Intervista | 07 ta’ Ġunju 2009 Nr 136
Harry Vassallo jintervista lil Roderick Pace
It-tfal li jitrabbew iħobbu l-qari għandhom jitqiesu privileġġjati. Illum hi l-istatistika Ewropea li tgħidilna li aħna l-poplu li jaqra l-inqas. Erba’ u ħamsin sena ilu meta twieled Roderick Pace lill-ġenituri li kellhom imħabba kbira għall-kotba, il-qari kien privileġġ akbar.
“Il-ġenituri tiegħi baqgħu dejjem dispjaċuti li l-edukazzjoni tagħhom kienet tħarbtet minħabba l-gwerra u dan il-fatt wassalhom biex iħeġġu lil uliedhom biex ifittxu t-tagħlim. Ommi kienet inkitbet f’Book Club u kienet tordna l-kotba minn barra u d-dar kellna l-kotba klassiċi tal-letteratura Ingliża fiex ninfexxu. In-nanniet fuq in-naħa ta’ missieri kienu għalliema u għandhom ukoll konna nsibu fiex nehdew.”
Is-Siġġiewi, għalkemm raħal imdaqqas, minn dejjem kien wieħed mill-irħula tat-tarf: min jersaq ’l hemm mhux biex jgħaddi lejn band’oħra. Fis-snin Sittin kien igawdi kwiet akbar mil-lum u t-tfal tar-raħal kienu jistgħu jgawdu l-kampanja ta’ madwarhom forsi iżjed mit-tfal tal-lum.
“Aħna wkoll gawdejna l-kampanja ta’ madwarna bħala tfal iżda d-dar ma kellniex televixin x’itellifna u l-kotba kienu jħarrbuna mill-erba’ rkejjen tar-raħal. Trabbejna midħla ta’ dinja usa’ minn dik li konna naraw madwarna kuljum”.
Kienet id-dinja li taf it-truf tagħha mid-dar is-Siġġiewi sal-iskola f’Birkirkara, Roderick sab ruħu jgħix f’Ċipru ma’ missieru li kien stazzjonat f’din il-gżira għal sentejn. “Il-firda bejn iċ-Ċiprijotti Griegi u Torok, it-tribaliżmu ta’ bejniethom kien jinħass sew ukoll qabel ma t-Turkija nvadiet il-gżira u ħolqot il-firda territorjali li hemm illum bejniethom. Fis-snin ta’ wara meta kont ġejt lura Malta ma stajtx ma nqabbilx dik il-bluha mat-tensjoni politika f’Malta,”stqarr Pace.
Hu u jtemm l-edukazzjoni sekondarja kien talab parir mingħand Fr Caruana, magħruf bħala l-Mons mill-istudenti ta’ San Alwiġi ta’ żmienu: “Kien hu li ħajjarni nieħu interess fix-Xjenza Politika iżda fl-Università ta’ Malta ma kien hemm l-ebda kors addattat għal dan l-istudju. Kont kellimt ukoll lill-Fr Peter Serracino Inglott u fuq parir tiegħu kont bdejt il-kors tal-Filosofija bħala l-ewwel stadju f’din id-direzzjoni. Dan wassalni li nsegwi kors (M.A.) tal-Johns Hopkins University fir-Relazzjonijiet Internazzjonali.
“Għażilt li nagħmel id-dottorat fl-Università ta’ Reading wara li kont qrajt il-ktieb The EEC and the Mediterranean Countries tal-Professur George Yannapoulos li kien jgħallem hemm. Kienet għażla li ħolqitli diffikultà partikolari peress li Yannapoulos miet u ma laħħaqx iwassalni sa tmiem it-teżi. L-Università damet ix-xhur qabel ma qabbdet tutor ieħor biex isegwini f’xogħli.”
L-attiviżmu politiku daħal għalih meta kien student meta nkiteb fil-Young European Federalists u fl-għaqda tal-istudenti Demokristjani l-SDM hi u tibda. Tela’ darbtejn fl-elezzjonijiet għall-Kunsill Rappreżentattiv tal-iStudenti.
“Sirt attiv mal-PN fl-elezzjoni tal-1976 u dik l-għażla ġiet l-aktar mill-interess li kelli fit-tagħlim soċjali tal-Knisja u t-tibdil li kien ġab miegħu il-Konċilju Vatikan II. Il-Marxiżmu kont studjajtu iżda ma kienx ġibidni: kont sibtu soffokanti, u inflessibbli bħad-duttrina tal-Knisja ta’ qabel il-Konċilju.”
Il-politika għalih baqgħet dejjem argument, djalogu bejn żewġ naħat li jfittxu li jikkonvinċu l-akbar numru ta’ nies dwar min minnhom għandu raġun. “Il-partiti mhumiex xi ħaġa ħażina iżda l-bipolariżmu qawwi jeqred is-sbuħija tad-demokrazija”
Mhux politiku tat-taqbida mdemmija jew tal-kliem ilellex li ma igħid xejn. Jilmenta minn min jirraġuna meta tkellmu wiċċ imb wiċċ iżda li meta jsib ruħu fuq xi pedana jew quddiem il-kamera tat-televiżjoni jinbidel f’partiġġan għami biex jintgħoġob jew biex jilħaq it-tir tiegħu.
“It-teknoloġiji ġodda qed jintużaw biex inħarrxu il-qoxra minflok li nidħlu iżjed fil-fond fl-argumenti”
Semmieli x-xandira li fiha dehru l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar tal-kampanja: “Kien hemm min staqsieni min deherli li kien rebaħ minnhom it-tnejn bħallikieku daqshekk kollox. L-argumenti f’Bondiplus ma mpressjonanawnix u kieku l-politika kienet biss kwistjoni ta’ gimmicks kont nibqa’ d-dar u ma nivvutax. Bnejna strutturi fix-xandir tal-partiti li jiswew il-miljuni u li ma jarahom ħadd. Ikun ħafna aħjar jekk fix-xandir ikun hemm anqas politika partiġġana u iżjed sustanza. Fix-xandir qisna qegħdin insuqu xi trakk jew karozza goffa minn ġo toroq dojoq wisq.”
Lanqas ma togħġbu li l-medja tintuża bħala arma politika biex jinqered xi ħadd. “L-istess metodi li jintużaw bejn il-partiti ntużaw fil-partiti. Fl-1998 intużat b’mod intensiva biex wasslet għal elezzjoni bikrija.”
Baqgħet iddarsu l-kultura tas-superfiċjalità, il-politika tas-soundbite, iżda jibqa’ wkoll ottimista:
“Il-Maltin qegħdin jinbidlu. Ħafna iżjed minna qegħdin insiefru u fostna għandna ħafna kulturi, u reliġjonijiet …”
Jagħraf bħala sinjal pożittiv il-fatt li fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ħarġu 66 kandidat minn tmien partiti.
“Il-partiti l-kbar m’għandhomx jibżgħu minn dan l-iżvilupp iżda jiħduh bħala sfida biex ifittxu li jikkonvinċu iżjed milli jgħoddu l-irjus tal-partiġġani għomja.”
Iħoss li x-xena politika f’Malta qegħda tinbidel ukoll jekk il-proċess miexi bil-mod ħafna. “Il-fatt li fl-2008 il-perċentwali ta’ nies li marru jivvutaw niżel minn 96% għal 93% hu fatt li l-partiti għandhom jixtarruh. Il-bidla nistgħu ninnutawha wkoll mill-fatt li jinbidlu d-deputati. Mis-surveys ppubblikati jidher li l-vot fl-2009 se jippremja l-kompetenza ta’ nies bħal Simon Busittil u Edward Scicluna. Għaliex mar tajjeb tant Arnold Cassola fl-2004 jekk mhux għax kienu jqisuh kompetenti u kapaċi?”
Il-bidla jaraha ġejja bil-firxa tal-edukazzjoni, bin-numru dejjem jikber ta’ nies li jiksbu edukazzjoni terzjarja. “Tiħux iż-żgħażagħ li jidhru attivi fil-partiti li spiss huma a relic of an ancient past, hemm faxxa dejjem titwessa’ ta’ nies kwalifikati u li jridu prodott politiku ta’ kwalità.”
Prova ta’ dan jaraha fil-fatt li iżjed Maltin saru konxji mill-ambjent, mill-fatt li n-nies jipprotestaw kontra t-tniġġis. “Nies bħal Marco Cremona, Carmel Cacopardo u Astrid Vella huma eyeopeners u whistleblowers u hemm min jagħti piż kbir għal dak li għandhom xi igħidu.”
Madankollu jgħoddha parti mill-kultura tagħna li ninfirdu malajr wisq f’min hu kontra u min hu favur. “Ukoll fil-kwistjoniiet l-iżjed banali malajr ngħaqqdu żewġ partiti aħseb u ara fil-politika li titħaddem f’sistema li ftit tħalli post għad-dħul fix-xena ta’ partiti oħra minħabba t-tarġa elettorali tas-16.6%”
Ħallieni bl-impressjoni li kelli tiegħu ta’ wieħed li jqiegħed it-tama tiegħu fiċ-ċikli politiċi twal biex ma jaqtax qalbu minn dak li jara madwaru fl-immedjat. Fuq l-isfont hemm l-ottimiżmu ta’ Kattoliku bħal fit-twemmin fil-wegħda t’Alla lil Noè li ma jerġax jeqred il-ħolqien. Ma jridx jemmen li nistgħu nmorru għall-agħar. Ta’ intellettwali u akkademiku lest li jistenna t-tibdil bis-sabar u ma jħallix l-istorbju tal-mument ifixklu.
Fehemni li minix ottimist daqsu. Ma nemmix bil-progress inevitabbli. Għandi l-istess disprezz għas-superfiċjalità tal-kultura moderna iżda mhux l-istess tama li xi darba l-intelliġenzja Maltija kapaċi tegħlibha.
Veru kemm hu veru li Alla wiegħed li qatt ma jerġa’ jeqred id-dinja, qatt ma tana garanzija li jżommna milli neqirduha aħna stess. Forsi ma narax ’il bogħod daqsu jew forsi m’għandix is-sabar li dejjem juri. Mank seta’ jikkonvinċini u jserraħli moħħi. Tlaqna ’l xulxin nifirħu bid-diskursata li għamilna aktarx għaliex filwaqt li ma naqblux, l-ebda wieħed minna ma fittex biex jara min rebaħ jew min tilef.