Il-Punt - Helen Borg| 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Is-soċjetà tal-lum bdiet tirrealizza li nutrizzjoni tajba twassal għal saħħa aħjar. Biż-żieda fil-livelli ta’ obesità u fir-rata tad-dijabete u mard tal-qalb, kien hemm sforz biex jitnaqqas it-teħid ta’ melħ, zokkor, xaħam u ikel ipproċessat.
Nutrizzjoni tajba għandha tibda minn kmieni. Prevenzjoni dejjem aħjar minn kura. Xi żmien aħjar ikun jekk mhux mit-twelid meta l-omm trid tagħżel li tredda’ lit-tarbija bil-ħalib naturali tagħha magħmul apposta għat-trabi jew prodott ipproċessat ħafna li ġej mill-ħalib tal-baqar u magħmul biex jitma’ lill-għoġġiela.
Minkejja li l-ħalib ipproċessat għat-trabi hu sigur li jingħata lit-trabi hu estremament inferjuri mill-ħalib tas-sider. Għalhekk trabi li jingħataw il-ħalib tal-omm għandhom ħafna aktar vantaġġi fejn jidħlu saħħa u żvilupp. Dawn it-trabi jżuru anqas lit-tabib minn dawk misqija ħalib ipproċessat u għandhom inqas ċans li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar ukoll.
Id-dijabete u l-obesità fit-tfulija huma ħafna aktar komuni fit-tfal li ngħataw il-ħalib tat-trab kif ukoll instab li kellhom aktar pressjoni għolja u livelli għoljin ta’ kolesterol fiż-żmien tal-adoloxxenza.
Ħafna jaħsbu li t-treddigħ hu faċli biex isir għalhekk ħafna ommijiet jaqtgħu qalbhom meta ma jirnexxilhomx fl-ewwel jiem. L-ewwel ftit ġimgħat huma żmien ta’ tagħlim kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija u hi essenzjali li jingħataw appoġġ f’dan iż-żmien.
Ħafna min-nanniet tal-lum rabbew lit-trabi tagħhom fi żmien meta ftit nisa kienu jreddgħu u għalhekk isibuha diffiċli li jagħtu għajnuna prattika u allura spiss jibdew jaqtgħu qalbhom lil uliedhom huma stess. L-omm trid ukoll appoġġ minn seħibha inkella se tħossha weħidha u li trid tfendi għal rasha f’din is-sitwazzjoni.
Appoġġ għal dawn l-ommijiet hemm u kull hemm hi mħeġġa tagħmel użu minnu. Il-biċċa l-kbira tan-nisa li jreddgħu b’suċċess iħossuhom tajjeb bl-esperjenza u jħeġġu lill-ommijiet ġodda biex jagħmlu l-istess ħaġa. Ħabiba jew qariba li reddgħu jistgħu jsiru l-aħjar sors ta’ appoġġ u gwida u ta’ min wieħed jaċċetta l-għajnuna tagħhom.
Il-Moviment ta’ Kana jagħrfu l-benefiċċi ta’ appoġġ li jista’ jingħata minn omm għal omm. Fi ħdanhom hemm ukoll l-Assoċjazzjoni għall-Breastfeeding Councellors (ABC). L-għaqda hi magħmula minn ommijiet li reddgħu u li huma mħarrġa li joffru appoġġ ġenerali flimkien ma’ ħtiġijiet ta’ kuljum.
Id-Dipartiment tal-Maternità fl-Isptar Mater Dei ukoll jagħrfu l-bżonn ta’ appoġġ kontinwu wara li l-ommijiet jitilqu mill-isptar u fetħu l-Breastfeeding Walk-in Clinic biex jipprovduh. Dan jinsab fl-ewwel sular tad-Dipartiment tal-Outpatients u sar servizz popolari li jgħin lill-ommijiet biex ireddgħu. Il-klinika hi mmexxija minn qwiebel li ħadu taħriġ speċjalizzat biex jagħtu dan it-tip ta’ servizz iżda hemm ukoll ommijiet li jattendu biex iħeġġu lill-oħrajn.
M’hemmx bżonn ta’ appuntament biex wieħed iżur il-klinika. Din tiftaħ kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis mit-8am sas-1pm u mit-3.30pm sas-6pm. Għall-ġranet oħra jeħtieġ li tagħmel appuntament billi ċċempel fuq 25454445 jew 25454447.
Li tredda’ t-tarbija, minbarra li hi għażla sana, hi wkoll esperjenza sabiħa. Ir-rabta speċjali li tiżviluppa bejn l-omm u t-tarbija hi esperjenza li l-omm tibqa’ tgawdi għal ħajjitha.
Helen Borg hi qabla u membru tal-Assoċjazzjoni għall-Breastfeeding Councellors (ABC)