MediaToday

Toni Abela | 10 ta’ Mejju 2009 Nr 132

Bookmark and Share

Vivre la difference!

Ħajti fil-politika ma kinitx faċli u lanqas se tkun għax sa mill-bidu nett iddeċidejt li nimxi ma’ mudell politiku li mhux konvenzjonali. Biex ma nġibx l-istorja fit-tul, jien ngħix għall-politika u mhux bil-maqlub. Mhux għax min għażel li jimxi mod ieħor ma kellux riżultati pożittivi … anzi! Iżda l-mod kif fassalt ħajti kien influwenzat ħafna minn dak li qrajt u minn nies li ltqajt magħhom meta kont għadni żagħżugħ.
Sal-lum għadhom jidwu fija l-ilħna ta’ awturi politiċi ta’ dibattiti kbar kbar fuq is-soċjaliżmu demokratiku. Għadni ngħożż il-passiġġati ma’ Pawlu Montebello u Geraldu Azzopardi, li għalkemm ma kinux figuri kbar tal-Parlament, kienu kbar fi ħsibijiethom.
Sal-lum għadni niftakar l-ewwel darba li rajt lil Wenzu Mintoff li bil-ħsieb analitiku u profond fuq kull ħaġa politika, influwenza ħafna l-mod kif naħseb.
Tgħallimt li m’għandi naċċetta xejn bħala vanġelu għas-sempliċi raġuni li dawk li ġew qabilna minn dejjem hekk ħasbu jew hekk għamlu. Fija dejjem ġarrejt iż-żerriegħa għal sens qawwi ta’ bidla għall-aħjar, anke jekk dan kien ifisser telf materjali għalija personali.
M’għandniex għalfejn nibża’ nitkellem meta naf li qiegħed fis-sewwa.
Għalhekk inħossni komdu meta ngħid li ninsab dispjaċut. Dispjaċut għal dawk kollha li weġġgħu, huma min huma, minħabba l-iżbalji li għamlet il-klassi politika f’dawn l-aħħar 40 sena. Noħlom li xi darba dan id-dispjaċir joħroġ fil-beraħ u mingħajr tlaqliq minn min kien responsabbli. B’hekk nibdew paġna gdida u ma nibqgħux nissuttaw lil xulxin bl-Istorja.
Biex naslu għal dan irridu nieħdu attitudni għal kollox differenti u dan jistgħu jagħmluh biss il-ġenerazzjoni ġdida ta’ politiċi. Ma jagħmlux sew dawk li waslu biex joħorġu mill-politika li jibqgħu jipperpetwaw stil ta’ tagħjir mimli preġudizzji storiċi, biex dawk li qatt ma għexu l-Istorja jibqgħu mimlijin preġudizzji frott ta’ ħafna nofs veritajiet. Fil-fehma tiegħi politiċi żgħażagħ fuq iż-żewġ naħat għadhom biċ-ċans li jiżirgħu mentalità ġdida.
Mingħajr ma nsemmi lil dawk li hemm fil-PN ma nistax ma nsemmix lil Joseph Muscat li f’kull diskussjoni li jkolli miegħu jinsisti li rridu nkunu pożittivi u niżirgħu tama politika għal dawk li ġejjin warajna. Meta ma jiddejjaqx isemmi dak li hu tajjeb mhux se jiddejjaq isemmi l-ħażin. Konvint li nistgħu naslu b’daqsxejn ta’ rieda tajba.
Fil-fehma tiegħi dan l-aħħar kellna ċans u tlifnieh. Għall-ewwel ħsibt li meta Joseph Muscat ta l-appoġġ tiegħu lill-Gvern fuq il-pożizzjoni li ħadna mal-Italja dwar l-MV Pinar dan kien se jkun il-bidu tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin f’pajjiżna. Bqajt b’ħalqi miftuħ meta smajt lid-diriġenti tal-PN jakkużawh b’opportuniżmu politiku.
Id-diżappunt kien doppju. Li ma ħadna ebda grazzi u li ntilfet opportunità biex jinfetħu bibien ġodda. Jien naf li fi ħdan l-PN kien hemm uħud li ma ħadux gost b’din l-attitudni, iżda għal darb’oħra l-isqra ħarġu b’saħħithom aktar mill-ħamiem.
Nemmen li rridu naslu għall-mument fejn iż-żewġ partiti l-kbar jibdew jikkompetu bejniethom min minnhom l-aktar għamel tajjeb. Sal-lum ix-xenarju għadu wieħed fejn jikkompetu bejn min minnhom għamel l-inqas ħażin, meta fil-verità t-tnejn għamlu t-tajjeb, anke jekk għandhom ideoloġiji differenti.
Id-differenza fil-kredu politiku taż-żewġ partiti kienet il-kawża tal-progress li sar fil-pajjiż. Ir-rigress jiġi biss jekk partit iħott it-tajjeb ta’ dak li ġie qablu, sempliċiment għax m’għamlux hu. Dan sfortunatment rajtu jiġri f’dawn l-aħħar snin.
L-argument li ż-żewġ partiti m’għandhomx ikollhom differenzi bejniethom hu wieħed perikoluż. Anzi hawn min saħansitra jemmen li lanqas għadha teżisti differenza bejn iż-żewġ partiti u li t-tnejn saru l-istess.
Jekk jiġri hekk inkunu qegħdin nassistu għall-mewta inviżibbli tad-demokrazija u nkunu biss qegħdin ngħixu f’demokrazija formali.
Iż-żewġ ideoloġiji huma essenzjali għall-progress tal-pajjiż. Li ż-żewġ partiti jħarsu b’mod differenti lejn l-istess ħwejjeġ isebbaħ u mhux iddallam il-politika. L-agħar il-politika tat-tagħjir u n-nofs veritajiet.
Jien m’għandi xejn kontra li l-Partit fil-Gvern iħaddan politika neo-liberali. Kien hemm żmien meta d-dinja mxiet bis-saħħa ta’ dan it-twemmin għalkemm illum qegħdin naħsdu wkoll il-ħażin tagħha.
Min-naħa l-oħra s-Soċjaliżmu Demokratiku għandu t-tajjeb tiegħu. Waqt li nħaddnu l-prinċipju tas-suq liberali nemmnu li xorta għandu jkollu wiċċ uman u li l-ekonomija qiegħda għall-bniedem u mhux bil-maqlub.
Iżda ndħil żejjed tal-istat hu perikoluż daqskemm meta terħi s-suq għal riħu. Għalhekk partit jagħmel aċċenn fuq aspett soċjali partikulari u l-ieħor fuq aspett ieħor.
L-alterananza politika hi essenzjali biex f’xi żmien jew ieħor, l-aspetti kollha tas-soċjetà jintmissu. Jekk ikollok partit li jsaddad għal snin twal fil-Gvern iwassal li parti mis-soċjetà ssofri aktar minn kemm suppost.
Illum hu aktar minn evidenti li l-aktar li qegħdin isofru huma dawk li l-għixien tagħhom ġej minn impjieg. Impjiegi ta’ kull xorta, anke ta’ dawk li sa ftit ilu dejjem kienu jqisu lilhom infushom bħala klassi medja, qegħdin jaraw il-pożizzjoni soċjali tagħhom teħżien bil-ġimgħat.
Prattiċi tax-xogħol neo-liberali qegħdin inaqqrulhom mil-livell tal-għixien tagħhom jekk mhux ukoll iħalluhom mingħajr impjieg.
Nerħi f’idejkom taħsbu minn xiex għaddejjin dawk li qegħdin fuq il-paga minima jew soċjali! Nittama li dan kollu jagħmel differenza għalikom.

 

Intervista
Il-miżien li jġorr il-familja u l-opra

Franica Pulis tintervista lit-tenur Paul Asciak




Wenzu Mintoff
L-importanza tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew



Carmelo M. Bonnici
L-esperjenza Ewropea



Joe Ellis
Wara ħames snin fl-Ewropa



Emmanuel Micallef
L-impjiegi l-ewwel ... ħożż fl-ilma



Toni Abela
Vivre la difference!


Il-Punt - Marina Arrigo
Kunsill li jrid jara li kulħadd iżomm tiegħu


Jiktbu l-kandidati

John Spiteri – AN

John Zammit - AL

Yvonne Ebejer Arqueros - AD

Mary Gauci – Libertas


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan