MediaToday

Aħbarijiet | 17 ta’ Mejju 2009 Nr 133

Bookmark and Share

John Dalli: Il-pazjenti qabel it-tobba

John Dalli: Il-pazjenti qabel it-tobba

Julia Farrugia

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, ikkonfermat li għada se tibqa’ għaddejja bil-pjan oriġinali tagħha li t-tobba fiċ-ċentri tas-saħħa ta’ Ħal Qormi, tar-Rabat u ta’ Bormla jistrajkjaw u b’hekk dawn iċ-ċentri jingħalqu għal kollox għall-pubbliku. Dak tal-Gżira se jilqa’ pazjenti biss bejn it-8am u 1pm minflok 24 siegħa.
Dan minkejja l-proposti li ħabbar il-Ministru tas-Saħħa John Dalli il-bieraħ filgħaxija b’parti minn soluzzjoni għat-tilwima trejdjunjonistika.
Meqjusa bħala żvolta importanti l-Ministru Dalli żvela li l-Gvern laħaq ftehim mal-Isptar St James ta’ Ħaż-Żabbar u Tas-Sliema biex wara l-5pm il-pazjenti li soltu jinqdew fiċ-ċentri tas-saħħa ta’ Bormla, Ħal Qormi, ir-Rabat, il-Gżira, il-Floriana u Raħal Ġdid jibdew jinqdew b’xejn fl-isptar privat.
F’laqgħa urġenti msejħa għall-ġurnalisti l-Ministru ta rendikont ta’ kemm pazjenti jżuru ċ-ċentri tas-saħħa fl-erba’ xiftijiet eżistenti li għandhom it-tobba.
“Ħassejna li l-aħjar soluzzjoni tkun dik li x-xift ta’ bil-lejl jinqata’ u r-riżorsa tat-tobba tintuża b’mod aktar effettiv fix-xiftijiet ta’ filgħodu. Imbagħad bejn il-5pm u t-8am il-pazjenti jistgħu jinqdew mill-isptar St James. L-ispiża jħallasha l-Gvern u mhux il-pazjent.”
F’kumment lil din il-gazzetta l-Ministru John Dalli qal li “il-proposta li għamlet aktar qabel l-Assoċjazzjoni Medika Maltija assolutament mhix aċċettabbli. Ma nista’ qatt naċċetta t-talba tal-MAM li ċ-ċentri tas-saħħa ma jarawx pazjenti bejn is-1pm u t-8pm!”
Mistoqsi minn Illum meta se jiffirma l-ftehim mal-Isptar St James Dalli qal li dan se jsir għada t-Tnejn wara li l-Gvern ikkonkluda l-ftehim il-Ġimgħa.
Mitlub jgħid jekk ħariġx offerta għal dan is-servizz ġdid u fuq liema kriterji ntagħżel dan l-isptar u mhux oħrajn il-Ministru qal li “ma ħarġitx sejħa għall-offerti. Ikkuntattjajna lill-Isptar St James u lill-Isptar St Philips li jidhrilna huma l-isptarijiet li jistgħu joffru dan is-servizz. Is-St Philips ma aċċettax li jibda joffri dan is-servizz u kien is-St James waħdu li aċċetta.”
Il-Ministru għas-Saħħa sostna li l-Gvern se jkun qed iħallas lill-isptar privat rata fissa għal kull pazjent li jkun invistat.
“Se nkunu 100 fil-mija ċerti li s-sistema tkun trasparenti u mhux abbużiva b’moniteraġġ tar-records kollha,” kompla Dalli.
Mistoqsi minn Illum jekk din is-sistema l-ġdida hux se twitti t-triq bħala mudell għat-tnaqqis fil-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet fil-Mater Dei, il-Ministru eskluda għal kollox din il-possibbiltà.
“Le. Le. Din is-soluzzjoni m’għandha x’taqsam xejn mal-waiting lists. Il-lista ta’ stennija qed nindirizzaha mod ieħor. Nemmen li jekk nimpjegaw ftit aktar infermiera nkunu nistgħu niftħu swali tal-operazzjonijiet ġodda li diġà jeżistu fil-Mater Dei u li bħalissa huma magħluqa. U bi qbil mal-konsulenti nestendu l-ħinijiet ta’ x’ħin joperaw. Hemm ħafna pożittività fost il-konsulenti f’dan ir-rigward.”
Iżda l-proposta tal-Gvern li wara l-5pm pazjenti jibdew jinqdew fl-Isptar St James ma ntlaqat xejn tajjeb mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija.
Ikkuntattjat minn Illum tard dal-lejl, Martin Balzan, President tal-Assoċjazzjoni, qal li “l-istrajk se jibda kif pjanat.”
“Lill-Gvern ma nistgħux nafdawh. Hemm il-kwistjoni ta’ promozzjonijiet li ma ngħatawx, żidiet li ma waslux, hemm il-kwistjoni fuq l-ikel – dawn huma kollha affarijiet iffirmati li ma ġewx onorati,” qal Balzan.
“Aħna għamilna żewġ kundizzjonijiet lill-Gvern fosthom li jagħmel proposta serja. Din tal-isptar privat mhix serja. Din mhix proposta kredibbli,” qal Balzan.
“Il-Gvern se joħroġ offerta? U l-isptar privat minn fejn se jġib it-tobba? Għandu diġà biżżejjed tobba? Jew se jitilqu tobba miċ-ċentri tas-saħħa biex imorru ma’ dan l-isptar privat?”

 

 

Intervista
Mill-muturi għall-faqar reali

Julia Farrugia tintervista lil Ashley Cumbo, senior social worker mal-YMCA




Wenzu Mintoff
Psikoloġija bir-rivers



Carmelo M. Bonnici
Parlamenti u Parlamenti oħra



Joe Ellis
Għawdex – djamant migruf



Emmanuel Micallef
Il-familja llum



Toni Abela
Perlina dejjem lewża tibqa’


Bernard Cauchi u
Michael Grech

Ċans mitluf?


Il-Punt - Simone Spiteri
X’jista’ jkun ir-rwol tat-teatru


Jiktbu l-kandidati

Marlene Mizzi - PL

Mary Gauci – Libertas

Arnold Cassola - AD

John Zammit - AL

Marthese Portelli - PN

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan