MediaToday

Emmanuel Micallef | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139

Bookmark and Share

Awtonomija istituzzjonalizzata

F’demokrazija l-awtonomija qatt ma tista’ tkun istituzzjonalizzata għax tagħmel l-istess ħsara bħal meta konna nisimgħu l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata
Dwar il- MEPA m’hemmx xi tgħid iktar milli ilu jintqal. Issa kulħadd qed jistenna l-ikbar miraklu tas-sena: ir-riforma mill-qiegħ ta’ din l-entità biex forsi tibda tikseb kredibbiltà ma’ kull min imiss magħha
L-ikbar difett li jista’ jkun li għandu l-poplu Malti hu dak li meta niġu biex nimplimentaw xi ħaġa noqogħdu nitnikkru u ntawlu ż-żmien bla bżonn. Ħarsa lejn kwalunkwe proġett li noħolmu bih malajr nintebħu kemm inkunu morna żmerċ fid-data tat-tlestija. Is-settur privat għandu ħafna x’jgħallem lis-settur pubbliku f’dan ir-rigward.
Dan ma jgħoddx biss għal proġetti tanġibbli imma wkoll fejn immissu ma’ bidla fil-mentalità, fl-użanzi, fil-proċessi u fil-proċeduri. Ħafna drabi nkunu nafu x’irridu, fejn irridu naslu u kif se nagħmlu dan imma mbagħad meta niġu għall-infurzar noqogħdu naħsbuha darbtejn u nkaxkru s-saqajn.
Fejn tidħol l-amministrazzjoni pubblika naħseb li għamilna passi ’l quddiem. Spiċċa ż-żmien fejn kollox kien jiddependi mill-ministru f’sistema fejn il-klijenteliżmu u n-nepotiżmu kienu l-ordni tal-ġurnata.
Għaddejna minn żmien fejn jekk trid impjieg, permess għall-bini jew linja tat-telefon trid tmur titkarrab fil-ministeru. Kollox kien jiddependi mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sakemm imbagħad bdew jitwaqqfu l-ażjendi parastatali fejn id-dipendenza fuq il-ministru xorta waħda baqgħet lampanti għalkemm kultant iktar b’mod sottili.
Mill-ażjendi parastatali, jew aħjar mill-involviment dirett tal-Gvern fl-ekonomija fejn l-istat kellu rwol predominanti, bdejna nħarsu lejn ekonomija iktar miftuħa fejn il-mutur tagħha kellu jkun is-settur privat f’suq liberali u kompetittiv. Dan ġab miegħu taqlib fil-mod kif jiġġenera l-ġid fil-pajjiż, fil-politika ekonomika u finanzjarja, fil-ġbir tat-taxxi u fil-ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet ta’ investiment.
Għalhekk matul dan iż-żmien transitorju twaqqfu diversi awtoritajiet tal-Gvern bl-idea li ma jagħmlux ix-xogħol tad-dipartimenti taċ-ċivil imma b’ċerta awtonomija għalkemm b’funzjonijiet eżekuttivi.
Twaqqfu l-Awtorità tax-Xandir, l-Awtorità tad-Djar, l-Awtorità tal-Ippjanar u Żvilupp, l-Awtorità Marittima Maltija, l-Awtorità tat-Trasport, l-Awtorità tat-Turiżmu u ma nafx kemm-il Awtorità waqqafna.
Suppost kollha jiffunzjonaw b’awtonomija biex ikunu konformi wkoll mal-politika ta’ deċentralizzazzjoni tal-poter. Bi twaqqif ta’ dawn l-istituzzjonijiet suppost kellha tiżdied it-trasparenza u l-effiċenza, iżda mingħajr ma niġġeneralizza, ma naħsibx li kull Awtorità rnexxielha tagħmel dan. Kultant iktar ikkumplikajna l-proċessi u komplejna nżidu l-burokrazija. Anke llum semmi biss il-MEPA jew l-Awtorità tar-Riżorsi u jaqbdek il-bard ma’ ġismek!
Meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea ma kellniex għażla oħra imma ridna li dawn l-Awtoritajiet kollha jibdlu l-funzjoni tagħhom minn waħda eżekuttiva jew amministrattiva għal waħda regolatorja.
Mhux faċli tibdel il-mentalità u daqstant ieħor ma kienx faċli għal dawn l-istituzzjonijiet biex jaddattaw malajr għar-rwol ġdid tagħhom. Issa dawn l-awtoritajiet kellhom iġorru l-piż ta’ trasparenza assoluta u awtonomija sħiħa. Il-liġijiet li jirregolawhom kellhom jinbidlu biex isiru konformi mad-direttivi Ewropej. U hekk sar. Iżda meta ġejna għall-infurzar għadna sal-lum, ħames snin wara minn meta dħalna fl-UE, ma lħaqniex il-livell Ewropew.
Fost id-diffikultajiet li għandna nsibu dik tal-ħatra tal-bordijiet li jmexxu dawn l-entitajiet. Sal-lum ma nistgħux ngħidu li eliminajna x-xamma ta’ partiġġaniżmu politiku fil-ħatriet li jsiru anke jekk in-nies li jintgħażlu huma integri u kwalifikati biex jagħmlu xogħolhom b’kompetenza professjonali.
Għadna nemmnu li biex inġibu r-rispett tal-poplu lejn dawn l-istituzzjonijiet, fejn hu meħtieġ, il-bord ikun jikkonsisti fl-istess numru ta’ membri li jiġu minn kamp politiku differenti. Qisu b’daqshekk qed niggarantixxu l-bilanċ u allura nkunu moħħna mistrieħ mill-awtonomija u t-trasparenza!
Biex nagħti eżempju: mela l-Awtorità tax-Xandir ma tistax titmexxa aħjar għax il-Bord hu magħmul minn rappreżentanti ndaqs nominati mill-PN u mill-PL (jew mill-Gvern u l-Oppożizzjoni). Imbagħad l-istess PN u PL huma sidien ta’ stazzjonijiet tax-xandir li jridu jkunu regolati mill-istess Awtorità.
Jista’ jkun li dan sar f’ċirkostanzi li ma ppermettewx mod ieħor iżda fiż-żmien tal-lum iċ-ċirkostanzi nbidlu u dak li kien jgħodd jew li stajna ngħaddu bih il-bierah ma jfissirx li rridu nħalluh illum.
Dwar l-Awtorità tal-Iżvilupp u l-ippjanar (MEPA) m’hemmx xi tgħid iktar milli ilu jintqal. Issa kulħadd qed jistenna l-ikbar miraklu tas-sena: ir-riforma mill-qiegħ ta’ din l-entità biex forsi tibda tikseb kredibbiltà ma’ kull min imiss magħha. Dwar l-Awtorità tar-Riżorsi kulħadd jaf li mal-ewwel prova tagħha għamlet froġa (dwar it-tariffi tad-dawl u l-ilma) u qisu qatt ma ġara xejn.
Mhux se noqgħod insemmi l-awtoritajiet kollha iżda naħseb li taqblu miegħi li wasal iż-żmien biex fejn għandna l-għanqbut antik inneħħuh u nassiguraw li verament jiffunzjonaw b’awtonomija u trasparenza. Hemm awtoritajiet li sabu saqajhom malajr u qed jagħtu servizz mill-aqwa bħalma hi l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji iżda l-formola li ntużat f’dan il-każ ma nsibuhiex fl-istituzzjonijiet l-oħrajn.
Jekk dawn l-awtoritajiet mhux se jingħataw l-awtonomija imma se jibqgħu hemm biex jidhru li qed jagħmlu funzjoni regolatorja skont kif minn taħt ikun impost fuqhom, allura nkunu qegħdin nagħmlu l-istess bħal meta kollox kien jiddependi mill-Ministru.
F’demokrazija l-awtonomija qatt ma tista’ tkun istituzzjonalizzata għax tagħmel l-istess ħsara bħal meta konna nisimgħu l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

 

Intervista
Bejn linja u oħra

Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono




Wenzu Mintoff
Perpura ħadra



Carmelo M. Bonnici
Il-mandat il-ġdid



Joe Ellis
Kif politiku-imprenditur flok statista jsir ċerċur



Emmanuel Micallef
Awtonomija istituzzjonalizzata



Toni Abela
Presidenza rilevanti


Il-Punt - Helen Borg
Il-ħalib tal-omm – għaliex l-aħjar għażla

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan