MediaToday

Wenzu Mintoff | 14 ta’ Ġunju 2009 Nr 138

Bookmark and Share

Dolce Enrico

Li kelli nirrakkonta lit-tifla tiegħi liema kienu l-ikoni ta’ żgħożiti ma nafx kemm tasal biex tifhimni li wħud mill-eroj tiegħi, stramba imma vera, kienu ġejjin mid-dinja tal-politika. M’għandniex xi ngħidu, bħat-tfal tal-lum kelli l-benjamini tiegħi ġejjin mid-dinja tal-futbol bħal Gigi Riva, Gianni Rivera, Paolo Rossi, ta’ supporter iffissat tat-tim Taljan li kont u għadni. U mal-ewwel sterjo li xtrajt ma nafx kemm-il sena ilu bdejt ukoll norqom il-gosti mużikali tiegħi u nidolizza lil ċerti kantawturi bħal Antonello Venditti, Leonard Cohen, Bono tal-U2 u oħrajn li minbarra li kellhom mużika tal-widna, kienu mogħnija wkoll b’lirika mpenjata soċjalment li tispirak.

Happy Days
Fi żmien li konna qegħdin nitfarfru, meta konna bdejna nippretenduha ta’ kbar meta konna għadna żgħar, fil-pajjiżi ta’ madwarna u lil hinn minnhom kien hawn diversi mexxejja politiċi li kienu jiddistingwu rwieħhom mill-bqija u li baqgħu jissemmew anki wara żmienhom.
Mhux se nsemmi lil JFK, lil Bob Kennedy u lil Martin Luther King li bilkemm niftakarhom, u ta’ tifel li kont, iktar impressjonajt ruħi bil-mod kif inqatlu milli bid-diskors politiku tagħhom li dak iż-żmien ma stajtx nifhmu.
Kien bejn wieħed u ieħor viċin ta’ meta bdiet tiela’ l-ewwel leħja u beda t-taqlib ormonali fija li bdejt ninteressa ruħi fil-politika internazzjonali u kont nixtri dak iż-żmien in-Newsweek u kuljum preċett kont insegwi l-aħbarijiet tar-RAI2, apparti li kont ngħoxa wkoll nara Happy Days.

Għasafar tal-passa
Imma ż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien kellna wkoll ix-xorti kbira li għexna fi żmien meta fid-dinja kien hawn mexxejja politiċi tax-Xellug ta’ statura kbira li kellhom axxendent morali li jdawwal l-imħuħ u jqawwi l-qlub, li jimmotiva, jikkonvinċi u jittrasforma. Għandi f’moħħi l-aktar mexxejja bħal Willy Brandt, Olaf Palme, Nelson Mandela u l-ewwel u, fuq kulħadd, lil Enrico Berlinguer.
Minn dal-aspett naħseb li t-tfal tal-lum iħossuhom iltiema għax m’għandhomx dawn il-punti ta’ referenza qawwija li ġejjin mid-dinja tal-politika li jistgħu faċilment jassoċjaw magħhom. Fiż-żminijiet tal-lum hu biss Barak Obama li fil-fehma tiegħi jista’ jitla’ għal dan il-livell li jkun ikona għaż-żgħażagħ li jinteressaw irwieħom fil-politika.
Imma għadu kmieni wisq fil-presidenza tiegħu biex wieħed jgħid kemm se jirnexxilu jimmotiva u jittrasforma bil-kariżma u bil-ħiliet politiċi kbar li għandu. Huma verament ftit il-politiċi tax-Xellug, Ċentru-Xellug moderat, sejjaħlu li trid, li isimhom jibqa’ mwaħħal ma’ moħħ iż-żgħażagħ tal-lum. Ħafna mill-politiċi tal-lum huma biss għasafar tal-passa, li ftit li xejn qed iħallu impatt fuq l-istorja u fuq l-imaġinazzjoni kollettiva taż-żgħażagħ.
Din il-ġimgħa ħabat proprju l-25 anniversarju mill-mewt tal-mexxej Komunista Taljan Enrico Berlinguer, li miet f’Padova ftit wara li tah ħass ħażin waqt li kien qed jindirizza meeting fil-kampanja tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Filmati ta’ dan il-famuż meeting jinsabu fuq il-You Tube u ma nistħix ngħid li għadhom jikkomwovuni sal-lum.
Berlinguer, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, imut fuq lant tax-xogħol jisforza biex ikompli bid-diskors tiegħu sal-aħħar, għalkemm kien milqut minn ictus ċelebrali. Illum jista’ jinstema’ politikament mhux korrett li toqgħod tfaħħar lil xi ħadd ta’ twemmin Komunista.
Jien qatt ma emmint fil-Komuniżmu u lanqas fi żmien tal-Università ma kontx nindihies ma’ xirek li kienu jehdew jesperimentaw bil-Komuniżmu. Madankollu ma niddejjaq xejn ngħid li nibqa’ nammira lil Enrico Berlinguer mhux ftit għall-mod uniku tiegħu kif kien jagħmel il-politika, timidu, serju u meqjus u mingħajr wisq frattarija, imma fl-istess ħin determinat fl-għażliet kuraġġużi u riskjużi li għamel fil-politika, anki jekk kull mossa tiegħu kienet tkun ikkalkulata u studjata.

Meqjus
Bit-ton meqjus tipiku tiegħu, lis-Sovjetiċi Berlinguer kien qalilhom f’wiċċhom u f’darhom fil-Kremlin li l-forza propulsiva tar-Rivoluzzjoni ta’ Ottubru kienet spiċċat, li ma kellhomx jibqgħu jimponu u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor u li d-demokrazija hi valur fundamentali li għandha tapplika b’mod universali.
Berlinguer kien jisħaq ukoll li s-Sovjetiċi kellhom iħallu lil kull pajjiż jew partit fil-libertà biex jiżviluppa t-triq tiegħu għas-Soċjaliżmu. Jingħad li l-KGB u s-servizzi sigrieti Bulgari biex iġibuh f’postu lil Berlinguer ħolqu ‘inċident’ fil-Bulgarija, taparsi ħabta bejn il-karozza ta’ Berlinguer u trakk militari, fejn apparti li kien korra Berlinguer, kien inqatel ukoll l-interpretu uffiċjali tiegħu.
Għalkemm kien ġej minn pajjiż fil-qalba tal-Punent li kien dominat mill-Vatikan u mill-Istati Uniti u l-bażijiet tan-NATO, Berlinguer irnexxielu jkabbar il-popolarità tal-Partit Komunista Taljan (PCI) għal livell storiku meta fl-1976 kien kiseb 34.4 fil-mija tal-voti.
Biex jitwettqu ċerti riformi ekonomiċi u soċjali li fil-fehma tiegħu kienu indispensabbli u anki biex jingħeleb it-terroriżmu, Berlinguer kien lest li jikkollabora u jidħol f’kompromess storiku mad-Demokristjani (DC). Fid-DC kien sab bħala interlokutur tiegħu, li miegħu se jiddjaloga u jiftiehem, lil Aldo Moro li kellu ħafna mill-istil politiku ta’ Berlinguer: intellettwali u kajman u imma wkoll determinat u sod fl-għażliet politiċi tiegħu u li kien jemmen fil-‘konverġenzi paralleli’ bejn il-PCI u d-DC.
L-aħħar erba’ kelmiet, fi kliem l-għanja ta’ Antonello Venditti, ‘Dolce Enrico’, li jfakkru l-memorja għażiża ta’ Berlinguer:

Enrico se tu ci fossi ancora
ci basterebbe un sorriso
per un abbraccio di un’ora
il mondo cambia
ha scelto la bandiera
l’unica cosa che resta
e’ un’ingiustizia piu’ vera
qui tutti gridano
qui tutti noi siamo diversi
ma se li senti parlare
sono da sempre gli stessi
quante bugie
quanti segreti in fondo al mare
pensi davvero che un giorno
noi li vedremo affiorare
oh no non dirmi no
dimmi che quel giorno ci saro’
chiudo gli occhi e penso a te
dolce enrico
nel mio cuore accanto a me
tu sei vivo

dolce enrico
tu sorridi accanto a me

 

 

Intervista
Wieħed mill-arkitetti ta’ wara l-kwinti

Julia Farrugia tintervista lill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo




Wenzu Mintoff
Dolce Enrico



Carmelo M. Bonnici
No democracy? No party?



Joe Ellis
Meta n-Nazzjonalisti rvellaw



Emmanuel Micallef
Elezzjonijiet, festi, fanatiżmu



Toni Abela
Ir-riformi u għaliex ħadd ma fehimhom


Il-Punt - William A Cassar Torreggiani
Fejn hi l-Liġi tal-ħsejjes?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan