Carmelo Mifsud Bonnici | 21 ta’ Ġunju 2009 Nr 139
Il-mandat il-ġdid 1. Din is-sena, fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kellna u se jkollna erba’ appuntamenti li jiddeterminaw dak li se jiġri fiż-żona tagħna. Żewġ presidenzi interessanti meħuda wara xulxin ta’ żewġ pajjiżi li jġibu magħhom esperjenzi differenti: l-ewwel dik Ċeka u t-tieni dik Svediża. Waħda waslet biex tingħalaq u l-oħra trid tibda. Waħda ta’ Membru ġdid, l-oħra ta’ wieħed anzjan: biss it-tnejn determinati minn viżjoni ta’ pajjiżi “żgħar” u li jħarsu iktar lejn il-parti ta’ fuq tal-Ewropa. 2. It-tieni, mewġa ta’ fatturi li jibdlu u jsawru l-kors futur huma marbuta ma’ dik li kienet l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew il-ġdid u l-għażla li lejn l-aħħar tas-sena tikkonkludi ruħha fil-Kummissjoni Ewropea ġdida. Dawn il-kurrenti politiċi se jkunu determinanti f’kemm se jirnexxielna naffrontaw b’kuraġġ il-problemi li l-popli tas-27 Membru qed jaraw ma’ wiċċhom. Dan naturalment jitlaq mill-prinċipju ta’ kemm l-istituzzjonijiet se jiġu mċaqilqa mill-Kummissjoni u mill-mexxejja varji fl-Unjoni biex jitilqu minn din il-bażi lejn programm ta’ ħidma aħjar milli kellna. 3. Jekk l-affarijiet jibqgħu għaddejjin kif inhuma se naslu f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fejn (forsi bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżna) ikun hemm abbandun tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Meta tqis li 27 fil-mija marru jivvutaw fil-Polonja, jew 19 fil-mija fis-Slovakkja, jew 40 fil-mija fi Franza, wieħed jifhem li għandha tkun prijorità għall-ħames snin li ġejjin li l-politika tal-istituzzjonijiet tkun iktar parteċipattiva, diretta u trasparenti. Il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsilli tal-Ministri qegħdin hemm biex iwieġbu għar-realtà li l-ekonomija u l-ħajja soċjali waslet biex tagħti lill-komunitajiet Ewropej tagħna. 4. Il-fattur tal-persuni li għalkemm għandhom id-dritt li jieħdu sehem jibqgħu ma jmorrux jivvutaw trid tiġi indirizzata bi programm mhux biss ta’ informazzjoni imma ta’ riċerka għal dak li jridu huma mill-Unjoni Ewropea. Ovvjament ir-riżultat elettorali wera li l-partiti li huma miġbura taħt il-Partit Popolari Ewropew baqgħu jżommu l-maġġoranza, mentri l-partiti Soċjalisti naqqsu għall-partiti oħra. Dan ifisser li l-267 membru fil-PPE fil-konfront tal-159 tal-PES għandhom fuq daharhom responsabbiltà iktar minn ta’ oħrajn biex wieħed iċaqlaq ’il quddiem din l-aġenda, għax hu minnu li din il-kollaborazzjoni trid tibqa’ u tiġi sostnuta. 5. L-għażla prospettata tal-President tal-Kummissjoni Josè Manuel Barroso fiha ħafna sens. M’hemmx dubju li l-perjodu tiegħu kien mimli deċiżjonijiet xejn faċli u kellu, f’ħafna mumenti, jintervjeni direttament biex jiġu żblukkati problemi li deher li ma kienx hemm possibbiltà ta’ soluzzjoni. Ovvjament se jkun irnexxielu joħloq pass ġdid fl-Unjoni Ewropea proprju f’mument bħal dan fejn l-ekonomija marret lura għal ħafna pajjiżi fl-Unjoni u fejn hemm diffikultajiet biex wieħed iżomm il-Kummissjoni fuq quddiem tal-leadership mondjali. Biss l-Ewropea tas-27 għandha bżonn perjodu ieħor ta’ stabbiltà fejn m’għandhiex il-kumplikazzjoni naturali ta’ min jilħaq ġdid. Iż-żmien jitlob deċiżjoni bħal din. 6. Dan għax hu diġà magħruf li numru ta’ Kummissarji se jinbidlu billi ħafna pajjiżi għażlu li jibdlu lil min se jibagħtu. Għalhekk hu għaqli iktar mis-soltu li Barroso jżomm it-tmun biex tinżamm il-linja ta’ stabbiltà li f’dan il-mument hi ferm iktar importanti minn oħrajn. Il-prijorità ta’ din id-deċiżjoni tikber iktar u iktar meta tqis li għandek il-probabbiltà li t-Trattat ta’ Lisbona jiġi finalment approvat u dak se jerġa’ jibdel ix-xenarju. Mhemmx dubju li dawn huma appuntamenti verament importanti għalina wkoll. Aħna llum niddependu wkoll fuq l-għażliet tal-persuni li se jokkupaw is-siġġu għall-ħames snin li ġejjin u fuq l-aġenda li huma se jressqu ’l quddiem. 7. Hemm ħafna punti li jridu jiġu ndirizzati tul il-Presidenza Svediża. Hemm bżonn riflessjoni nterna ta’ x’qed iwassal għal parti sew mill-elettorat biex ma jivvutax u għala n-numru li vvutaw marru għall-partiti fuq il-lemin estrem. L-Ewropa hi dik li hi llum proprju għax inbniet fuq il-parteċipazzjoni qawwija tal-poplu u l-illegalità ta’ partiti Nażisti u Faxxisti. Hemm verament bżonn ta’ iktar ħidma hawn għax id-demokrazija tikber meta ma jkunx hemm aġir anti-demokratiku. Partiti fuq il-Lemin estrem huma elementi ta’ anti-demokrazija li jridu jiġu konfrontati billi l-poplu jifhem li mhumiex is-soluzzjoni tal-problemi. 8. Għalhekk il-mandat il-ġdid tal-Unjoni Ewropea għandu jkun dan. Issudar tad-demokrazija billi wieħed jerġa’ jmur lura u jġib iktar parteċipazzjoni mill-poplu f’kemm jista’ jkun livelli. Il-ħidma tagħna fl-Unjoni Ewropea trid tkun diretta fuq dik il-linja. Hemm nistgħu naraw politika iktar ta’ ġid: waħda li tħares il-bilanċ bejn l-istabbiltà u l-enerġija li l-Kummissjoni trid tagħmel u fl-istess ħin tkun waħda li tassigura l-issudar tal-ġustizzja soċjali. Ħames snin oħra naraw jekk dan irnexxilniex nagħmluh. Naraw kemm aħna difensuri tal-poplu biex dawn l-istituzzjonijiet iwieġbu għas-sejħiet tagħhom.
|
Intervista
|
Email: Illum Search Custom Search
Features
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan