Intervista | 31 ta’ Mejju 2009 Nr 135
Julia Farrugia tintervista lil Roberta Metsola Tedesco Triccas
Il-mobile jerġa’ jdoqq. Kwarta qabel l-intervista b’sms tgħidli li waqfitilha l-karozza li taħdem bl-enerġija tax-xemx u li se tittardja.
Għal din il-kampanja elettorali Roberta Metsola Tedesco Triccas, omm ta’ żewġt itfal żgħar, għażlet li tibgħat messaġġ lill-elettorat favur l-ambjent. Tiġri bħal ċippitatu minn ħaġa għall-oħra u din id-darba l-preżenza tagħha f’din il-kampanja hi aktar matura, organizzata u kompluta minn dik ta’ ħames snin ilu.
Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-PN litteralment tefagħha tgħum fl-aħħar minuta fost il-kandidati tiegħu mingħajr wisq ċans tgħaqqad team u tfassal strateġija. Minkejja dan xorta kienet kisbet 5,204 vot.
Iżda din id-darba l-istorja hi differenti. Fi stħarriġ inkluż ta’ din il-gazzetta juri li qed tissielet għat-tieni jew it-tielet siġġu fost il-kandidati Nazzjonalisti.
“L-aħħar darba kont għamilt kampanja ta’ ħames ġimgħat – jien il-familja tiegħi mhix politikament attiva. Litteralment ma kelli lil ħadd fuq min niddependi. Imbagħad bdejt inġib ħabib minn hemm u ħabiba minn hawn u f’xi lokalitajiet fejn kelli kuntatt, u nibni network.
“In-network li għandi llum m’għandu x’jaqsam xejn man-network ta’ dak iż-żmien. Li għaraft nibni fuqu mill-elezzjoni li għaddiet kienet li l-aħħar darba emmint li kien hemm nuqqas ta’ persuni li jafu jitkellmu dwar l-UE. Allura meta bdejt nitkellem jien in-nies bdew jgħidu, ‘Ara għalkemm hi żgħira taf x’inhi tgħid”. U jien sħaqt fuqha f’dawn l-elezzjonijiet.
Din id-darba t-tattika li qed tuża hi din:
“Jien ippruvajt nipproġetta ruħi mhux bħala kandidata li nista’ noħroġ għal kwalunkwe elezzjoni u li jekk ma nitlax f’din l-elezzjoni se noħroġ għall-kunsilli lokali jew għall-elezzjoni ġenerali. Jien nispeċjalizza f’dan il-qasam. Dan is-suġġett nafu. Afdaw fija għax is-suġġett nafu daqs kwalunkwe speċjalizzat fis-suġġett minn pajjiżi oħra. Importanti li jkollok dan it-tip ta’ għarfien meta se tikkontesta għall- elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”
Infakkarha f’dikjarazzjoni li għamel il-kandidat Nazzjonalista Vincent Victor Farrugia li skont hu l-PN se jtella’ l-ħames siġġijiet kollha hu. Ġenwinament temmen li dan qatt jista’ jkun possibbli? Jew hi dikjarazzjoni li tirredikola l-ħidma tajba li qed jagħmlu numru ta’ kandidati serji u kapaċi fil-PN?
“Jien naħseb din bdiet bħala ċajta. Jien hekk nafha. Jekk għandek proċess demokratiku dejjem se tħalli lil kulħadd jesprimi r-rieda tiegħu u allura qatt ma tista’ timmaġina li xi partit iġiblek 100% tal-voti. Għax hekk inkunu qed nimmaġinaw!”
Apparti hi min taħseb li hu l-aktar kandidat tal-PN li ħaqqu jitla’ f’din l-elezzjoni?
“Simon Busuttil,” twieġeb mill-ewwel.
“Simon Busuttil hu bla dubju ta’ xejn il-kandidat u l-MEP li wera bit-track record tiegħu li jixraqlu jkun hemm mhux biss għax wera konkretament li l-Maltin u l-Għawdxin ibbenefikaw kollha mhux biss in-Nazzjonalisti jew il-Laburisti. Wera li għal dawn il-ħames snin nistgħu nibnu fuq ix-xogħol tiegħu.”
Nittanta nistaqsiha min hu l-aktar kandidat tal-Partit Laburista li ġenwinament temmen li għandu jkun elett.
Il-pawsa din id-darba hi twila. M’hemm ħadd tajjeb, nizzikaha?
“Iva. hemm. Ħa nara... Fuq lat personali se ngħidlek. Mill-Partit Laburista l-iżjed li mmur tajjeb miegħu hu Louis Grech.”
U kieku l-PN kellu jtella’ żewġ siġġijiet dawn min ikunu?
“Simon u jien. Ovvjamet naħseb għandi ngħid li nemmen se nkun Membru Parlamentari Ewropew tajba. U tajba mhux għax hemm bżonn biss li jkun hemm mara Maltija fil-Parlament Ewropew imma nemmen fil-kapaċitajiet tiegħi li nista’ nikkopera ma’ kulħadd biex fuq kollox pajjiżna jmur ’il quddiem.”
L-intervista ddur fuq in-nies li qed jheddu li mhux se jivvutaw. X’taħseb li hi l-aktar kwistjoni li se ttellef voti lill-PN?
“Naħseb din hi elezzjoni li meta tkun fil-Gvern kulmin ikollu xi aspettattivi mill-Gvern qabel saret l-elezzjoni ġenerali qed jistenna li dak li ġie mwiegħed jew li qalulu li se jagħtuh qed jistenna li joħodha fl-ewwel sena tal-leġiżlatura.
“Int is-soltu għandek ħames snin u allura għandek partit li jista’ jwettaq dak li wiegħed f’ħames snin. Wara sena żgur li ma jkunx wettaq kollox. Alura dak li ma twettaqx dawk il-persuni li jkunu qed jistennewha jkunu qed jagħmlu pressjoni u jgħidulek, jien mhux se nivvota sakemm ma nġibx dak li kont imwiegħed.”
Taħseb li hu qawwi dan il-protest vote fost in-Nazzjonalisti din id-darba?
“L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet serviet lill-PN biex jinduna li għalkemm kien il-partit li ħadem għall-UE, u li fl-opinjoni tiegħi kien jixraqlu, dik ma fissritx tanġibilment li int tista’ titla’ u ġġib il-maġġoranza. U allura nemmen, nemmen mhux għax ottimista imma b’doża ta’ realiżmu, li se mmorru aħjar mill-ħames snin li għaddew.
“Biss naf li l-protest vote se jkun kbir u li jekk din l-elezzjoni se tibqa’ tiffoka fuq issues nazzjonali allura ovvjament se twaqqaf lil xi nies li jkunu se jiddefenduhom fl-Unjoni Ewropea għaliex jibqgħu jaħsbu fuq issues nazzjonali. Għax wara kollox din elezzjoni li ma tirrigwardax l-issues tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Imma sakemm jibqgħu jaħsbuha se jkun hemm nies li jgħidulek anke jekk mhux se nwaqqa’ l-Gvern mhemmx bżonn li noħorġu nivvutaw.”
Allura żbaljaw il-partiti, kemm il-PL kif ukoll il-PN, li l-billboards iffukati biss fuq temi nazzjonali?
“L-ewwel billboard tal-PN – Flimkien inġibu aktar xogħol aktar għalik… Jiena mhux parti mit-team tal-istrateġija tal-PN. Biss nemmen li x-xogħol huwa l-punt li qed jolqot ħafna nies. Jiġifieri jekk jirnexxielna bħala kampanja nikkonvinċu ħafna nies li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tista’ tagħmel differenza billi ġġib aktar xogħol allura nkunu mexjin fit-triq it-tajba.”
Imma kif se ġġibu aktar xogħol? F’liema setturi u kemm se jinħoloq? Min għandu rasu fuq għonqu dawn il-mistoqsijiet qed jistaqsi.
“Da żgur. Tista’ tibda billi tkun involut fil-kumitat tax-xogħol u l-affarijiet soċjali. F’dawn il-ħames snin ma kellniex lil xi ħadd f’dan il-kumitat. Tgħidli dan se jġib ix-xogħol? L-ewwel nett taħdem biex ittejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema. Awtomatikament meta int qed taħdem biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, awtomatikament hekk inkunu qed insibu aktar xogħol għal settur li f’pajjiżna għadu lura.
“Minbarra l-punt legali li għadni kemm semmejt hemm punt politiku. Int bħala MEP trid tagħmel networking il-ħin kollu. U jekk tara li hemm kumpanija fil-Ġermanja li jaqbliha tiġi Malta, int hu dmir tiegħek bħala MEP li tmur fuq kuntatt bilaterali u tgħidlu ‘isma’, ejjew naħdmu għax f’Malta hemm nuqqas ta’ dak is-settur u huwa forsi irħas li jiġi Malta milli jmur l-Irlanda u allura għala ma tinvestix hawn? Hawn tiġi l-importanza li int taħdem mal-Gvern. Li jkollok il-Ministri jaħdmu mal-Ministri tal-pajjiżi l-oħra.”
Terġa’ taħrab mill-mistoqsija oriġinali. Kemm se jinħoloq xogħol?
“Naħseb sakemm jibqa’ in-nies bla xogħol l-idea hi li kulħadd isib xogħol. Qed nirċievu ħafna telefonati ta’ nies li m’għandhomx xogħol. Hemm nies fil-familja tiegħi stess li qiegħdin fil-periklu li jitilfu x-xogħol. Naqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern li jrid isalva dawk il-postijiet tax-xogħol. Oħti inġinier, ix-xogħol tagħha mhux fi-periklu bħalissa imma kieku kienet qed taħdem f’fabbrika iva.”
Nitkellmu dwar il-kaċċa: temmen li hemm eluf ta’ nies imweġġa’ b’dak li ġara u li diffiċli jerġgħu jafdaw lill-PN? Jew din hi kwistjoni li qed tiġi mneffħa sproporzjonalment?
“Le, mhix imneffħa. Hawn eluf imweġġa’ li d-delizzju tagħhom hi l-kaċċa u mhux il-kaċċaturi biss imma anke n-nisa tagħhom li qed iħossuha. Għax huma jaraw lill-irġiel tagħhom imdejqin.
“Issa jien nirrepeti l-pożizzjoni li ili ngħid, li l-pożizzjoni qabel ir-referendum kienet differenti. Id-deroga li l-Gvern innegozja minħabba Artiklu 9 tal-Birds Directive kienet waħda li dak iż-żmien meta nnegozjajniha kienet tajba biżżejjed. Ma baqgħetx tajba biżżejjed u allura ċ-ċirkustanzi nbidlu. Jien nemmen li l-Gvern il-każ quddiem il-Qorti iddefendieh b’mod tajjeb ħafna. Ma nafux l-eżitu,” twieġeb il-kandidata Nazzjonalista.
“Inkun irresponsabbli bħala kandidata għall-Parlament Ewropew inwiegħed xi ħaġa dwar dan għaliex issa sta għall-Qorti biex tiddeċiedi. Però nemmen li l-kaċċa fil-ħarifa u ċ-ċirkustanzi madwarha rridu naraw kif biha se nkunu nistgħu ngħinu lil dawk il-familji kollha li qed ibatu.
Jien għax m’għandi lil ħadd kaċċatur fil-familja — imma mmur għand nies li tarahom l-irġiel u n-nisa tagħhom f’Għawdex, f’postijiet bħal Qrendi, iż-Żurrieq — jgħidulek litteralment ‘jien ħajti għalissa spiċċat’.
Imma aħseb li l-Partit tiegħek irnexxielu jikkonvinċihom lill-kaċċaturi?
“Qed jipprova. L-argument li għandu jibqa’ jġib il-partit hu li l-ebda Membru Parlamentari Ewropew ma jista’ jġib lura l-kaċċa fir-rebbiegħa kif qed jgħidu xi kandidati. Mhux qed ngħid li xi darba ma nistgħux nerġgħu nirrinegozjaw partijiet ta’ ċerti direttivi …”
Nistaqsiha jekk hux qed nisma’ sew. Jiġifieri qed tgħid tinnegozja mill-ġdid kaċċa fir-rebbiegħa?
“Jiena ma nafx. Jien mill-aspett legali ma nafx x’inhu possibbli għax irridu nistennew l-eżitu tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Birds Directive hi direttiva li ilha hemmhekk u rridu nkomplu naraw il-passa kif inhi,” tirrispondi.
Imma ma taħsibx li l-ittra li ntbagħtet lill-kaċċaturi b’wegħda li ma nżammitx qed issarraf fi ħsara kbira għall-PN?
“Kull kaċċatur għandu dik l-ittra, jekk mhux fi frame qiegħda f’kexxun. Kulfejn immur isemmuhieli iżda jien dejjem nirrepeti l-istess ħaġa: dak iż-żmien meta Eddie Fenech Adami wiegħed li l-kaċċa fir-rebbiegħa mhux se tintmess kien qed iwiegħed fuq ċirkustanzi li dak iż-żmien kienu validi.”
Nistaqsiha x’inhuma l-affarijiet li veru rritawha f’din il-kampanja elettorali. Tieqaf għal aktar minn minuta u nofs biex taħseb. Imbagħad …
“L-argument li ċerti kandidati tal-Partit Laburisti qed iġibu li huma se jmorru fil-Parlament Ewropew biex jugżaw lill-Gvern. Din xi ħaġa li nkwetatni aktar milli rritatni u għalhekk irrispondejt u rreaġixxejt. Għax il-Parlament Ewropew jaħdem billi int taħdem mal-Membri Parlamentari l-oħra kollha Maltin biex tipprova li s-sħubija ta’ Malta fl-UE ittejjibha. Dejjem għandna fejn intejbu u biex intejbu s-soluzzjoni mhux li tugża lil xi Ministru imma naħdmu flimkien biex iva nagħmlu pressjoni biex l-affarijiet f’Malta li jridu jinbidlu jinbidlu. Imma b’mod diplomatiku u li mhux noqogħdu nsabbtu saqajna.”
Indawwar is-suġġett għal kollox. Din tal-kunjom li filli Tedesco Triccas u f’daqqa waħda żiditlu l- Metsola quddiem darrset lil xi nies. Ħafna qalu li din għamiltha biex titla’ aktar ’l fuq id-dokument tal-vot – Xi twieġeb?
“Kieku tajjeb. Is-sitwazzjoni hi din. L-ewwel nett ma tantx għamlet differenza għax fis-seba’ waħda qiegħda fil-lista,” tgħid waqt li tinfaqa’ tidħak.
Mhux xorta telgħet ’il fuq imma?
“Jien meta żżewwiġt ħadt id-deċiżjoni li nieħu kunjom ir-raġel tiegħi u ħadtha b’mod razzjonali u mhux emozzjonali li jiena u t-tfal tiegħi ikollna l-istess kunjom … biss imbagħad meta ddeċidejt li noħroġ għal din l-elezzjoni jien konxja li Metsola ma jafu ħadd u aktar minn 5,000 vot li kont ġibt fl-elezzjoni li għaddiet nista’ forsi nerġa’ nirkuprahom billi n-nies jiftakru li jien għadni Triccas.”
Issostni li kien hemm ħafna nies li kkummentawlha fuq il-mossa li għamlet bil-kunjom.
“Iva, kien hemm ħafna min ikkumentali. U kien hemm min qal ‘Din x’taħseb li hi?’
Inkluż Nazzjonalisti? Iva. Kulħadd. Il-ġurnalisti, il-preżentaturi jgħiduli ‘dan il-kunjom ma taħsibx li qed tippretendiha wisq?’ u jien nispjegalhom, jekk jien xebba dejjem b’żewġ kunjomijiet u kulħadd jafni hekk…”
Roberta Metsola Tedesco Triccas tiddikjara li ma taqbilx mat-treshold ta’ Lm600 li kandidat jista’ jonfoq għall-elezzjoni.
“Ngħidlek li għandna nżiduha ftit. Is-Lm600 hi l-istess bħal tal-elezzjoni ġenerali meta l-elezzjoni ġenerali hi fuq Distrett wieħed biss. Ma nafx b’kemm inżidha. Forsi Lm1,000? Mhux se ngħidlek Lm600 immultiplikati għal 13-il darba. Ċifra li tista’ tagħmilha aktar realistika.
Mistoqsija għal darba tnejn kemm ġiet tiswiha din il-kampanja, tevita li twieġeb.
“Kien diffiċli ħafna għalija dak l-ammont biss peress li l-ammont kien żgħir. Iżda kien hemm ħafna nies li kellhom jgħinuni. Kien hemm affarijiet li ddependejt fuq l-isponsors.”
Imma kemm ġietek il-kampanja?
“Ippruvajt nikkalkula kemm ġietni jien u ġejja hawn. Imma tant hemm ħafna affarijiet, min jiġi jagħtik xi ħaġa…”
Il-kandidata ssemmi fattur ieħor li qed jaħdem kontra kandidati li bħalissa mhumiex Ewro Parlamentari.
“Min bħalissa hu diġà Membru Parlamentari Ewropew, l-incumbents għandhom riżorsi enormi – anke materjal, fuljetti li int trid tieħu nkonsiderazzjoni li kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-partiti eżistenti lill-membri tagħhom jagħtuhom ir-riżorsi.
“Jien irrid nagħmlu dan il-kalkolu – naf li jien qatt attenta ħafna – u mn’alla kien hemm xi nies li għenuni. Tal-familja l-iżjed.”
Ir-raġel tagħha Ukko ħiereġ ukoll għal MEP fil-Finlandja u din is-sitwazzjoni tpoġġi piżijiet finanzjarji doppji fuqhom.
“Ili fuq unpaid leave minn Jannar u r-raġel ilu minn Marzu. Hi terribbli. Għandna l-house loan hawn, il-kera tal-flat Brussell … imma din hi xi ħaġa li ridna nagħmluha t-tnejn li aħna,” tiddikjara.
Jekk jiġu eletti t-tnejn, apparti l-paga tajba doppja li jkunu qed idaħħlu, ħajjithom mhux se tinbidel ta’ taħt fuq għax imdorrijin jaħdmu sigħat twal.
“Jien diġà naħdem sigħat twal għax naħdem fl-Ambaxxata fir-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell. Aħna rridu nlaħħqu ma’ kollox. Jien dak it-tip li naħdem bil-lejl. Nemmen li la darba nasal id-dar it-tfal se ngawdihom jien u wara li jorqdu naħdem dak il-ħin. U r-raġel tiegħi l-istess jagħmel.
“Jien ġieli norqod fit-3am u r-raġel iqum fl-4am biex jikteb l-artikli. Kif dejjem għidt: tista’ tkun mara tad-dar u tkun imdejqa. It-tfal imdejqin ukoll se jkunu. Jew nies li qegħdin id-dar għax m’għandhomx xogħol ... dak is-sodisfazzjon li tista’ ġġib – għax int tkun tista’ tfendi bħala familja — sodisfazzjon li xi kultant aqwa milli tqatta’ siegħa żejda mat-tfal wara li jiġu mill-iskola. Li ma tista’ tagħtihom xejn.
“Jekk għalija bil-paga tiegħi se nkun nista’ lit-tfal tiegħi mhux nagħtihom dak li jridu imma jekk nixtieq li nixtrilhom żarbun tajjeb daqs tal-klassi tagħhom, li bix-xogħol tiegħi t-tifel ma jħossux inferjuri minn tfal oħra fil-klassi. Dawn huma affarijiet li tant nemminhom għax m’hemmx xi ħaġa agħar li t-tfal ikunu l-iskola u jafu li meta jaslu d-dar il-mummy għadha d-dwejjaq.
Fit-18 ta’ Ġunju, ġimgħa u nofs wara l-elezzjoni, it-tifel iż-żgħir jagħlaq sena u se tagħmillu l-quċċija. Ironikament it-tifel il-kbir għalaq sena qabel l-elezzjoni ġenerali u l-quċċija għamlithielu ġimgħa qabel l-elezzjoni.
“Mn’alla jkunu huma f’din il-kampanja. Iferrħuni u dik hi xi ħaġa li m’għandekx aħjar minnha. Li tmur id-dar u tinsa. Kulmin iċempel jien ma mmurx f’kamra oħra, irid jisma’ li qed nilgħab mat-tfal. Ikun hemm min jgħidlek ‘Ma tistax tmur f’kamra oħra?’ Ngħidlu le, issa l-10pm u qed nilgħab mat-tfal….”
Lura għall-politika lokali. Il-party li Jeffrey Pullicino Orlando se jorganizza fil-Mistra. Taħseb li kien pass għaqli meta għall-PN reġgħet inftetħet din il-ferita?
“Ħa ngħidlek, ma naħsibx li kien il-PN li ddeċieda li jiftaħ il-ferita. Jekk int persuna li għandek proprjetà privata … bħala persuna privata ddeċieda li jagħmilha.
“Imma le. Mhux biss mhux għaqlija, naħseb li kienet irresponsabbli. Issa sta għalih. Jagħmel hu,” tgħid b’referenza għal JPO. Nistaqsiha jekk hux veru li Richard Cachia Caruana, għal snin twal, hu wieħed mill-istrateġisti tal-PN li qed jappoġġaha.
“Ili naħdem ma’ Richard 4 snin u nofs issa. Għandna relazzjoni tajba. Naħdmu flimkien tajjeb fuq xogħol.
“Bilfors tkellimt miegħu dwar il-kandidatura tiegħi. Inkoraġġini. Kelli mmur għandu biex ngħidlu li rrid nieħu unpaid leave. Qalli, ‘ħu’. Hu bniedem li dejjem jinkoraġġixxi li persuna tidħol fid-dinja politika. Qatt ma fixkilni ….”
Id-diskors jerġa’ jdur fuq il-ġlieda tagħha għat-tieni siġġu fost in-Nazzjonalisti u t-tiġrija bejnha u bejn David Casa.
“Jien u David immorru tajjeb flimkien. Ili nafu mill-kampanja tar-referendum. Meta ħriġt għall elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ ħames snin ilu kellna ħafna team members li huma l-istess jew ħbieb…
“Naturalment kulħadd irid jiġġieled il-ġlieda tiegħu u kull kandidat tal-PN u ta’ kull kandidat ieħor jixtieq jitla’ u se jagħmel dik il-kampanja li jaħseb li tista’ ttellgħu fil-Parlament Ewropew.
“Is-surveys hekk juru li hemm ġlieda għat-tieni siġġi bejn David Casa u jien. Id-duwijiet f’din l-elezzjoni huma essenzjali għax il-kwota hi għolja wisq.
“Bl-unijiet biss ma tistax titla’. Jien mhux se nitla’ biss bil-1 biss. Għandi bżonn ħafna ħafna duwijiet. Mill-feedback li għandi qed nirċievi ħafna appoġġ mill-votanti anke għat-tuwijiet. Jien tal-inqas l-appell tiegħi hu: li min ma jistax jagħtini l-1, jivvutali t-2 jew it-3.”