MediaToday

Aħbarijiet | 17 ta’ Mejju 2009 Nr 133

Bookmark and Share

Komiks biex terġa’ toħlom b’eroj Malti

Ftit tal-ġimgħat ilu tnediet sensiela ta’ komiks ġdida bil-Malti. Il-proġett qed jissejjaħ Komiks tas-Sikkina u s’issa jiġbor fih żewġ stejjer differenti: waħda dwar il-Gawgaw u l-oħra dwar grupp rock Malti jismu Kranium. FRANICA PULIS tkellmet ma’ Bin Ghisa, il-kittieb tal-komiks biex jgħidilna x’hemm wara l-istrixxikli.

Il-Gawgaw u l-grupp rock Kranium huma karattri oħrajn li se jieħdu l-ħajja mill-paġni tal-komiks permezz ta’ żewġ pubblikazzjonijiet li ħarġu dan l-aħħar taħt l-isem Komiks tas-Sikkina.
F’Malta, minkejja li kien hemm sforzi matul is-snin biex jinħarġu l-komiks, donnu xorta jinħass vojt fil-qasam tagħhom. Jien personali kulma niftakar huma dawk tas-Sagħtar u Ħrejjef Missirijietna li kien ippubblika l-Klabb Kotba Maltin fl-1984 li min jaf kemm-il darba qrajthom ta’ tifla li kont.
Minkejja li fuq is-sit http://strixxikli.page.tl/ hemm lista sħiħa ta’ pubblikazzjonijiet ta’ komiks, ftit huma dawk li ma ħarġux f’gazzetta jew f’xi rivista oħra. Minbarra li l-Komiks tas-Sikkina, jekk mhux l-uniku, hu wieħed mill-ftit immirat għal min għandu 16 ’il sena jew aktar.
Il-Ħaddied, Il-Barba Kieli u Bin Ghisa ngħaqdu biex jaħdmu fuq din is-sensiela ta’ komiks. L-ismijiet tagħhom jixtiequ jżommuhom anonimi biex iżidu xi ftit mal-misteru li hemm marbut mal-karattri eroj infushom.
Kien l-għan tat-tlieta li jambjentaw l-istejjer tagħhom f’kuntest Malti. Dan joħroġ sew mill-arkitettura fl-istampi u mill-karattri bħall-Ħajbu, bħall-Bedud u t-Tork tat-Taraġ li jagħmlu parti mill-folklor Malti u kienu jintużaw biex ibeżżgħu lin-nanniet. Iżda aktar importanti minn hekk kien li riedu jużaw dawn il-komiks biex il-Malti jkun jista’ jieħu gost u anki joħlom bil-Malti.
Il-kittieb Bin Ghisa spjega: “Bażikament hu ta’ swied il-qalb tinnota li kull meta l-Malti jintelaq lura u jieħu nifs qawwi biex jistrieħ ftit u jieħu daqsxejn pjaċir, l-affarijiet li jagħtuh gost ma tantx issibhom jitkellmu bil-Malti.
“Ara jirnexxilekx tifhimni ftit: Manchester United, Arsenal, Milan u Juventus, Rambo, Robocop u Hollywood, Superman u Batman, il-programmi tal-varjetà tar-Rai u ta’ Berlusconi, il-logħob tal-kompjuter, Kylie Minogue u Mariah Carey – kollha barranin.
“Il-Komiks tas-Sikkina huma maħsuba jistiednu lill-Maltin biex jerġgħu jibdew joħolmu bil-Malti! Xtaqna ndaħħlu kuntest Malti, imma kellna u għad għandna diffikultà kif se ngħidu lin-nies li l-istejjer li ktibna fihom karattri bħall-Ħares, il-Gawgaw, l-Għafrit, ix-Xifajk u l-Ħanżira tal-Erwieħ. Nibżgħu li n-nies jaħsbu li dak li għandna x’noffru hu xi ħaġa stil Wenzu u Rożi jew Fra Mudest.
“Imma mhuwiex! Lanqas mhu xi ġrajja tal-Assedju jew xi tagħlima dwar l-ambjent. Mela x’inhu? Diffiċli daqsxejn biex ngħidulek.”
Isemmi lil Brikkuni u lil Ġuże Stagno li joffri stil ta’ arti differenti mill-bqija ta’ madwarhom.
“Jekk inti taf min hu Ġużè Stagno u qrajt il-kotba tiegħu, jekk smajt bil-Brikkuni u ġieli mort xi kunċert fejn daqqew huma, jekk tħobb tmur għal xi ftuħ ta’ xi wirja tal-arti u tħobb stili mhux tas-soltu, jekk tħobb it-teatru, tħobb taqra, tħobb il-mużika mqar jekk tkun mużika etnika, jekk taħseb li int bniedem differenti u avantgardist - mel’allura lilek għandna f’rasna!
“Qed noffrulek xi ħaġa biex tintelaq lura u tieħu daqsxejn pjaċir. M’hemmx tagħlim. M’hemmx priedki. Pjaċir biss! Jekk int diġà ma tħobbx taqra, ma naħsibx li se tibda sempliċement għax aħna ħriġna bil-komiks.
“Jekk fi żmienek kont tħobb lil Superman u lil Batman m’aħniex ċerti li dak li ktibna aħna se jogħġbok bilfors. Għalkemm mhux impossibli. Imma jekk int wieħed minn dawk in-nies li għandna f’rasna aħna, naħsbu li hemm ċans li mmissulek xi korda f’qalbek. Issa naraw.”
L-oriġinaturi qed jagħmlu dan ix-xogħol għax għandhom dikjarazzjoni kulturali x’jagħmlu; għandhom xi ħaġa xi jgħidu. Għalihom dak li tista’ tgħid bl-istampi mhux l-istess bħal dak li tista’ tgħid b’novella, rumanz, poeżija jew proża.
“Dan il-proġett mhux maħsub biss għal dawk li jħobbu l-komiks. Ma rridx ninftiehem ħażin. Jekk int inzertajt tħobb il-komiks tant l-aħjar imma l-ħsieb ma kienx li l-adulti Maltin ikollhom il-komiks tagħhom ukoll,” kompla l-kittieb.
S’issa hemm imdaħħlin tlieta min-nies f’dan il-proġett, għalkemm kif jgħid il-kittieb, il-bibien huma miftuħa u hemm post għal aktar.
Kull komik juri storja li tkompli minn strixxiklu għall-ieħor. ‘Strixxiklu’ hi kelma li ħolqu l-artisti u tista’ tinftiehem bħall-kelma ‘faxxikli’ ħlief li l-istrixxiklu fih aktar min 40 paġna u jirrappreżenta kapitlu minn storja li tkompli.
Stejjer hemm iktar minn waħda. F’kull storja l-kittieb jikteb il-kitba u jiddetta s-sekwenza u l-kontenut tal-istampi lill-artist. L-artist ipinġi l-figuri u l-isfond u jagħmel il-bżieżaq bil-kliem.
Nistaqsihom kif jaħdmu peress li qegħdin tlieta. Hix kwistjoni ta’ li l-kittieb joħroġ bl-istorja jew bil-plot imbagħad jitlob lill-artisti xi jpinġilu jew il-kontra.
Skont Bin Ghisa, “Il-Ħaddied hu aktar duttur għal xogħlu u ma jaċċettax indħil mill-kittieb daqs l-ieħor li jgħidulu “Il-Barba Kieli” u li s’issa hu daqsxejn aktar umli. Il-kittieb x’aktarx li jħoss li l-istampi jiddeterminaw it-togħma u l-bixra tal-istorja u allura jkun jixtieq daqsxejn tal-kontroll.”
Bħala metodu l-artist jaħdem bil-pinna, imma l-istampi li jpinġi malajr jiddaħħlu fil-kompjuter; u d-dellijiet u l-isfumaturi li kapaċi joħorġu minn programmi tal-kompjuter bħall-Photoshop u l-InDesign malajr jibdlu x-xogħol tal-idejn mil-lejl għan-nhar.
Metodu sempliċi ħafna meta mqabbel ma’ dak tat-tmeninijiet. Fl-awtobijografija tiegħu Il-Ġenn li Jżommni f’Sikti, Trevor Żahra jiddedika tliet paġni għall-komik li kien ħadem fuqu ma’ Ġorġ Mallia, Mikiel Galea, Joe Farrugia (Spider) u Victor Pulis fost oħrajn. Kien jismu ‘Il-Komik’ u l-ewwel ħarġa kienet stampata fl-1983 mill-Masterprint. Żahra jsemmi kif kienu jridu jlaħħqu mas-separations bil-kulur bl-idejn u semma li kien iqabbad lil ibnu Ruben jimlilu l-għadd ta’ partijiet li kienu jridu jiġu mblukkati bil-inka. Kien proċess twil u kkumplikat li nqata’ fid-disgħinijiet mal-wasla tal-prepress u s-separazzjonijiet tal-kulur bdew isiru bil-kompjuters.

L-istejjer tal-Gawgaw’ se joħorġu kull xahrejn. Is-sensiela tagħhom infetħet b’‘Il-Gawgaw u l-Imlejka.’ L-istorja hi bbażata fuq żagħżugħ normali li bla ma jaf jinbidel u jsir Gawgaw. Il-Gawgaw hu raġel kbir u b’saħħtu, b’ħila li jitkellem mal-iħirsa u l-għewiel. F’lejl kiesaħ fid-dawl ta’ qamar il-Gawgaw jibda vjaġġ kurjuż u skabruż biex imur isalva lill-Imlejka, (it-tfajla tal-ġmiel) minn taħt idejn l-għefiered u l-uħux (waħx fil-plural) imqabbdin minn Iblis biex jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq.
‘L-Għid tal-Erwieħ’, li tirrakkonta d-diżavventuri ta’ grupp rock Kranium f’lejl stramb meta suppost kellhom imorru jdoqqu f’każin il-Belt, se titnieda waqt Earth Garden.
Żewġ strixxikli minn ‘L-istejjer tal-Gawgaw’ u l-ewwel wieħed minn ‘L-Għid tal-Erwieħ’ se jkunu għall-bejgħ fl-Earth Garden & Echo Fest li se jsir Ta’ Qali nhar it-23 u l-24 ta’ Mejju. Jistgħu jinxtraw ukoll mill-Klabb Kotba Maltin fi Triq id-Dejqa, il-Belt jew mill-ħanut Malta Comics & Collectibles f’60, Triq San Duminku, Tas-Sliema. Inkella ibgħat fuq gawgaw@linuxmail.org
Għal aktar tagħrif żur www.komikstassikkina.page.tl.

 

Intervista
Mill-muturi għall-faqar reali

Julia Farrugia tintervista lil Ashley Cumbo, senior social worker mal-YMCA




Wenzu Mintoff
Psikoloġija bir-rivers



Carmelo M. Bonnici
Parlamenti u Parlamenti oħra



Joe Ellis
Għawdex – djamant migruf



Emmanuel Micallef
Il-familja llum



Toni Abela
Perlina dejjem lewża tibqa’


Bernard Cauchi u
Michael Grech

Ċans mitluf?


Il-Punt - Simone Spiteri
X’jista’ jkun ir-rwol tat-teatru


Jiktbu l-kandidati

Marlene Mizzi - PL

Mary Gauci – Libertas

Arnold Cassola - AD

John Zammit - AL

Marthese Portelli - PN

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan