Intervista | 14 ta’ Ġunju 2009 Nr 138
Julia Farrugia tintervista lill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo
Hu l-bniedem li għada t-Tnejn jagħlaq disa’ xhur jaħdem fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-PL, kariga li ħoloq il-mexxej Laburista Joseph Muscat eżatt malli ħa f’idejh it-tmun tal-Partit. Ilu jevita intervista pubblika sa minn meta rifes fis-siġġu ġdid u għajr għall-aħħar ftit ġimgħat tal-kampanja elettorali qajla kien qatt deher f’xi filmat.
Fl-ewwel intervista tiegħu fil-pubbliku li qed jagħti llum jistqarr li hu persuna li ma jħobbx la l-kamera u wisq anqas l-attenzjoni fuqu. Jammetti li x’ħin il-ġimgħa l-oħra refgħuh fuq l-ispallejn fis-sala tal-għadd tal-voti ma kinitx l-aktar ħaġa li kien qed ifittex.
Għandu biss 31 sena u kien wieħed minn dawk il-persuni li ħadem fit-team ta’ Joseph Muscat meta sena ilu ħareġ għat-tellieqa għall-ħatra ta’ mexxej tal-PL.
“Jien u Joseph qatt ma konna ltqajna jew ħdimna flimkien fil-qrib qabel il-kampanja elettorali tiegħu biex jikkontesta għal mexxej tal-partit. Però kont wieħed milli ħeġġiġtu ħafna wara l-aħħar telfa. Jien lil Joseph ma tantx kont nafu qabel imma kellna acquaintance jiġifieri konna naraw lil xulxin, insellmu lil xulxin, nitkellmu flimkien. Wara t-telfa tal-elezzjoni ppruvajt inħeġġu u nagħmel milli nista’ biex hu jikkontesta. Konna qbadna exchange by emails u exchange by telephone, imbaghad darba ltqajna u qalli ‘titħajjar tgħinni?’ Dħalt ngħinu mingħalija b’mod periferali però waslet ġurnata meta qalli ‘isma’, nixtieq nagħtik il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv’”.
Għaż-żagħżugħ li ftit biss wara li Muscat laħaq kap sar missier għall-ewwel darba din l-offerta kienet waħda li kkonsolidat l-aspett politiku li hemm miżrugħ fih. James Piscopo fl-imgħoddi kien Viċi President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.
“Ħadt gost anke għaliex jien ma nagħmel xejn jekk ma nemminx fih. Minn dejjem emmint u minn dejjem rajt potenzjal f’Joseph bħala l-futur mexxej. Partikolarment għax kellu esperjenza fl-Ewropa li kienet esperjenza pożittiva ħafna u dehrli li wara tant żmien li l-PL qala’ fuq wiċċu, anke minħabba l-Ewropa, kellna bżonn mexxej li mhux biss ikun frisk b’ideat ġodda imma li jkollu kredenzjali Ewropej qawwija. Naħseb li Joseph Muscat iffittja f’dawn it-tliet features b’mod eċċellenti,” jistqarr Piscopo.
Kien hemm min kien kritiku għal rwol ta’ kap eżekuttiv … x’kienu l-miri tiegħu f’dawn l-aħħar disa’ xhur?
“Nifhem perfettament il-kritika għar-rwol ta’ Kap Eżekuttiv ta’ partit politiku anke għaliex kien rwol ġdid. Minkejja li kien issemma f’żewġ rapporti tat-telfa qatt ma kien hemm azzjoni konkreta biex jiġi ntrodott dan ir-rwol u kien Muscat l-ewwel li għamlu.
Il-miri huma varji: l-ewwel perjodu speċjalment kien li wieħed isib saqajh u jara kif inhi l-organizzazzjoni tal-partit ewlenin fost dawn mill-aspett finanzjarju, mil-lat kummerċjali, mil-lat amministrattiv, mil-lat ta’ riżorsi umani, IT infrastructure … dawk kollha jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi.
L-ewwel ftit xhur wieħed jagħmel feasibility studies tal-affarijiet, jara fejn qiegħdin – hemm kien il-focus prinċipali. Sfortunatament jew fortunatament fl-aħħar tliet xhur kelli nnaqqas ftit mir-ritmu ta’ Kap Eżekuttiv per se anke għax kienet ġejja l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u ridna li bħala team niffukaw fuq l-elezzjoni. Konna team relattivament ġdid.”
X’sab meta daħal? Hemm min isemmi sitwazzjoni finanzjarja xejn feliċi fil-finanzi tal-Partit Laburista.
“Ikolli nistqarr li s-sitwazzjoni ma kinietx waħda feliċi. Il-volontarjat hu estremament importanti. Ma rridx ninftiehem ħażin. Il-volontarjat hu importanti imma waħda mill-affarijiet li nsistejt fuqha bħala pre-kundizzjoni kienet li rridu nġibu ruħna u nidhru bħala organizzazzjoni professjonali. Organizzazzjoni professjonali ma tistax tkun dipendenti biss fuq il-volontarjat. Dak hu xogħol importantissimu imma trid ukoll l-expertise. Saħħaħna d-Direttorat tal-Komunikazzjoni. Għamilna żewġ ġurnalisti jmexxu dak id-dipartiment u qed ninvestu finanzjarjament u bir-riżorsi fuq l-IT. Kellna online presence aħjar mill-Partit Nazzjonalista,” iwieġeb parzjalment.
Nerġa’ nistaqsih fuq il-finanzi tal-partit.
“Il-PL mhux xi partit sinjur, jiddependi mill-ftit li jagħtu l-ħafna. Però lanqas hu partit li se jagħlaq il-bibien għada minħabba l-problemi finanzjarji. Hemm problemi finanzjarji. Il-Partit Laburista hu l-unika partit li jippubblika l-finanzi tiegħu u jagħti d-dettalji waqt il-konferenza ġenerali. Minn dak l-att m’hemm l-ebda ħabi ta’ xejn. Imma hemm challenges enormi, wieħed irid jara kif jista’ jottimizza r-riżorsi li għandu. Jara x’assi għandu u jottimizzahom. Il-PL għandu diversi fergħat kummerċjali: ONE Productions, Red Touch Phone, il-gazzetta Kullħadd. Minkejja li għandhom rwol politiku x’jagħmlu, għandhom ukoll ir-rwol kummerċjali tagħhom. Wieħed irid jara li ma jbatix ir-rwol kummerċjali minħabba r-rwol politiku u bil-maqlub.
“Ic-challenge tiegħi hu li nfasslu strateġija to strike the right balance. Ir-rwol politiku tal-kumpaniji kummerċjali tal-partit ma jistax jinqeda jekk ma jkollux backing kummerċjali. Il-partit mhux qiegħed fi stat li jkompli jiffinanzja l-ħin kollu.”
Fi kliem Piscopo meta daħal fil-kariga “rajt figuri xejn pjaċevoli”. Skont hu fl-aħħar tliet snin ra titjib għall-aħjar.
“Fi ħsiebni nesiġi fuqha biex it-titjib ikompli mingħajr ma jkun hemm kompromess mal-kwalità. Business manager dejjem għandu c-challenge —jista’ jnaqqas kemm jista’ jkun il-costs u tbati l-kwalità. Dak mhux it-target tagħna. Irridu noħolqu the right balance bejn il-kwalità u s-sostenibbiltà.”
Sena ilu Muscat kien wiegħed terremot fil-Partit Laburista. Piscopo kien involut fil-proċess?
“Jiddependi x’tifhem bih il-proċess għat-terremot. Skont jien it-terremot qed iseħħ. L-ewwel nett terremot fil-mentalità. Il-PL naħseb li taħt Muscat m’għadux jidher bħala l-partit insulari li jekk taqbel miegħi int ġewwa, jekk ma taqbilx miegħi int barra.
“Waħda mill-affarijiet li qal Joseph Muscat mar-rebħa tal-ġimgħa l-oħra kienet li din mhux rebħa ta’ partit imma rebħa ta’ dawk li dejjem ivvutawlna, ta’ dawk li vvutawlna għall-ewwel darba u kważi kważi anke ta’ dawk li ma vvutawlniex.
“ Dawk li ma vvutawlniex jew mhux komdi għalissa we are open to them. Se nkunu viċin tagħkom. U naħseb wieħed mill-akbar terromoti li wettaq s’issa Muscat kien li l-PL kien viċin in-nies.
“Jekk staqsejtni kontx involut fit-terremot, iva, kont involut għax nesiġi li anke bħala kampanja fassalnieha preċiżament biex tkun viċin in-nies.”
It-telfiet elettorali nfila li ġarrab il-PL kien il-fattur ewlieni li wassal għall- istil fil-kampanja elettorali li għaddiet.
“Il-PL tilef tliet elezzjonijiet wara xulxin, anke jekk l-aħħar waħda tilef b’mod verament marġinali. L-istat ta’ fatt hu l-PL tilef tliet elezzonijiet wara xulxin. Jidher li ma kienx qed jappella għall-maġġoranza tal-pubbliku. Tgħidli issa qed jappella? Ir-riżutat tal-ġimgħa li għaddiet juri li b’xi mod jew ieħor il-messaġġ qed jasal. Però nemmen li dan hu biss l-ewwel pass.”
Semma l-bidla fil-metalità. Din biss fih it-terremot imwiegħed fil-PL?
“Jiddependi x’qed tippretendi,” iwieġeb.
“Mhux jien x’nippretendi. Intom ħriġtu biha tat-terremot,” infajjar minn naħa l-oħra.
“Jekk qed nitkellmu fuq il-lat ta’ immaġini iva, dalwaqt il-PL flimkien ma’ team, se nkunu nagħmlu l-corporate rebranding il-ġdid. Anke għax dalwaqt jidħol in vigore l-istatut il-ġdid. Dan l-istatut jesiġi bdil fl-arma tal-partit, imma din tal-arma hi xi ħaġa iżjed minn kosmetika veru. Se naħdmu biex inbiddlu l-immaġini kollha tal-partit. Anke biex nagħmluha ko-erenti ma’ dan il-moviment u koalizzjoni ta’ nies ġodda li qed ngħidu. Dik waħda mill-affarijiet li sal-aħħar ta’ din is-sena nisperaw li tkun lesta. Ko-erenti mal-immaġini moderna tal-llum però tkun marbuta mar-ruħ soċjali tal-Partit Laburista. Waħda ma tridx tiċħad lill-oħra.”
Liema huma dawk is-setturi li jemmen li jridu jkunu ndirizzati llum qabel għada u li hu żgur li qatt ma jista’ jittollera? X’inhuma dawk id-difetti li jrid jaqtgħalhom rashom?
“Waħda mill-affarijiet li wieħed irid jaqbel magħhom hi li xi kultant xi ħadd jaħseb li hu akbar mill-partit, jew xi ċelloli jaħsbu hekk. Dik qatt. Ikolli nistqarr li matul dawn l-aħħar tmien xhur rajt il-lealtà lejn il-partit u lejn il-mexxej tikber b’mod esaġerat. Tinsiex li l-partit għadda minn żmien turbolenti lejn tmiem il-kampanja tat-tmexxija fejn kellek ħames persuni b’għeruq qawwija fil-partit li kkontestaw bejniethom u allura stajna ngħidu li nħolqu ċerti gruppi ta’ nies li raw viżjonijiet differenti fil-partit. Illum il-ġurnata nemmen li issa din it-tip ta’ għaqda issa reġgħet hemm. Kulħadd qed jifhem li l-viżjoni hi dik li hi. Dik hi waħda mill-affarijiet li nesiġi li tibqa’”, jinsisti l-Kap Eżekuttiv tal-PL.
Lura għall-kelma ‘ċelluli’. Għadhom preżenti?
“Kulħadd ikollu l-ħbieb tiegħu. F’kull organizzazzjoni jkollok il-ħbieb tiegħek: dawk li huma qrib tiegħek, dawk li int tafda forsi aktar minn ħaddieħor. Però s-saħħa ta’ organizzazzjoni tiġi mill-fatt li grupp, iċ-ċelluli, sejħilhom li trid, ikollhom l-istess għan. Naħseb li llum il-Partit Laburista qiegħed fi stat fejn kull ċellula għandha l-istess għan u din hi li l-PL mhux jirbaħ l-elezzjonijiet sempliċiment biex jirbaħ l-elezzjonijiet imma biex fl-aħħar ikollna partit fil-Gvern li verament jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies.”
Hemm min jgħid li Joseph Muscat ġab nifs ġdid fil-PL madankollu hemm nies f’karigi prominenti li tappnu l-istess immaġini li qed jibni l-mexxej Laburista. Konxju minn din it-tip ta’ kritika?
“Joseph għandu ħafna nies madwaru fosthom lili.
Jien lili qatt ma tarani fuq il-palk. Jien qatt ma tarani noħroġ — ”
Inwaqqfu. “Kritika forsi lejn id-deputati mexxejja?” nimbxu.
“Jien frankament nemmen li s-saħħa tal-Partit Laburista hi fid-diversità tiegħu. Jien kieku tgħidli ‘tixtieq tara partit kulħadd omoġenju, kulħadd l-istess, kulħadd bl-istess attitudni, kulħadd bl-istess stil?’ kieku jien mhux fil-Partit Laburista. Id-diversità fil-PL naħseb li hi kruċjali. Jekk qed tgħidli l-istil u l-image, kulħadd għandu l-istil tiegħu. L-importanti s-sustanza politika u li kulħadd għandu l-istess għan. Semmejtli nies differenti. Jien nemmen li minkejja l-istili differenti tagħhom, minkejja l-immaġini differenti tagħhom, għandhom l-istess għan, l-istess viżjoni politika, qed jaħdmu biex iwasslu lill-PL għat-tragward li qed imexxina għalih Joseph Muscat. L-għan hu l-istess: l-istil nifhem li hu differenti.
“Għalija d-diversità hi importanti. Il-wavelengths l-importanti li jikkonverġu u li jwasslu għall-istess għan.”
Iżda anke jekk il-Partit Laburista għadu kemm ħareġ minn rebħa kbira elettorali, partit fuq għonqu xorta se jagħmel l-awtopsja meħtieġa.
‘Il-PL iva se jagħmel post mortem. Wieħed irid jiddiskuti min se jmexxi dan l-eżerċizzju. Inkun qed nazzarda jekk ngħid ir-rapport finali hux se jkun pubbliku jew le, għadu mhux diskuss.
“Naħseb li dan hu eżerċizzju li l-partit irid jidħol fih sewwa, jidħol fih b’mod professjonali. Jara x’sar tajjeb għax kien hemm ħafna tajjeb u jara kif se jkompli jibni fuqu u jtejbu għal kull elezzjoni li tista’ tiġi u naraw fejn sar ħażin għax nemmen li kien hemm affarijiet li stajna għamilna aħjar. Minkejja li rbaħna b’dik il-maġġoranza trid tkun supperv miegħek innifsek jekk taħseb li għamilt kollox tajjeb.”
Rebħa f’din l-elezzjoni għal Muscat kienet kruċjali. Kieku kienet telfa għall-PL kemm jemmen li kienet se tkun kbira l-ħsara għall-futur tal-PL u għall-futur ta’ Joseph Muscat? Mistoqsija ipotetika imma se nirrispondik xorta.”
Infakkru li kienet mistoqsija li bilfors ħsibtu fuqha qabel il-kampanja elettorali għax is-sogri kienu hemm.
“Veru, veru. Joseph dejjem qal li l-elezzjoni li għadha kemm għaddiet ma kinitx il-punt tal-wasla imma l-punt tat-tluq. Naħseb kien ikun punt tat-tluq ftit differenti.
“Ħafna differenti fir-realtà kieku l-PL ġarrab telfa. Jekk kienx jaffettwa l-kredibbiltà jew l-immaġini ta’ Muscat naħseb li ma kienx jgħin. Pero’ dan kien l-ewwel test elettorali ta’ Muscat. Jien inħobb inħares lejn il-ħames snin li għaddew u ngħid ‘Lawrence Gonzi tilef kull elezzjoni però rebaħ l-aktar waħda kruċjali wara kollox. Mill-banda l-oħra rridu noqogħdu kawti u attenti anke jekk il-PL u Muscat rebaħ din l-elezzjoni b’mod massiċċ m’għandu qatt jinterpretaha bħala garanzija assoluta li se jirbaħ l-elezzonijiet li ġejjin.”
Jemmen li b’din ir-rebħa l-ħaxix ħażin fil-Partit Laburista ddgħajjef?
“Jekk il-ħaxix ħażin telaqx jew le, l-importanti bħalissa hi din: fil-partit bħalissa teżisti għaqda kbira. Teżisti enerġija assoluta biex ikomplu fuq dak li żrajna u fuq dak li bdejna s-Sibt li għadda. Stajna ninnutaw u ngħidha b’wiċċi minn quddiem, għaqda anke bejn nies li mhux normalment dejjem stajna narawhom flimkien fil-counting hall u qed ngħid din bl-aktar mod apert għax min kien il-counting hall kienet pubblika. Qed nitkellem għal Michael Falzon, qed nitkellem għal James Picopo, qed nitkellem għal Jason Micallef: kienu t-tlieta li flimkien ħadmu biex nhar is-Sibt li għadda l-Partit Laburista jagħmel l-akbar wirja li seta’ jagħmel.
“Nista’ ngħidlek b’wiċċi minn quddiem. Qatt ma wieħed staqsa ‘int għaliex ġejt issa?’. Tfajna kollox wara daharna u ħarisna biss fl-interessi tal-partit. Nittama u nemmen li hekk se jibqa’ jsir wara nhar is-Sibt.”
Imma jekk l-affarijiet qed jitpinġew b’mod sabiħ fi ċrieki differenti jissemmew li bejn l-uffiċċju ta’ James Piscopo u dak ta’ Jason Micallef kien hemm diversi xrar. Kienu reali dawn l-isparks? Kien hemm forsi reżistenza għal ideat ġodda li ried idaħħal James Piscopo?
“Jien inkun qed nigdeb jekk ngħid li ma kienx hemm reżistenza. Mhux neċessarjament min-naħa ta’ Jason Micallef pero’ reżistenza kien hemm. Jidhirli li dik ittakiljajnieha fil-bidu. Jekk jeżistux sparks bejn l-uffiċċju tiegħi u ta’ Jason Micallef, le. Illum jien u Jason Micallef għandna relazzjoni tajba ħafna ta’ xogħol flimkien. Kif għidtlek l-għan tagħna hu wieħed u jkun pwerili u ħela ta’enerġija bejnietna jekk kemm-il darba ħa noqogħdu ninħlew f’affarijiet trivjali li wara kollox itellfuna minn fuq dak li għandna niffukaw fuqu.”
Indawwar l-argument lura fuq ir-rebħa tal-PL. Fl-erba’ snin mhemmx dubju li l-PN se jaqdi lin-nies, se jwettaq wegħdi u se jroxx fl-aħħar sentejn. Kif jaħseb li l-Partit Laburista se jirnexxielu jżomm xorta miegħu lill-eluf ta’ Nazzjonalisti li vvutaw lill-PL?
“Mhux konvint li se jwettaq il-wegħdi kollha. Il-PN illum il-ġurnata għandu tradizzjoni li ħarġet aktar fil-beraħ matul din il-kampanja li jwiegħed pies in the sky — kollox inkluż dak li jaf li ma jistax jasal għalih. Imbagħad meta tgħaddi l-elezzjoni jinsa kollox.
Fil-manifest tal-elezzjoni li għaddiet kellna l-wegħda li se jkompli jissussidja d-dawl u l-ilma. Dik m’għamilhiex. Hemm diversi wegħdi oħra. Nifhem li l-PN fadallu terminu biex jesegwixxi dawn. Imma jekk il-poplu għandu esperjenza tal-PN u ta’ dan il-Prim Ministru hi li Gonzi ma jwettaqx dak li jwiegħed.
“Il-Partit Laburista ma jridx ikun il-partit tad-disgruntlement, ma jridx ikun il-partit tal-votanti mdejqin. Jekk il-Partit Laburista jibbaża l-politika tiegħu fuq opportuniżmu u joqgħod ifittex pockets ta’ nies imdejqa biex joħdilhom il-vot, anke kif ġieli għamel il-PN, dik tkun riċetta li fl-opinjoni tiegħi ma twasslek imkien.
Fi kliem il-Kap Eżekuttiv il-Partit Laburista jrid jibbaża l-politika tiegħu fuq il-persważjoni.
“Il-PL irid jibbaża l-politika tiegħu fuq il-konvinzjoni mhux fuq il-konvenjenza. Int ma tistax tibbaża politika fit-tul fuq id-disgruntlement. Jekk il-Prim Ministru f’dawn l-aħħar xhur qarraq b’ħafna setturi, Joseph Muscat kellu obbligu, u sew għamel, u allaħares m’għamilx hekk li ndirizza l-problemi, semmihom u għamel ħiltu kollha biex il-Gvern jara kif jagħmel u jwettaq dak li wiegħed magħhom.
“Nemmen li l-Partit Laburista fejn issa ġej perjodu għalih li jirrifletti fuq il-politika tiegħu, li jaħmi u jlaħħam politika ġdida li tappella anke għall-ideat u għall-ispirazzjonijiet moderni tal-lum, allura m’għandix dubju li l-PL irid jara kif se jiffaċċja l-problemi li jġibu magħhom il-power of incumbency u l-pjaċiri li bla dubju ta’ xejn ikunu fl-aqwa tagħhom fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali.
“Jien dejjem emmint li n-nies fil-maġġor parti assoluta tagħhom ma jħarsux lejn il-politiċi bħala l-persuna li tagħmlilhom pjaċir imma bħala persuna li tista’ twassal biex tgħolli l-livell tal-ħajja u tal-għixien tagħhom,” jinsisti Piscopo.
“Aħna fil-kampanja dejjem għidna: people first – in-nies l-ewwel. In-nies l-ewwel mhux biex kulmin jitolbok pjaċir tagħtihulu imma li toħloq politika li tilqa’ għall-aspirazzjonijiet tagħhom.”
Kif inhu Joseph Muscat biex taħdem miegħu? Eżiġenti? Ta’ rasu? Meta jingħata pariri joqgħod fuqhom?
“Sfortunatament għalih u għalina ta’ madwaru l-aktar dawk qrib tiegħu, Joseph hu workaholic. Mhux l-ewwel darba tirċievi sms fis-2am u fih jgħidlek ‘bgħattlek email’. Ifisser mur ara l-email,” jgħid bid-daħka. “Hu esiġenti ħafna. Jippretendi li wieħed ikun on the ball il-ħin kollu, li wieħed ma jintilifx fuq affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu, però hu ħabib. Jien u Joseph qattajna taħt stress il-kampanja tiegħu għal mexxej u din li għaddiet imma nemmen li in a friendy environment.
“Joseph jitkellem fuq kollox: fuq futbol, fuq kollox. Hu bniedem normali. Minkejja li qiegħed fit-tieni l-aktar siġġu jaħraq f’Malta baqa’ għal min jafu iżjed minni, dak il-Joseph li kien qabel. Jekk int barra mill-uffiċċju ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph hu bniedem ordinarissimu. Joseph jifhem li għandu piż enormi. Kif qal hu stess ir-rebħa li għaddiet ġabet fuqu responsabbiltajiet akbar imma jibqa’ bniedem down to earth.”
Piscopo jsostni li hemm kwalità partikolari li jammira ħafna f’Muscat.
“Joseph jisma’ ħafna. Sakemm drajtu kienet diffiċli għaliex hu jisma’ b’mod silenzjuż wisq …
“Joseph tista’ tgħidlu miljun kelma u ma jirrispondikx waħda lura però ibqa’ ċert li jkun sema’ ħafna. U tinduna biha din jiem wara, meta int tkun għidtlu xi ħaġa qabel u mingħajr ma taf dik ix-xi ħaġa li għidtlu tinduna li Joseph ikkonkretizzaha.”
Piscopo jistqarr: “Il-learning curve miegħu, l-aktar mumenti diffiċli tiegħi miegħu, kienu preċiżament dawn. Meta nkun qed ngħidlu xi ħaġa u kont naħseb li forsi seta’ ħadni for granted jew li ma semagħnix imma fil-verita’ jkun qed jisma’ u jkun qed josserva kollox. Joseph hu a very good listener.
“U iva, Joseph jieħdu parir. L-intelliġenza li għandu Joseph hi li jieħu parir minn punti di vista differenti, jisma’ anke lil dak li qabel ikun qed juri li mhux qed jaqbel miegħu. Joseph idur mal-argument kollu u jisma’ l-veduti kollha. Staqsejtni jekk hux rasu iebsa. Meta jieħu deċiżjoni joħodha. U mhux se nieħdu deċiżjoni biex inbiddluha u nerġgħu nbiddluha.”
U x’jaħseb li hi l-akbar dgħufija ta’ Lawrence Gonzi?
“Waħda mill-akbar dgħufijiet li għandu Lawrence Gonzi hi li his promises are coming back to haunt him.”
Il-wegħdi li għamel lin-nies, l-aspettattivi anke jekk kien jaf li mhux fattibbli, illum qed jipprova jmur hemm barra u jfiehem lin-nies li ‘bażikament minn dak li għidtlek m’hemm xejn.’
“Naħseb li Lawrence Gonzi jrid idur dawra madwaru u jara lejn liema direzzjoni se jiġbed il-partit. Hemm barra wieħed jista’ jħoss diversi kurrenti. Sfortunatament jidher li Gonzi ma tgħallimx il-lezzjoni. Anke jekk qalilna li se jisma’, il-Ġimgħa nara artiklu ta’ Pierre Portelli li jokkupa kariga fl-ogħla strutturi tal-PN u qed inwaħħlu fil-Ministri!
“Waħda mill-karti li kellu Lawrence Gonzi fl-aħħar elezzjoni kienet li ‘se nagħtikom kabinett ġdid. Please agħtuhomli dawn in-nies ġodda. Agħtuhomli intom. Ivvutaw lilhom.’
“Daħħalna nies ġodda u bil-kemm għaddiet sena li erġajna qed inwaħħlu fil-Ministri!”