku intervista li bla tlaqliq nista’ ngħid li ż-żewġ partijiet ‘waħħluh’ lil xulxin. Mhux fis-sens vulgari tal-kelma, lanqas bil-kontenut tat-tweġibiet iżda għall-mod kif żvolġiet l-intervista. Skont Franco Debono l-ikla favorita tiegħu hi l-ħut u ma jbiddilha ma’ xejn. Imma naħseb wara din tal-llum jerġa’ jaħsibha jekk qattx jerġa’ jissuġġerixxi li l-intervista ssir waqt li qed jipprova jmaxtar l-benna tal-prodotti tal-baħar imsajra minn koki primi Sqallin.
B’idejh ma’ ħalqu jagħmilli sinjal li qed jipprova jibla’ u li dalwaqt se jwieġeb.
“X’naħseb dwar it-telfa elettorali li għaddiet? Ovvjament irridu naħdmu ħafna aktar,” jgħid filwaqt li bħal donnu jixgħel switch li jiġġustifika ħafna mid-deċiżjonijiet ta’ Lawrence Gonzi.
“Trid tqis li appena sena u tliet xhur ilu l-poplu ta mandat lil Lawrence Gonzi. Naħseb waħda mill-aktar deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali kienet li l-Prim Ministru ċekken il-Kabinett. Il-fatt li ċċekken il-Kabinett hu magħruf bħala fattur pożittiv għax aktar ma jkollok Kabinett żgħir aktar faċli tasal għad-deċiżjonijiet. Dan fisser però anqas nies fil-Kabinett u anqas Customer Care fil-Ministeri. Dawn kollha affarijiet li wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni,” jgħid Debono.
“Jien naħseb li iva jista’ jkun li kellha effett. Kien żvilupp fl-interess Nazzjonali imma.”
Il-membru parlamentari Nazzjonalista jinsisti fuq dak li hu ovvju: “il-backbench żdied.”
“Pożittiva jew negattiva?” nistaqsieh għal darba tnejn tlieta.
Fl-aħħar jobżoqha: “Jien id-disgruntlement narah hekk: hemm backbench ibaqbaq bl-enerġija. Hekk niddeskrivieh.
“Hemm ħafna nies li jixtiequ jagħtu kontribut. Jien ninkwieta kieku għandek backbench mimli apatija. Il-fatt li għandek backbench mimli enerġija hi xi ħaġa pożittiva. Qed nitkellem għalija imma għal sħabi wkoll. Hemm ħafna enerġija. Jien naħseb li hemm bżonn inkunu nvoluti aktar.”
U jaħseb li l-backbench qed ikun konsultat mill-Prim Ministru u fuq livell ta’ Partit?
“Naħseb mexjin. Hemm lok fejn inkunu konsultati aktar imma mixjin.”
Nitolbu jiċċara fejn mhux qed ikunu kkonsultati.
“Ħa nġiblek eżempju. Il-Partit Laburista għandu sistema fejn kulħadd jagħmel shadowing ta’ qasam partikolari.Naħseb li jkun għaqli u diġà ġie ċċirkulat dan is-suġġeriment, li kull wieħed minna jkollu qasam li jispeċjalizza fuqu. Pereżempju jien il-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern. Hu l-qasam naturali tiegħi għax dawn l-aħħar 10 snin jien qattajthom il-Qorti.”
Debono jargumenta li l-Parlament għandu jkollu televiżjoni biex id-dibattiti jkunu mxandra.
“Jekk il-parti għandhom l-istazzjonijiet tagħhom, jekk il-Parlament hu l-ogħla organu rappreżentattiv ta’ diskussjoni, kulma ndabbar żewġ paragrafi fil-gazzetti. Il-poplu Malti hu rappreżentat hemmhekk.”
Mitlub jgħid x’kienet ir-reazzjoni għas-suġġeriment tiegħu, Debono jgħid li kienet “pożittiva”.
Mistoqsi jekk Lawrence Gonzi jaqbilx ma’ din il-proposta, jgħid “ma tkellimtx miegħu direttament dwar dan però rrid infaħħar lill-Prim Ministru.”
Minn hawn ’l quddiem eloġju għal Lawrence Gonzi.
“U jien irrid infaħħar lill-Prim Ministru fuq ħafna fronti. Dan il-pajjiż għandu x-xorti li għandu lil Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru. Għax f’dawn iż-żminijiet diffiċli …”
Ifaħħar lill-Prim Ministru talli fiż-żmien meta kien Speaker għamel ir-radju tal-Parlament.
“Kienet bidla tajba ħafna. Naħseb il-poplu m’għandux jiġġudikani fuq kemm-il darba mort nitkellem il-każin,” jgħid Debono.
“Nemmen li rridu nħallu l-polarizzazzjoni politika u nersqu lejn kunċett ogħla tal-istat Malti. Nemmen li d-dibattiti tagħna għandhom ikunu mxandra fuq it-televiżjoni biex imbagħad il-poplu jiġġudikana fuqhom.Tgħid ‘dan il-bniedem mhux qed ikun il-vuċi tajba tiegħi.’”
Jinsisti li l-Parlament għandu bżonn riformi kbar.
“Il-Parlament għandu bżonn aktar awtonomija. Hemm bżonn bidla fil-Liġi Elettorali biex ma jkollokx logħob bid-distretti. Jien spiċċajt li wara li ħriġt fuq il-ħames distrett minħabba Ħal Għaxaq għax raħal twelidi, spiċċajt f’din l-elezzjoni ma kellix lil Ħal Għaxaq minħabba t-taqlib fid-distretti.
“Naħseb hemm bżonn li nsibu formula ġusta li jkollna governabbiltà mingħajr il-bżonn ta’ dan il-ħafna ċaqliq. Jien kif għidt fl-ewwel diskors fil-Parlament sfajt orfni minn raħal twelidi però wkoll ġejt addottat tajjeb ħafna mill-bqija tad-distrett,” jgħid bid-daħka.
F’daqqa waħda jaqleb it-ton u nintebaħ bil-frustrazzjoni li ġġib magħha intervista quddiem numru ta’ platti jiċċassaw pulit lejna: “Julia, jekk ma ssibx diffikultà forsi nieklu.”
Nerġa’ nistaqsieh x’jaħseb li kienu l-fatturi li wasslu għat-telfa elettorali.
“Ħa nitkellem onest. Jien qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tkellimt internament li l-fatt li l-Partit Laburista kien kontra l-Unjoni Ewropea llum il-ġurnata trid tfakkru imma ma ttambarx. In-nies qed jgħixu llum u l-affarijiet li qed jippreokkupawhom huma llum. Ma’ Gonzi ma tiċċajtax. Għaddej minn proġett. Qed nagħmlu sensiela ta’ riformi kuraġġużi fosthom il-liġi tal-kera.”
Imma ġenwinament għadu jemmen li kienet din l-issue li tellfet l-aktar voti?
“Ir-riforma fit-trasport pubbliku naħseb li rridu nittrattawha b’aktar serjetà. Kulħadd jaqbel li hemm bżonn riforma fit-trasport pubbliku, hux hekk? U ta’ min ifaħħar li għandna l-kuraġġ li nagħmlu din ir-riforma. Imma wieħed irid ikun ftit aktar sensittiv u jisma’ aktar.”
Franco Debono jgħid li wieħed irid “jara l-mod kif isir id-djalogu”. Fi kliemu, “wieħed irid ifaħħar id-djalogu kif jagħmlu s-Segretarju Parlamentari Chris Said. Fejn ikun involut Said, bħar-riforma tal-kunsilli lokali, għamilna djalogu eċċellenti.”
“Smajt kummenti pożittivi ħafna dwar Chris Said u naħseb li għandna nżommu dan il-mudell għad-djalogu.”
Iwaqqafni għal ftit u jgħidli li l-platt li ġej wieħed mill-favoriti.
“Il-ħut niġġennen għalih. U jien qed noqgħod Marsaxlokk issa. Anke mmur nistad. Veru rilassanti. U nħobb ħafna l-għasafar. Ħajjin imma!”
“Aħna tal-ġenerazzjoni tagħna rridu nibnu fuq il-ġenerazzjoni ta’ qabilna. Ħa nkun onest fuq xi ħaġa oħra. Nemmen li wasal iż-żmien li b’serjetà kbira niddiskutu l-kwistjoni dwar il-finanzjament tal-pariti. Bir-rispett kollu f’pajjiżi oħra bħall-Italja 20 sena ilu saru terremoti kbar fuq il-finzjament tal-partiti. Demokrazija b’saħħitha ma tistax timxi mingħajr finanzjament tal-partiti. Issa x’tip u kif mhux se nidħol fiha,” jgħid filwaqt li jgħidli li t-teżi tiegħu biex laħaq avukat kienet proprju fuq dan is-suġġett.
“Jien ma nafx x’qed jiġri fil-kumitat tat-tisħiħ tad-demokrija għax m’iniex parti minnu. Imma din ir-riforma hi importanti.”
Jaħseb li t-tariffi għolja tad-dawl u l-ilma tellfu l-voti?
“Iva. U internament anke qabel meta konna qed niddiskutu din il-bidla, ukoll urejt it-tħassib tiegħi. Il-familji meta qed tolqot il-but … bilfors li jweġġgħu.”
Kieku hu x’kien jagħmel? B’kemm kien iraħħashom il-kontijiet?
“Jien eżatt x’kont nagħmel ma nafx. Trid issib l-affarijiet quddiemek biex tgħid. Jien m’għandix l-informazzjoni kollha biex nagħmel il-kalkoli però naħseb li hu ċert, u anke smajtha minn nies oħrajn, li l-affarijiet setgħu saru b’mod differenti. Kellna nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti fl-opinjoni tiegħi.”
Il-MEPA tibqa’ ġerħa kbira.
“Ikollok ammont sostanzjali ta’ ilmenti dwar il-MEPA. Jekk kinitx riflessa fir-riżultat ngħidlek li ‘ċertament li iva.’ Għax mill-esperjenza tiegħi jien ikolli ammont sostanzjali ta’ ilmenti fuq il-MEPA. Anke fuq affarijiet minuri. Imma jekk wieħed ikun simpliċistiku ma jagħtix l-istampa ġusta. Kien Gvern tal-PN li waqqafha. Kien żvilupp pożittiv, imma llum il-ġurnata hemm bżonn li tiġi aġġornata kif sar fil-kunsilli lokali.”
F’ħin minnhom titla’ fil-wiċċ bħal rabja.U għall-ewwel darba waqt l-intervista jitfa’ botti diretti lejn nies fil-Partit Nazzjonalista li bħal donnhom baqgħu staġnati fis-Snin Tmenin. U agħar minn hekk, li bħal donnhom qed ikunu dawn in-nies li jingħataw spazju meta oħrajn bħalu għandhom ħafna x’joffru.
“Bir-rispett kollu, il-ġenerazzjoni tagħna llum il-ġurnata għandna nkunu f’pożizzjoni li nagħtu kontribut. Ma jfissirx li għax int ma kontx hemm fl-1987 trid tagħlaq ħalqek u ma tistax tiftaħ ħalqek. Bir-rispett kollu,” jgħid immasħan.
“Naħseb illum il-ġurnata anke ċerti issues bħal Tal-Barrani. Veru li allaħares ma kienx il-PN imma llum il-ġurnata l-issues li qed jiffaċċja dan il-pajjiż huma differenti u aħna rridu naffrontawhom issa.”
“Jien inħobb inġib dan l-eżempju. Jekk missierek jagħtik xitla tista’ jew toqgħod tiċċassa lejha u tgħid kemm hi sabiħa u kemm kien tajjeb missieri, il-aħwa x’kull fjura fiha. U din ix-xitla fil-frattemp qed tinxef u tmut. Jew inkella tgħid ‘dan ħadem, dan għamel ħafna imma issa la ġiet għandi din ma nistax noqgħod niċċassa lejha u ngħid kemm hi sabiħa.”
Jaqbad il-kmiem tal-qmis u jibda jxammarhom waqt li sinkronizzat ma’ kliemu jgħid: “Trid ixxammar il-kmiem u jekk jista’ jkun nagħtiha lil ta’ warajja fi stat aħjar milli għaddhieli missieri. Dak għandu jkun l-atteġġjament. Ma jistax ikun li nibqgħu ntambru fuq issues ta’ 22 sena ilu.”
Infakkru li l-mistoqsija oriġinali kienet dwar il-fatt li fost in-Nazzjonalisti hemm ħafna kritika dwar il-mod kif qed taħdem il-magna tal-Partit, fosthom l-Uffiċċju tas-Segretarju tal-PN Paul Borg Olivier.
“Il-Partit Laburista ġej minn ħafna telfiet allura l-affarijiet għalih jistgħu jmorru biss għall-aħjar. Però meta qiegħed f’partit li għamel ħafna rebħiet il-legacy hi aktar onoruża. Pawlu Borg Olivier, li jien għandi rispett kbir lejh u li għandi relazzjoni miegħu eċċellenti, l-istess kif għandi wkoll mal-Prim Ministru, Borg Olivier qed jaħdem. Irid jingħata ż-żmien. Hemm programm elettorali li jrid jingħata ż-żmien biex il-frott tax-xogħol jibda jinħass aktar.”
“Ovvjament wara riżultat, anke li kieku kien hemm rebħa, irridu nimxu fuq il-ponot ta’ subajna għax qed nittrattaw mal-familji u mal-futur tagħhom. Jien dejjem hekk kont. Jien bin il-ħaddiem. Ħadd fil-familja ma kien fil-professjoni legali jew fil-politika. Bdejt uffiċċju legali mix-xejn, waħdi. Fil-politika bdejt mix-xejn, waħdi. U naħseb dan l-atteġġjament li għandu jkollna: ħafna umiltà, kuraġġ biex naffrontaw l-isfidi li hemm quddiemna kif inkunu leali lejn il-valur tal-partit li jsawruna.”
Din tal-valuri rnexxielha tqanqal diskussjoni taħraq fuq il-platt tal-ħut, u anke jekk mill-lifestyle tal-avukat Debono wieħed jista’ jieħu impressjoni mod tiegħu, fir-realtà hu sod u konservattiv daqs l-aqwa sur dwar il-kwistjoni tad-divorzju.
Jargumenta li meta fuq l-artal koppja tat il-wegħda li se tibqa’ flimkien fit-tajjeb u fil-ħażin, wieħed ikun qed jieħu taħt il-kelma ħażin, anke l-fatt li l-affarijiet fiż-żwieġ jistgħu jmorru żmerċ. Inkluż ukoll fix-xenarji li ppruvajt inżellaq fosthom jekk xi ħadd miż-żewġ partijiet jispiċċa vjolenti, inkluż fiżikament.
“Jien kontra d-divorzju ħa nkun ċar.”
“Iż-żwieġ ma jista’ jinħall qatt,” jinsisti għal darba, tnejn, tlieta.
“Hu dnub kontra l-loġika. Minn hawn irridu nibdew. Li meta wieħed mar jiżżewweġ kienx konsapevoli tar-responsabbiltà kbira li fih iż-żwieġ. Minn hemm irridu nibdew. Hemm bżonn kampanja edukattiva mifruxa mal-pajjiż kollu.”
Jammetti li din hi kwistjoni li tikkonċerna mhux biss lill-Knisja imma wkoll lill-Istat.
“Hemm bżonn bidla fil-metodu tad-diskussjoni. Ħa nagħtik l-opinjoni personali tiegħi. Hemm ħafna lanqas biss jafu x’inhuma l-elementi taż-żwieġ. Hemm bżonn diskussjoni serja f’Malta dwar x’inhu żwieġ, x’inhi separazzjoni, x’inhu annullament u x’inhu divorzju. Din bħal tal-kaċċa u l-insib. Ħafna jitkellmuk imbagħad lanqas jafu x’inhi d-differenza bejn pitirros u ħamiema bir-rispett kollu. Faċli li tgħid li ma taqbilx.”
Jgħid ukoll li l-korsijiet li qed isiru bħalissa lill-koppji bi preparazzjoni għaż-żwieġ “mhumiex adekwati u jridu jiġu mtejba.”
“Il-poplu jrid jifhem li l-issues huma kumplessi u li mhux lakemm taqbad u tesprimi ruħek hekk,” jgħid filwaqt li jfaqqa’ subajh fl-arja.
U lura għall-elezzjoniji tal-Parlament Ewropew: min għandu jassumi responsabbiltà tat-telfa elettorali?
“Min assuma r-rebħa tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Aħna kollha,” jgħid wara wara pawsa twila ta’ riflessjoni diplomatika.
Ninbxu u ngħidlu li la meta wieħed jassumi responsabbiltà jkun qed jammetti li għamel ċerti żbalji. Xi żbalji jħoss li għamel bħala backbencher?
“Kif diġà għidtlek, hemm bżonn li aħna nkunu nvoluti aktar,” tkun ir-risposta.
“F’dan il-każ mhux tort tagħkom,” ngħidlu.
B’idejh it-tnejn ’il fuq jagħmilli sinjal li s-sitwazzjoni ma kellux kontroll fuqha.
Fi ċrieki nterni tal-PN hu fatt magħruf li wieħed mill-persuni li għandu kuntatt dirett miegħu hu Richard Cachia Caruana. Ħafna qed jargumentaw li għax kien qed iħoss telfa RCC ma deher imkien.
“Ma naqbilx mieghek. RCC ftit ilu deher f’konferenza mal-Prim Ministru.
RCC ta kontribut kbir lill-PN u jien naħseb li jekk RCC kien hemm f’dawn l-aħħar 20 sena u rbaħna ħafna għandu mertu. Ma tantx kellu diffikultà ma jidhirx RCC dan l-aħħar għax irbaħna ħafna jekk tifhem l-argument li qed nagħmel.”
U kif iħares lejn il-Partit Laburista t’issa?
“Il-Partit Laburista jien irrid nara eżattament is-soluzzjoni li qed joffri. Dan bħal ħwienet, kollha bil-bibien miftuħin ikunu imma x’qed tbigħ? X’inhi l-politika tiegħek? Is-soluzzjonijiet x’inhuma?”
Dwar il-mexxej Laburista Joseph Muscat, u jekk hux għadma aktar iebsa għal Lawrence Gonzi, idur dawra durella u jevita għal darba tnejn kull kumment fuq Muscat għajr biex jgħid li San Alwiġi meta kienu żgħar kienu fl-istess klassi u għal xi żmien fuq l-istess bank.
“U issa qed inpoġġu fil-Parlament faċċata ta’ xulxin,” jgħid bid-daħka.
“In-nies se jiġġudikaw mhux fuq kemm Muscat hu aktar ħelu minn Gonzi imma kif ikunu qed jgħixu u naħseb li bil-politika tagħna u bir-riformi li se nagħmlu, in-nies se tiddeċiedi fuq il-politika ta’ Lawrence Gonzi u fuq il-politika ta’ Joseph Muscat.”
Lejn l-aħħar tal-intervista jgħaddi kumment li għoġobni. Isemmi l-media. Fir-realtà mhux kull persuna fil-politika taraha ħelwa. Tgħid il-kumment ta’ Debono għad irid jerġa’ jitla’ fil-wiċċ tul il-karriera politika tiegħu stess?
“Tajjeb li nissottometti ruħi għall-iskrutinju tal-media. Il-media hi l-watchdog tas-soċjetà…
“Jekk 15, 20 sena ilu kienu jiġru affarijiet li kienu jibqgħu għaddejjin bla ma ħadd jarahom illum il-ġurnata differenti u qed narawha anke f’dak li qed jiġri fl-Ingilterra, dan hu tajjeb. L-accountability u t-trasparenza huma importanti.”

 

Intervista
Bejn linja u oħra

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono




Wenzu Mintoff
Perpura ħadra



Carmelo M. Bonnici
Il-mandat il-ġdid



Joe Ellis
Kif politiku-imprenditur flok statista jsir ċerċur



Emmanuel Micallef
Awtonomija istituzzjonalizzata



Toni Abela
Presidenza rilevanti


Il-Punt - Helen Borg
Il-ħalib tal-omm – għaliex l-aħjar għażla

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan