MediaToday

Sports | 07 ta’ Ġunju 2009 Nr 136

Bookmark and Share

Ħajja ddedikata għal Sliema Wanderers u s-Slimiżi

Mark Attard

Wara r-rebħ xejn mistenna tal-U Bet FA Trophy, Nikki Dimech, Viċi President ta’ Sliema Wanderers jesprimi sodisfazzjon kbir waqt intervista li ddeċidejt li nagħmel miegħu fil-ġurnata li wisq probabbli l-verdett tal-poplu Slimiż jippremjah bħala s-Sindku l-ġdid ta’ din il-lokalità.
Nikki tampari. Anzi biex inkun għidt kollox twelidna t-tnejn fl-1979 u għall-eżattezza waqt din l-intervista niskopri li hu erbat ijiem biss ikbar minni.
Niltaqa’ miegħu t-Tnejn tard wara nofsinhar. L-uffiċju tiegħu jidher armat sew. Nikki jispeċjalizza fuq xogħol ta’ finanzi u taxxi. Jidher akkanit sew fuq xogħlu u jħobb ħafna dak kollu li sawru s’issa matul ħajtu.
Jgħidli li jgħożż ħafna l-ħbieb kbar li għamel matul is-snin b’fuq quddiemnett l-eks President ta’ Sliema Wanderers Robert Arrigo li fi kliemu stess iqisu bħala t-tieni missier tiegħu.
Nikki jispjegali l-ferħ li kien hemm fit-toroq ta’ Tas-Sliema l-ġimgħa l-oħra meta l-klabb
rebaħ l-20 FA Trophy fl-istorja tiegħu. Jgħidli li fl-aqwa taċ-ċelebrazzjonijiet spiċċa l-isptar wiċċu ’l fuq bil-pajpijiet tan-nifs, wara li xi Tron tal-Għerf xegħel suffarell f’wiċċu bil-konsegwenza li bela’ d-duħħan kollu u ma setax jieħu aktar nifs.
“Sfortunatament jien inbati bl-ażma u ċ-ċelebrazzjonijiet ma stajtx ingawdihom. Tlajt fuq it-trakk taċ-ċelebrazzjonijiet u xegħlu xi sufarell jew murtal ħdejn wiċċi u d-duħħan blajtu kollu. Spiċċajt l-isptar Capua bin-nifs tal-ossiġnu. Iżda kuntent li l-poplu Slimiż feraħ ħafna.
“It-Trophy qatt ma stennejniha. Iżda emmint li stajna verament nirbħu lill-Belt fil-final għax il-plejers kellhom bonus kbir. It-tim għandu ħames plejers bejn it-18 u l-20 sena. Fit-tim hemm plejers bħal Henry Bonello, Mark Scerri u Miguel Ciantar. Din is-sena waqqafna minn magħna diversi plejers u biex għamilna dan ġietna spiża kbira. Qatt ma stennejna li nirbħu l-kampjonat. Il-kampjonat kien xi ħaġa impossibbli. Aħna xtaqna nidħlu fl-Ewropa u rnexxielna.”
Nikki Dimech twieled fis-26 ta’ Ġunju 1979 u joqgħod Ta’ Sliema. Jiġi iben Manuel u Josephine u ħu Roberta. Fil-mument huwa wieħed mill-kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sliema. Nikki huwa l-Viċi President ta’ Sliema Wanderers u jagħmel ukoll ix-xogħol ta’ Teżorier f’dan il-klabb. Mil-lat professjonali Nikki huwa awditur speċjalizzat fit-taxxa Maltija u internazzjonali.
“Jien trabbejt fil-grawnds tal-Luxol St. Andrew’s u l-ewwel sena li għamilt tlajna mit-Tielet għat-Tieni Diviżjoni. Kont rajt li m’hemmx dik ix-xewqa li nkomplu nsaħħu t-tim minkejja li kellna fostna l-aqwa strutturi tal-pajjiż.
“Niftakar li kien ġie fuqi Robert Arrigo u minn hemm kien ħajjarni noħroġ għall-kunsill. Jien u Robert iddeċidejna nagħmlu pjan biex jien nidħol fil-futbol u fil-kunsill biex meta jasal iż-żmien opportun nilbes iż-żarbun tiegħu. L-ewwel fażi għaddejnieha. Dħalt fil-klabb ta’ Sliema Wanderers u ħriġt l-ewwel darba għall-Kunsill ta’ Ta’ Sliema tliet snin ilu u tlajt it-tielet wieħed wara Marina Arrigo u s-sindku li kien hemm qabel. Niftakar li kont ġibt kważi 400 1’s u xi 900 2’s.”
Nikki jkellimni fuq il-klabb Slimiż. Jgħidli li biex isaħħaħ il-Kumitat wara t-tluq ta’ Arrigo s-sajf li għadda kellhom diskussjonijiet kbar. Iżda finalment sabu l-aħjar soluzzjonijiet biex illum Sliema Wanderers huma r-rebbieħa tat-tieni l-ikbar unur ta’ pajjiżna.
“Jien nitkellem ċar. Fil-bidu kien hemm min xtaq li nkun President tal-klabb jien. Kien hemm min mexxa din il-kelma iżda waqqafha Robert Arrigo stess. Qisu ma taniex permess nieħu dak is-siġġu. Naf li Robert kulma dejjem qalli f’ħajti qaluli ġenwinament u għalhekk bilfors li kelli nisma’ minnu.
“Iżda llum il-ġurnata aħna kburin li għandna lil Stephen Abela President. Jien u l-Kumitat naħdmu id f’id miegħu. Jien u hu nitkellmu kuljum u kien ġust li ħafna mill-glorja joħodha hu. Għamilna l-aqwa akkwist tal-istaġun f’Mario Debono bħala Segretarju għax għandu dedikazzjoni kbira.
“Mhux faċli li tilbes iż-żarbun ta’ Robert Arrigo u tirbaħ unur fl-ewwel staġun tiegħek. Il-Ħadd kelli avveniment politiku u ġabuli t-Trophy fuq il-post biex setgħu jarawha aktar mill-viċin is-Slimiżi.”
Nistaqsih fuq kif għex dawk il-120 minuta u l-għoti tal-penalties fil-finali kontra l-Belt. Fil-pront Nikki jqum bil-wieqa, jdaħħal idejh il-leminija fil-but tal-qalziet u joħroġ kurċifiss żgħir…
“Ħadd ma jaf u se ngħidlek issa. Jien dejjem b’dan is-salib fil-but. Mat-3-1 neħħejt in-nuċċali bil-lest biex ma jkissruhulix fiċ-ċelebrazzjonijiet. Kif ġabuna 3-3 ma ridtx nemmen. Il-ħin barrani għamiltu nitlob għax li tlifna kienet tkun traġedja. L-aħħar penalty ta’ Woods qbadt is-salib u tlabt bil-qalb u għidtlu, ‘Issa f’idejk, int dejjem kont miegħi. Mulej, titlaqnix issa.’ ”
Wara r-rebħ ta’ dan l-unur nagħmillu mistoqsija mill-iktar ċara. Imma min huma verament l-akkwisti l-ġodda ta’ Sliema Wanderers għas-sajf li ġej?
“Fuq l-akkwisti ma nikkummentax qabel ma narahom jiffirmaw ir-reġistrazzjoni u bil-flokk ta’ Sliema. Iva, vera li hemm ħames plejers ta’ fama li huma kważi lesti iżda ma nistax nikkonfermalek l-ebda isem għalissa.
“Irridu nimxu pass wara pass. Żgur li se nkunu iktar b’saħħitna minn din is-sena. Żgur li mhux se nippermettu affarijiet li jmorru kontra n-norma tal-futbol. Jien inħossni kburi li f’dik l-ittra anonima li ġiet iċċirkolata mal-Pulizija, mal-MFA u mal-ġurnalisti l-uniku klabb li m’għandu l-ebda allegazzjoni fuqu huwa Sliema Wanderers. Ġew investigati tliet plejers tagħna biss fuq allegat tentattiv minn klabbs oħra iżda l-bqija xejn aktar.
“Sentejn oħra nkunu f’qagħda li nirbħu l-kampjonat. Diversi plejers żgħar li għandna jilħqu jieħdu ħafna aktar esperjenza u jkunu fl-aqwa età u fl-aħjar żmien.”
Imma ngħid jien, kif jista’ jkun li tgħid li trid tarma tim biex tirbaħ il-kampjonat imbagħad iċċedi plejer bħal Roderick Briffa?
“Roderick Briffa kien l-iktar plejer li nħobb. Kien għal qalbi. Iżda meta tiġik offerta bħal dik ma tistax tirrifjutaha. Sa ftit ilu jien kont ngħid li l-uniku plejer li Malta ma ssibx sostitut għalih huwa Michael Mifsud u għadni ta’ dik l-idea. Meta ġiet l-offerta ta’ Briffa tkellimna u ħsibna li Roderick Bajada kien ta’ sostitut denju għal Briffa u hekk irriżulta. Jiddispjaċini ħafna li kellna nċeduh imma f’dawk iċ-ċirkostanzi finanzjarjament ma stajniex nirrifjutaw l-offerta.”
Bħal donnha ma daqqitlix li daħħal f’nofs diskussjoni lil Michael Mifsud, plejer li diġà qiegħed fil-mira ta’ Valletta jekk kemm-il darba jirritorna Malta. Nistaqsih jekk hux possibbli li naraw mill-ġdid lil Michael bil-flokk blu.
“Ilu 10 snin barra u issa żżewweġ ukoll ftit tal-jiem ilu. Hawn Malta għandu familja. Il-mara tiegħu Maltija. Il-parir tiegħi kien li għandu jibqa’ sentejn oħra barra iżda milli jidher ma jridx jaf. Iżda nista’ naċċertak li jekk ġej lura Malta se jilgħab ma’ Sliema Wanderers.”
Nistaqsih fuq meta Sliema Wanderers kienu għaddejjin minn fażi ħażina tant li l-klabb iddeċieda li jwaqqaf is-salarji tal-plejers. Nikki jagħti spjegazzjoni.
“Darba fi programm televiżiv partikolari staqsewni, “Fejn l-Fridge Freezer?” U dan għax kont iffriżajt il-pagi tal-plejers. Ma stennejna qatt li xi darba se naqilgħu tlieta mal-Hamrun u ma’ Floriana u b’dak il-mod kif tlifna bil-plejers imwaħħlin fil-grawnd. Dak il-ħin kont se nitkellem pastaż iżda kien perjodu li fih kont imweġġa’ ħafna.
“Kulmin iservi f’xi tip ta’ Kumitat ikun qiegħed biss jagħti servizz. Taħsibx li jien qiegħed ma’ Sliema Wanderers biex nakkwista xi vantaġġ politiku. Il-futbol inħobbu u lis-Sliema ħabbejthom minn dejjem.”
Ħafna huma dawk li jsostnu li l-klabb Slimiż dejjem serva bħala forċina għall-Partit Nazzjonalista. Minn żmien Herbert Messina Ferrante u Robert Arrigo u issa Nikki Dimech. Jien wieħed li ma naqbilx ma’ min jgħid hekk. Iżda ċerti Slimiżi bħal donnhom se jibqgħu jsostnu dan kollu għal għomorhom. Nistaqsih…
“Mhu veru xejn. Almenu mill-parti tiegħi u ta’ dawk l-iktar viċin tal-Kumitat żgur li le. Ifhem din, jekk tgħidli dawk il-partitarji li jibqgħu d-dar ngħidlek li iva, il-massa l-kbira tagħhom huma kollha Nazzjonalisti iżda ibqa’ ċert li l-massa l-kbira ta’ dawk li jkunu l-grawnd huma Laburisti. Fil-ħajja tajjeb li tassoċja ruħek ma’ Partit u jien kulħadd jaf ma’ liema Partit jien membru iżda konvint li dawk kollha li jkunu l-grawnd iħobbuni xorta bħalma kienu u għadhom iħobbu lil Robert Arrigo.”
Ninnota li fid-diskors tiegħu dejjem b’xi mod irid idaħħal lil Robert Arrigo. Għal Nikki dan il-personaġġ ifisser ħafna. Imma xi jfisser verament għalih dan ir-raġel?
“Robert kien ħajt għal tas-Sliema. Kulmin kien ikollu problema jmur għand Robert u jsolvihielu. Illum is-sitwazzjoni differenti għalkemm Robert għadu l-main sponsor tal-klabb. In-nuqqas tiegħi nħass ħafna. Għalhekk qatt ma stennejna li se tasal it-Trophy proprju minn dan l-staġun.
“Robert Arrigo huwa l-missier tal-politika tiegħi u nqisu bħala t-tieni missier li dejjem sibtu warajja. Persuna li għalija ħadem ħafna u jien ħdimt ħafna għalih ukoll. Ibqa’ ċert li jekk inkun elett Sindku ta’ Tas-Sliema l-piż tiegħu se jkun sewa ħafna.
“F’Ta’ Sliema meqjus idolu. Bħalissa jien nista’ nitkellem sew għax imxejt kullimkien miegħu fit-toroq ta’ Tas-Sliema. Minn tmien persuni jieqfu seba’ jkellmuh. 70% tal-poplu Slimiż huwa obbligat lejn Arrigo għal ferħ kollu li ġab matul is-snin.”
Imma ’l quddiem nistgħu naraw il-kandidatura tiegħek għall-Elezzjoni Ġenerali?
“Iva, dak huwa l-pjan tiegħi. Anzi huwa l-iskop tiegħi. Iżda jien leali lejn Robert Arrigo u ma nista’ nagħmel qatt xejn f’ħajti li tista’ b’xi mod ixxekkel il-ħidma tiegħu. Robert dejjem mexxieni u għeni. Jien u hu se nibqgħu magħqudin. Jekk tliet snin oħra hu jiddeċiedi ma jikkontestax, jien nikkontesta żgur.”
Fl-aħħarnett Nikki jirringrazzja lil dawk kollha li għenuh matul ħajtu biex jum wara jum kompla javvanza fil-ħolm tiegħu.
“Ommi, missieri u oħti dejjem kienu warajja u ma nistax ma ngħidx grazzi kbira lilhom. L-uniku grazzi kbira apparti lilhom tmur lejn Robert Arrigo, David Casa u l-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
“Nixtieq nirringrazzja lil Stephen Abela, lil Mario Debono u lill-Kumitat kollu. Finalment grazzi lill-kowċ, plejers u lis-Slimiżi kollha li għamlu dan il-klabb daqshekk kbir fl-istorja tiegħu.”

 

Intervista
Argument mingħajr rebbieħa jew telliefa

Harry Vassallo jintervista lil Roderick Pace




Wenzu Mintoff
Nistennew u naraw



Carmelo M. Bonnici
Il-kunċett tas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea



Joe Ellis
Tliet anniversarji



Emmanuel Micallef
Għalfejn ivvutajna



Toni Abela
Let’s party


Il-Punt - Henry Frendo
Il-Lokali ‘Nazzjonali’ u l-Ewropew ‘Lokali’

Il-Punt - Carmen Sammut
Il-mezzi tax-xandir u l-Elezzjonijiet Ewropej

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan