Intervista | 17 ta’ Mejju 2009 Nr 133
Julia Farrugia tintervista lil Ashley Cumbo, senior social worker mal-YMCA
“Għadni sal-lum ma nafx għala għażilt din il-linja. Hi vokazzjoni. Ħassejt xi ħaġa tiġbidni,” iwieġeb b’mod mill-aktar kajman Ashley Cumbo.
Li kieku kellek tara lil Ashley li għandu 26 sena dieħel ix-xogħol żgur li ma jgħaddilekx minn moħħok x’tip ta’ karriera għandu.
B’helmet, ġakketta u mutur biswitu, il-ġuvni żgur li ma jidħolx fl-immaġini tradizzjonali ta’ senior social worker. Iż-żagħżugħ ilu jagħmel dan ix-xogħol mal-YMCA għal dawn l-aħħar sentejn u erba’ xhur – dejjem għall-kawża ta’ dawk il-persuni li spiċċaw bla dar u m’għandhomx saqaf fejn jgħixu.
“Lanqas biss kont naf biha l-YMCA,” jistqarr b’ċerta umiltà.
“Għal xi żmien kont naħdem part-time inqassam il-pizza u kont ġejt darbtejn hawn inqassam l-ikel li ordnaw l-istaff. Dak iż-żmien il-kawża tal-homeless qatt ma kienet għaddiet minn moħħi,” jgħid Ashley.
Jirrakkonta li meta kellu 18-il sena lanqas ippjana li jkompli jistudja tant li waqaf għal sena mill-istudji. Imbagħad daħal għall-kors ta’ social worker.
“Minn dakinhar qatt ma ridt nieqaf jew inħares lura,” jinsisti.
Is-social worker jistqarr li sal-lum għadu ma jistax jispjega l-faxxinu ta’ dak li ġibdu lejn il-YMCA … kollox b’kumbinazzjoni.
“Qbadt il-Yellow Pages u applikajt fejn ħsibt li se jdaħħluni. Kien Novembru tal-2006. Bagħtu għalija mill-YMCA u qaluli li għandi x-xelter Nikki Cassar f’idejja.”
Ix-xogħol f’din l-istruttura fih fażijiet differenti. Is-social worker hu dik il-persuna li se tara b’għajnejha kull każ ġdid li jidħol. Każ … li warajh hemm individwi tad-demm u l-laħam li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw bla dar. Minn hawn jitfassal pjan personalizzat għal kull persuna. Il-ħaddiema tal-YMCA jibqgħu jsegwuha anke wara li jirnexxielha tibda ħajja ġdida x’imkien ieħor.”
Il-faqar f’Malta qed jiżdied?
“Iva. Il-faqar f’Malta qed jikber. F’Settembru tal-2008 konna diġà lħaqna r-referrals kollha tal-2007,” jirrispondi Ashley.
Matul is-sena li għaddiet il-YMCA kellha 109 każ ta’ persuni li spiċċaw m’għandhomx fejn jgħixu. Kollha ħlief 10 kienu każijiet ġodda. Kien hemm 87 persuna minn dawn li l-YMCA sabitilhom dar.
Bħala medja fid-Dar Nikki Cassar ikun hemm dejjem 16-il persuna li qed jistkennu fix-xelter għax m’għandhomx saqaf.
Iżda din mhix l-unika stampa fuq it-tila. Il-YMCA toffri servizz ukoll ta’ drop-in. Dan hu post fejn persuni li għandhom saqaf isibu ruħhom fi problemi kbar fosthom għax m’għandhomx ikel x’jieklu.
Fl-2008 biss il-YMCA rat 9,141 persuna li magħhom saru 14,867 intervent. F’kull ġurnata kien hemm medja ta’ 32 persuna li fittxet l-għajnuna u magħhom saru 52 intervent.
Ashley jistqarr li t-tip ta’ faqar qed jinbidel ukoll. Huma sitwazzjonijiet li qed jintmissu ta’ kuljum u qed jiżdiedu.
“Għandna każijiet ta’ koppji li filli kienu għaddejjin tajjeb imbagħad f’daqqa waħda l-mara jew ir-raġel marad. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ħadd ma jista’ jgħid li mhumiex għoljin. Għandek treshold ta’ €7,000. Kellna każijiet fejn għax il-koppja għandha dħul li jaqbeż din iċ-ċifra b’€130 ġiet imċaħħda mit-tnaqqis fil-kont tad-dawl. Dawn huma familji bil-għaqal, jimxu bil-qies imma ġew f’sitwazzjoni ta’ faqar li ma esperjenzawha qatt qabel.”
Hemm il-kwistjoni wkoll tal-paga minima.
“Din hemm bżonn li tiżdied. Jeħtieġ li jkun hemm għarfien ta’ x’inhu l-għoli veru tal-ħajja. Dan għandu jitqabbel mal-pagi f’Malta,” jinsisti.
Fl-istess ħin tibqa’ teżisti l-ħtieġa li l-abbuż mis-servizzi soċjali jkun indirizzat, fosthom ta’ persuni li jaħdmu bla ktieb.
“Hemm bżonn li l-abbuż jinqata’. Jien naqbel li kulħadd għandu jkun iebes fuq dawn is-sitwazzjonijiet. Bniedem ngħidlu ‘nagħtik ċans ġimagħtejn. Jew tirreġistra jew taħdem bla ktieb. Agħżel għax se niġi fuqek like a wall of bricks.”
Liema kienet dik l-aktar ġrajja li affettwat liż-żagħżugħ?
“Kull storja li kelli li kienet tinvolvi t-tfal dejjem kienet xokk kbir għalija. L-aktar xena li ġġibli piena hi dik meta tiġi omm ta’ fuqha senduqha b’żewġt itfal żgħar magħha,” jistqarr Cumbo.
“Bniedem li ma jkollux fejn jorqod ikollu livell għoli ta’ stress. L-ewwel mistoqsija bażika hi kemm ilhom ma jieklu. Imbagħad ikun hemm mistoqsijiet oħra: fejn sejrin, x’jiġri f’xelter? Xogħol is-social worker hu li jisma’. Importanti li persuna tħalliha tiżvoga.
“Fl-ewwel ġurnata nippreferi li nħallihom jistrieħu u jmorru jorqdu. Niltaqgħu l-għada u nitkellmu aħjar. Aħna m’hemmx bullshit u burokraziji. L-ewwel ġurnata tkun l-aktar kruċjali,” jgħid bi frankenza Ashley.
“Hemm ħafna bnadi f’Malta li huma riġidi wisq mal-policies tagħhom. X’tagħmel jekk ikollok każ ġenwin li għal xi raġuni ma jiffittja taħt l-ebda kategorija jew inkella jiffittja taħt ħafna? Sfortunatament jeżisti ħafna red tape. Aħna nippruvaw nimxu mod ieħor.”
U l-aktar xogħol frustranti għas-social worker?
“Jien bgħatt ħafna social reports u jibqgħu fil-waiting list tal-Awtorità tad-Djar. Frustranti ħafna għalija bħala professjonist. L-aktar meta tiltaqa’ ma’ każijiet oħra li għandhom xorti jaqraw ir-rapport imma għax daħlet xi ras kbira fin-nofs jew għax deher xi ħaġa fil-media l-każ jissolva mill-ewwel.”
Il-frustrazzjoni tkompli tikber.
“Għandi każijiet li ili nsegwi għal sentejn sħaħ u naħseb li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni serja,” ikompli l-ġuvni.
Fis-sistema lokali mhux kollox ward u żahar u fl-opinjoni tas-social worker is-sitwazzjoni hi inaċċettabbli.
“Minn banda tisma’ li tfal għandhom bżonn l-istabbilità imma fil-prattika dawn il-priedki mhux qed ikunu attwati.”
Ashley jinsisti li f’Malta meta jsir assessjar jittieħed aktar inkonsiderazzjoni l-aspett soċjali.
“Ir-realtà hi li qed ikun hawn każijiet ta’ tfal ta’ sentejn, tliet snin, li jispiċċaw jiċċaqalqu minn post għall-ieħor għal diversi drabi. Ommu tiċċaqlaq minn saqaf għall-ieħor u t-tfal ikomplu jbatu l-konsegwenzi.”
Fil-fehma tas-social worker din tat-tfal jeħtieġ li l-pajjiż jagħtiha attenzjoni massima.
“Qiegħda tkun spissa li tfal jispiċċaw l-Isptar Monte Carmeli. Din jien ma naċċettahiex li hemm minuri Monte Carmeli. Qed jitwaddbu hemm sempliċiment għax m’għandhomx fejn joqogħdu. Biżżejjed wieħed jiftakar l-istigma li jġib miegħu dan il-post.”
Madwar xahrejn ilu l-YMCA fetħet xelter ieħor li jilqa’ fi ħdanu biss tfal minuri.
“Bħalissa hemm żewġt itfal fih. Illum fassalna l-pjan għat-tielet tifla. Din it-tifla t-tabib aċċertana li m’għandha l-ebda raġuni l-għala qiegħda tinżamm fl-Isptar Monte Carmeli.”
Kif ikejjel is-suċċess fil-karriera tiegħu?
Ashley jidħak.
“Is-suċċess tiegħi meta persuna ma terġax tiġi hawn. Persuna tibqa’ ssegwiha. Nagħmlu l-aftercare. Hemm ċerti aġenziji li jagħmluha imma mhux kulħadd jipprattikaha. It-test hu li persuna tibqa’ ssegwiha.”
Jimmaġinah ibiddel xogħlu?
“Ma nafx. Hawn għandek ħafna affarijiet kontra. Ħajja soċjali m’għandniex. Għandna żewġ xiftijiet. Wieħed li jibda mis-7am sat-3pm u ieħor mis-1pm sad-9pm. Jien naħdem part-time x’imkien ieħor biex nagħmel tajjeb għall-pagi baxxi li jeżistu fis-settur. Naħdem mal-Caritas fuq każijiet ta’ drogi.
“Iżda dak li ma tiħux miċ-ċekk tal-paga tieħdu sodisfazzjon mod ieħor. Minkejja dan, nista’ ngħid li s-sodisfazzjon hu kbir għax fil-YMCA nista’ nipprattika l-professjoni to the full,” iwieġeb Ashley.
Il-ġranet franki għal dawn il-ħaddiema jidher li mhux wisq fuq l-aġenda.
“L-ewwel sebat ijiem leave li ħadt kienu għall-Għid il-Kbir. L-ewwel jiem franki li ħadt wara 17-il xahar.
“Titgħallem torqod ftit. Jien norqod erba’, ħames sigħat kuljum.”
L-istil li jaddotta hu wieħed żagħżugħ u ħieles minn ħafna affarijiet tradizzjonali.
Għandu żewġ muturi, easyriders kbar.
“Ġieli ċerti sessjonijiet mat-tfal nagħmilhom fil-kampanja f’forma ta’ picnic. U liż-żgħar ġieli ħadthom xi dawra bil-mutur ukoll. Il-professjoni tagħna nemmen li mhux turiha trid imma tipprattikaha …
“Hawn it-thank yous mhumiex ħafna. Imma l-ftit li jkun hawn jimlewlek qalbek. Kelli każ ta’ bniedem li f’April tal-2007 kien bla dar. Ftit ilu ġie hawn jgħidli grazzi. Qalli li jinsab tajjeb, fit-triq għall-aħjar. U anke hu qed jagħmel xogħol volontarju. Tgħid xogħli għamiltu sew. Bniedem ieħor li rnexxa.”
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Ashley Cumbo, senior social worker mal-YMCA
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
Bernard Cauchi u
Michael Grech
- Simone Spiteri
Jiktbu l-kandidati
|
|
|