Editorjal| 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Iva ħej! Tal-Enemalta għoġobhom isejħu konferenza stampa l-għada tad-diżastru. Kien hemm min ħaseb li se jgħidulu preċiż x’kien inqala’ u għaliex intfiet Malta kollha kemm hi u għaliex il-power stations tal-Marsa u ta’ Delimara qabadhom uġigħ ta’ żaqq it-tnejn flimkien.
Fil-fatt Alex Tranter, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta, ma kixef xejn. Alla jbierek, issejħu r-rappreżentanti tal-Istampa u tax-xandir biex jingħata tagħrif dettaljat kemm jista’ jkun biex jiġi stabbilit li l-Enemalta ma tafx għaliex seħħ il-blackout.
Sa dak il-ħin l-aħbar tal-ġurnata kienet li kien inqata’ d-dawl — minn Delimara sal-Għarb f’Għawdex. Hekk kif waslet fi tmiemha l-konferenza stampa l-aħbar prinċipali saret li l-Enemalta ma tafx x’laqatha. Din diġà daqqa ta’ ħarta li ma ngħidilkomx iżda biex żgur ma jitlifha ħadd Alex Tranter stqarr bl-iżjed mod ċar li ma jistax jiggarantixxi li mhux se jerġa’ jiġri dak li ġara nhar it-Tlieta.
Prosit ħej mill-ġdid! Dan ma kienx qed igemgem bejnu u bejn ruħu u lanqas ma kien qed jgħid lil xi erbgħa ta’ ġewwa: xandarha mad-dinja kollha li l-elettriku f’Malta mhemmx fejn toqgħod fuqu. Min kien jitħajjar jinvesti hawn għandna naħsbu li għaxxaqnieh. Min kien qed jilgħabha jżarmax minn hawn u jarma band’oħra aktarx li qtajnilu l-kwistjoni. Prosit tassew!
Kellmuna nies li kienu xxukkjati bl-atteġġamnent li wera Tranter bħallikieku dan kollu ma kienx xi ħaġa kbira. Ħoj … waqfu l-impjanti tar-Reverse Osmosis bla dawl u ma jafx meta se jerġgħu jaħdmu u għalhekk lanqas ma jaf kemm se jdumu weqfin id-darba li jmiss. €10 miljun telf mill-prodott gross domestiku mhux xi ħaġa kbira? Dawk li kellmuna l-ewwel tbikkmu bix-xokk imbagħad fetħulu bil-kbir joffendu li min ittrattahom b’dan il-mod arroganti.
Aħna u nixtarruha malajr fhimna r-reazzjoni ta’ dawn in-nies bħallikieku xi ħadd kien tahom daqqa ta’ ħarta tvenven, iżda mbagħad fhimna wkoll li dan mhu xejn ġdid.
Li ġara nhar l-Erbgħa kien biss l-esperjenza ta’ dejjem, dik li dejjem kellna mal-EneMalta: dik ta’ monopolju li jagħmel li jrid bina, kif u meta jidhirlu hu. Id-differenza li ħassejna kienet biss minħabba l-fatt li dan kien mument kritiku bħallikieku d-disprezz kollu tas-snin imgħoddija ngħafas kollu waqt il-blackout ta’ nhar it-Tlieta u mbagħad inbeżaq kollu fuqna f’dik l-imbierka konferenza stampa.
Imma l-isbaħ kienet il-konklużjoni ta’ dawk li ħadu l-okkażjoni biex jikkundannaw lil min kien ikkritika xi proposta ta’ enerġija alternattiva jew biex jisħqu fuq il-ħtieġa li jitwettaq il-proġett tal-cable li jqabbadna mas-sistema tal-elettriku fl-Ewropa jew biex isir it-tkabbir tal-power station kemm jista’ jkun malajr. Iss, prosit! Kemm aħna kapaċi nħalltu l-ħass …
Infqajna meta qrajna, nhar l-Erbgħa stess, ir-rapport dwar studju li ħejjiet l-UE li juri li Malta kapaċi tlaħħaq mad-domanda tal-elettriku tagħha kollha mir-riħ biss u mbagħad tipproduċi biżżejjed elettriku biex ikollha xi tbigħ lill-ġirien. Ir-rapport, mingħajr ma kellu l-ħsieb, jikkundanna lil dawk li għal dawn l-aħħar 40 sena evitaw li jħarsu lejn l-enerġija alternattiva, u l-iżjed lejn dawk li f’dawn l-aħħar 22 sena taw bis-sieq kemm felħu lil kull proposta li ressqulhom. Għamlu minn Malta ċimiterju tal-ideat sbieħ.
Mhumiex xi baħar ta’ nies. Huma ponn żgħir ta’ nies li ma kienx preġudizzju iblah li għamihom iżda l-interess finanzjarju. Qatlu kull pass lejn l-indipendenza enerġetika ta’ pajjiżna għaliex lilhom kien jaqbel mod ieħor. Magħhom, b’responsabbiltà mnaqqsa, irridu ngħoddu lil dak il-kor ta’ kretini li għax kien hemm min għawihom kantaw il-kundanna ta’ kull idea ġdida. Issa aħna lkoll se nbatu l-konsegwenzi tar-regħba ta’ dawk u tal-partiġġaniżmu tal-oħrajn.