Editorjal | 17 ta’ Mejju 2009 Nr 133
Jidher li fl-elezzjoni tas-6 ta’ Ġunju l-PN u PL ddeċidew li jaqilgħu r-roti li soltu jkun hemm fuq il-lasti elettorali kull meta jkun se jilgħab xi tim ieħor. B’ironija se jkun it-tibdil li sar fis-sistema elettorali f’Novembru tal-2007 li se jintuża biex tissolva l-problema ta’ kif se jintgħażel ir-rebbieħ tas-sitt siġġu li Malta tikseb fil-Parlament Ewropew malli jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona.
Fl-2007 il-PN u l-MLP kienu qablu li l-voti tagħhom jitpattew b’proporzjonalità stretta iżda dawk ta’ partiti oħra le u b’hekk effettivament ħolqu żewġ klassijiet ta’ partiti politiċi: il-PN, il-PL u l-oħrajn.
Peress li dan is-sitt siġġu niksbuh biss (jekk niksbuh) wara l-elezzjoni ta’ Ġunju, inqalgħet il-problema: a) għandhiex issir elezzjoni mill-ġdid dakinhar jew b) is-sitt deputat għandux jintgħażel b’maġġoranża fil-Parlament Malti jew ċ) għandu jittella’ fl-elezzjoni ta’ Ġunju bħala riżerv:elett iżda bla ħatra sakemm ma jkunx il-waqt.
Wara ħafna spekulazzjoni u nkwiet fost il-kandidati u bejn il-partiti wasalna lejlet l-elezzjoni u s-soluzzjoni nstabet: is-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew jiksbu/tiksbu dak jew dik il-kandidat/a li fl-elezzjoni ta’ Ġunju jkun/tkun il-kandidat/a mhix/mhux elett/a bl-iżjed voti wara l-aħħar kandidat/a elett/a.
Kieku fl-elezzjoni Ewropea tal-2004 kellna l-istess sitwazzjoni kien jirbaħ is-sitt siġġu Arnold Cassola, il-kandidat tal-Alternattiva li qarreb sew li jieħu l-ħames siġġu. Dakinhar it-taqbida għall-ħames siġġu kienet qajmet ħafna nteress billi Cassola kiseb iżjed voti mis-sitt kandidati tal-PN li kien baqa’ wara li kienu ġew eletti Busuttil u Casa u spiċċa jikkontesta lil Louis Grech li fl-aħħar kiseb it-tielet siġġu tal-MLP.
Fl-2009 l-istorja hi differenti u Cassola jista’ jkun li m’għandux l-appoġġ li kien kiseb fl-2004 meta Cassola kiseb fama kien midħla tas-sistema tal-UE billi kien għamel tliet snin fi Brussell bħala Segretarju Ġenerali tal-Ħodor Ewropej u kien f’pożizzjoni strateġika biex iwassal xi aħbar dwar ir-riżultati tan-negozjati bejn Malta u L-UE.
Illum għandu jtellfuh bħala kandidati erba’ mill-ħames Ewrodeputati eletti fl-2004 u ieħor li ħa l-ħatra meta kellu jirriżenja Joseph Muscat biex sar Mexxej tal-PL. Dawn kisbu fama ta’ familjarità daqs kemm kellu Cassola, jekk mhux izjed.
Kienet favurih ukoll fl-2004 l-istorja bejn l-AD u l-PN billi l-appoġġ kruċjali li l-AD kienet tat lill-PN biex Malta tissieħed fl-UE kien tpatta bl-imrar fl-2003 bid-diskors ta’ Fenech Adami mill-grawnd tal-Luxol meta wissa li anki t-tieni preferenza tal-vot mogħtija lill-AD setgħet twaqqa’ d-dinja.
Dak id-diskors lejlet l-elezzjoni kien ħawwad lil ħafna votanti li kienu se jagħti xi vot lill-AD biex wara l-elezzjoni għarfu li kienu qarrqu bihom. B’hekk aktarx li parti sew mid-29,000 li kiseb Cassola sena wara fl-ewwel elezzjoni għall-PE kien ta’ nies li xtaqu jpattu għall-azzjoni ħażina li kienet twettqet kontra l-AD mid-diriġenti tal-PN fl-elezzjoni ġenerali.
Fl-2009 dawn iċ-ċirkostanzi m’għadhomx jgħoddu u s-simpatija li l-AD kienet tgawdi minn dawk favur l-isħubija fl-UE jista’ jkun li naqset. Aktarx li dan hu l-kalkolu tal-PN u l-PL biex ħallew li l-elezzjoni fl-2009 ssir b’mod ġust: it-tnejn jittamaw li l-AD ma tmurx tajjeb u b’hekk it-taqbida għas-sitt siġġu ssir bejn il-PL u l-PN.
Fattur kruċjali fil-politika hi l-pubbliċità. Fil-kampanja referendarja tal-2003 il-kelliema tal-AD dehru għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni flimkien mal-kelliema tal-partiti l-oħra u l-AD kisbet statura politika ġdida. Intlaqgħet tajjeb min-nies u l-iżjed minn dawk li bil-kemm kienu ntebħu bl-eżistenza tat-tielet partit. Dik il-qabża ’l fuq tal-AD li ssarrfet fl-elezzjoni Ewropea tal-2004 kienet tagħlima importanti lill-partiti l-oħra li minn dakinhar ħadmu biex ireġġgħu l-arloġġ lura u kemm jista’ jkun iċaħħdu lill-AD minn opportunitajiet bħal dawn.
Ironikament kienet il-qabża ’l fuq tal-AD fl-2004 li ħolqot tfixkil għaliha billi tħajjar ħaddieħor iwaqqaf partit politiku u minn żewġ partiti biss llum għandna sitta jikkontestaw l-elezzjoni. B’hekk l-AD titqiegħed fl-istess keffa ta’ dawn il-partiti ġodda biex titwarrab minn xandiriet politiċi bħallikieku partit li ilu mwaqqaf 20 sena li kulħadd imissu jkun jaf x’isarraf politikament jista’ jitħallat ma’ partit li ħareġ għall-elezzjoni għall-ewwel darba.
Realistikament l-AD jibqa’ l-uniku partit li jista’ jhedded id-dualiżmu tal-PN tal-PL u l-iżjed fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fil-waqt li l-piż ta’ eluf kbar ta’ ewro f’xandir u riklamar idamdmilna f’moħħna li t-taqbida hi biss bejn il-PN u l-PL biex jipprova joħroġ jivvutaw lil-Laburisti Ewroxettiċi u lin-Nazzjonalisti mdejqin minħabba l-biża ta’ “rebħa tan-naħa l-oħra”, il-fil fl-istorja li għandu jiġbed l-interess għaliex jista’ jwassal għal xi ħaġa ġdida hu dak tad-destin tal-AD.
Wara li l-Alternattiva fl-elezzjoni li għaddiet ġabet lill-PN u l-MLP it-tnejn taħt il-50%, fl-2009 jirnexxielha tagħmel pass ieħor u ttella’ deputat?
Il-biċċa l-kbira minna mehdija jbassru min mill-PL u l-PN se jikseb l-iżjed Ewrodeputati meta fil-fatt nafu minn qabel li t-tnejn se jkollhom mill-anqas tnejn kull wieħed u għalhekk Malta tkun rappreżentata fl-akbar żewġ familji politiċi fil-Parlament Ewropew u tkun tista’ semma leħinha ... jiġri x’jiġri.
Jista’ jkun hemm minna min jaqbdu xi eċċitament iħabbel rasu liema mill-kandidati tal-partit tiegħu se jirbaħ il-premju ta’ paġa favoluża bħala Ewrodeputat. Iżda min mill-PN jew il-PL jikseb il-maġġoranza ma tagħmel l-ebda differenza sostanzjali: għandha tifsira biss fil-pika partiġġana.
Ikun hemm żvolta fix-xena politika bis-serjetà jekk l-AD tikseb post ma’ familja politika oħra fil-Parlament Ewropew u b’hekk inkunu frixna l-influenza ta’ pajjiżna f’dak il-Parlament. Fil-fatt nibqgħu lkoll b’togħma morra jekk il-PN u l-PL jispiċċaw itemmu l-partita tlieta bi tlieta. Għall-partiġġani tal-PN u tal-PL ma jkun rebaħ ħadd u l-AD tkun reġgħet baqgħet l-art tistenna elezzjoni oħra biex tagħmel pass ta’ nemla ieħor fl-iżvilupp tad-demokrazija f’Malta.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Ashley Cumbo, senior social worker mal-YMCA
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
Bernard Cauchi u
Michael Grech
- Simone Spiteri
Jiktbu l-kandidati
|
|
|