Harry Vassallo | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Lil Victor Scerri, President tal-PN, li għaddej minn bawxata
Fl-aħħar ta’ stqarrija li fettillek toħroġ biex tikkumbatti l-kritika li qed issirlek talli nħariġlek il-permess biex tibni fil-Baħrija int għamilt żewġ mistoqsijiet u jien fettilli nagħtik risposta.
L-ewwel mistoqsija tiegħek: Għaliex issa, meta kien hemm dak iż-żmien kollu biex jitressqu protesti formali bħala parti mill-proċess li dam is-snin?
It-tieni mistoqsija tiegħek: Għaliex fuq l-iżvilupp tiegħi meta kien hemm diversi żviluppi ODZ oħrajn tul dawn l-aħħar snin, li anki kienu ikbar u iktar prominenti bħala żvilupp minn tiegħi, imma li dwarhom, għal xi raġuni, il-fommijiet baqgħu siekta?
Għandek idea kemm isiru applikazzjonijiet ta’ żvilupp? Eluf kull sena. Taħseb li hawn xi għaqda volontarja f’Malta li għandha l-mezzi biex tlaħħaq magħhom kollha? Ara kieku fir-riforma mwiegħda tal-MEPA parti minn dak li jħallas min japplika tgħaddi għand dawn l-għaqdiet, kieku kien ikollhom staff permanenti u l-kritika li saritlek kienet issirlek ħafna iżjed f’waqtha u forsi kienet twaqqaf milli joħroġlok il-permess u kont tiffranka dan il-mument ta’ imbarazzament politiku apparti l-flus li nfaqt.
Qatt ftaħt ħalqek biex jissaħħu dawn l-għaqdiet, jew kont ma’ dawk li attakkawhom bl-iżjed mod moqżież? Tiftakar meta kienu għajru lil Astrid Vella b’dak li waqqgħet jew bniet il-familja tagħha meta kienet għadha tifla? Int fejn kont dakinhar?
Il-protesti jsiru għal numru żgħir ta’ każi, dawk l-iżjed sfaċċati u dawk li jindunaw bihom l-għaqdiet volontarji. Il-biċċa l-kbira ta’ dnubiet mejta u dagħwiet fl-ippjanar jaħarbulhom u għalhekk Malta qiegħda tinqered biċċa biċċa. M’hemmx min isalvaha u kulma jistgħu jagħmlu l-NGOs hu li jtawlu l-agunija.
Il-każ tiegħek hu marbut mal-prominenza politika tiegħek. Int, iżjed minn ħaddieħor, nippretendu minnek li mhux biss iżżomm mal-Liġi iżda li żżomm mal-ispirtu tagħha. Iżjed minn hekk int għandek ukoll iġġorr it-tagħbija tal-kliem sabiħ favur l-ambjent li tlissen minn sħabek u mill-mexxejja tiegħek minn meta Lawrence Gonzi ddikjara li l-ambjent hu wieħed mit-tliet pilastri tal-politika tiegħu.
Ma jimpurtana xejn ksirtx il-Liġi jew le. Mort kontra l-ispirtu ta’ dan id-diskors tant sabiħ. Ħadd u xejn ma jista’ jsalvak minn dak il-fatt dannuż, l-ebda anġlu mis-sema u lanqas l-awditur tal-MEPA stess kieku kellu jsib li kollox kien sew u skont il-Liġi meta jtemm l-investigazzjoni li fetaħ fil-każ tiegħek.
Irmewk, Vic. Kif ħarġet din l-istorja? Min għaddiha lill-għedewwa politiċi tiegħek? Mhux minn hemm ġabruha l-NGOs? Setgħu jibqgħu siekta meta kienet ħarġet fil-pubbliku? Dawn m’għandhom xejn għalik personalment u lanqas politikament. Il-protesti tagħhom huma konsegwenza naturali tal-fatt, konsegwenza naturali li pprevediha u xtaqha xi ħadd.
Li jkolli ngħid, naħseb li xi ħadd minn sħabek irid iwarrbek, Vic, u se jirnexxilu. Iżjed ma tagħmel storbju agħar għalik. Taf kemm tinstema’ ikrah meta tnewwaħ li xi ħadd qed jaħqrek?
Taf li int il-President tal-PN, li int imċappas minn fuq s’isfel b’kull ma għamel dan il-partit lil Ċikku u lil Żeppi f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin? Taħseb li xi ħadd se jkollu ħniena minnek? Aqta’ jiesek. Jekk daru għalik dawk, emminni li m’għandekx ħajt tal-kenn.
L-inġustizzja ma narahiex fil-fatt li qiegħda ssirlek il-kritika (xieraq li xi ħadd ikun president ta’ partit u ma ssirlux kritika) iżda fil-fatt li jridu jeħilsu minnek u minflok jagħtuk xi post komdu bħalma għamlu lil ħaddieħor, tefgħuk lill-ilpup. Lilek, miskin, li wkoll meta tipprova tkun aħrax, ftit jirnexxilek?
Imbagħad naqbad naħseb f’min irmewh qablek, fil-makkjavellati famużi u mistura li ilhom iseħħu madwarek dawn is-snin kollha. Int berikthom kollha. Int għalaqt għajnejk u saddejt widnejk.
Int saddejt imnifsejk u għidt lilek innifsek li kulma kien hemm jinten, sleali, kattiv, moqżież, kellek iġġerrħu għall-ġid tal-partit, għall-ġid ta’ Malta biex ma jitilgħux l-oħrajn. Min jaf kemm sibt raġunijiet tajba biex tibqa’ sieket u ma tagħmel xejn. Illum int il-vittma ta’ xi manuvra minn dawn u ħaddieħor, ħaruf bħalek li jgħodd ruħu rett u innoċenti daqsek, se jibqa’ sieket bħalma kont tagħmel int.
Fl-aħħar mill-aħħar mhumiex l-ilpup li huma l-iżjed ħatja, dawk ma jafux mod ieħor. Huma l-ħrief u l-gidien li jimxu warajhom u jmorru fejn jgħidulhom mingħajr qatt ma jħabblu rashom x’inhuma jagħmlu… sakemm jiġi jum il-qatla.
Vic, bi kliemek qed tipprovdi spettaklu li jġibni nitħassrek. Taħseb li billi żammejt mal-Liġi biżżejjed? Iżda iżjed minn hekk qed tipprovdi xena tal-waħx. Se narawk titbiċċer quddiemna, vittma oħra tal-konvenjenza politika, tal-ingratitudni monumentali li saret parti mill-kultura politika tagħna. Int u l-perit tiegħek xi ħadd kbir sabkom f’saqajh u wasal dan il-mument ikrah għalikom ukoll.
Ili 22 sena niltaqa’ ma’ nies bħalek. Issa li rmewk jinfetaħ l-abbiss taħt saqajk u tħossok qed taqa’ fil-bokka ta’ bla qiegħ. Tgħidx kemm iltqajt ma’ Laburisti li ħaqarhom il-partit tagħhom (tkun sabithom f’saqajha xi ras kbira ħamra) u għax ikunu mċappsin bl-aħmar ma jistgħux jaslu għand il-partit tiegħek biex jieħdu li ħaqqhom.
Issa tant għadda żmien minn meta kien fil-gvern il-PL li dawn m’għadekx issib minn dawk friski friski. F’dawn l-aħħar snin iżjed kienu Nazzjonalisti dawk li kienu qed jaqgħu u ma jafux meta se jinstabtu mal-qiegħ. Issa int wasalt għall-freefall.
Kważi nħoss għalik. Kważi ninsa li ridt tibni darek f’ġojjell naturali. Kważi kważi nitħajjar noħroġ idi u naqbeż għalik. Imbagħad niftakar li int ħati wkoll, li fis-skiet tiegħek, fl-innoċenza tiegħek ta’ suldat ubbidjenti, int mill-iżjed ħatjin u lanqas jien m’għandi ħniena għalik.