Intervista | 10 ta’ Mejju 2009 Nr 132

Franica Pulis tintervista lit-tenur Paul Asciak
Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u wara kien hawn kultura qawwija ta’ kant u opra f’Malta speċjalment fil-Belt. Biss biss sal-1942 it-Teatru Rjal kien itella’ staġuni sħaħ ta’ opri fi ħdanu. It-tenur Paul Asciak, li għamel isem fl-Ingilterra u fl-Italja fil-ħamsinijiet u fil-bidu tas-sittinijiet, twieled u trabba f’dan l-ambjent operistiku fil-Belt fl-1928. Mhux ta’ b’xejn li għażel il-karriera tal-kant.
Din il-gazzetta ltaqgħet miegħu f’daru f’San Pawl il-Baħar biex tnissel daqsxejn nostalġija lil min għex dawk iż-żminijiet jew min sempliċiment xtaq jesperjenzahom imqar għal ftit sigħat.
Nistaqsih dwar kif beda l-kant.
“In-namra għall-kant bdejtha mindu kont tifel. Dak iż-żmien lis-subien kienu jibagħtuhom l-Istitut ta’ San Ġakbu fi Triq il-Merkanti u lill-bniet fil-Knisja ta’ Santu Rokku. Hemmhekk kienu jieħdu tagħlim nisrani u jagħmlu parti mill-kor. Kelli forsi tmien snin meta bdejt. Ta’ 14-il sena l-vuċi bdiet tiżviluppa sew u bdejt anki nkanta ma’ oħrajn bħali, li aħna ngħidulhom is-sekondi.
“Meta bdiet il-Gwerra l-Knisja ta’ San Ġakbu għalqet iżda xorta konna nkantaw. Konna grupp ħbieb inkantaw fit-triq bil-kitarra, bil-mandolina u bl-akkordjin.”
Nistaqsih dwar is-Surmast Carlo Diacono u x’jiftakar minnu.
“Kien il-Maestro di Cappella tal-Konkatidral u ta’ San Ġakbu. F’dak iż-żmien kien hawn ħafna kant fil-knejjes. Is-surmastrijiet li riedu jagħmlu l-kant fil-knejjes kienu jistiednu solisti Taljani mit-Teatru Rjal biex ikantaw xi Tantum Ergo fil-festi tal-bliet u l-irħula.”
Dawn il-kantanti mistiedna kienu jingħataw il-manuskritti biex jaqraw minnhom. Skont id-drawwa li kien hemm dak iż-żmien, dawn kienu jiffirmawhom biex donnhom iħallu t-timbru tagħhom. Asciak, meta kien żagħażugħ, intalab ikanta bħala solista u kien ġie f’idejh il-manuskritt ta’ Tantum Ergo mimli firem ta’ kantanti barranin. Wara li kantah, żied ismu fuqu u żammu b’rikordju.
Fl-1945 fetaħ ir-Radio City u sena wara Asciak iddebutta fil-parti ta’ Turiddu fil-‘Cavalleria Rusticana’ ta’ Pietro Mascagni. Wara l-gwerra ġie Malta t-tenur ċelebri Tito Schipa fl-1950 u warajh is-sopran magħrufa Maria Caniglia. L-aħwa Pirotta, is-sidien tal-Orpheum Theatre tal-Gżira, talbuh ikanta fiż-żewġ kunċerti tagħhom.
“Meta Caniglia semgħetni nkanta ħajritni mmur nistudja l-Italja. Kienet diffiċli għax jien diġà kont miżżewweġ u kelli familja. Għall-ewwel kelli d-diffikultajiet tiegħi. Ma kinitx faċli nikkonvinċi lil familti, mhux biex immur naħdem, imma biex immur nistudja barra. Meta l-frott tal-istudju beda jidher kulħadd ħa gost, naturalment.
“Caniglia bagħtet tgħidli permezz ta’ telegramma li jekk sal-aħħar ta’ Mejju nasal Ruma tpoġġini f’idejn tajba biex nibda l-istudju u l-karriera. Meta dan seħħ u kont diġà bdejt nagħmel isem, ir-Royal Opera House Covent Garden stednuni biex immur nagħmel prova. Fl-1953 mort Londra u ddebuttajt fil-parti ta’ ‘The Italian Singer’ fl-opra Der Rosenkavalier ta’ Strauss. Hemmhekk kantajt mal-kumpaniji kollha ta’ dak iż-żmien.”
X’differenza kont tinnota bejn l-Italja u l-Ingilterra? Fejn kont għal qalbek l-aktar?
“Kieku stajt ma kontx nitlaq mill-Italja. Kont qbadt naħdem sew hemmhekk u kont ksibt isem. F’dak iż-żmien l-Italja kienet għadha l-iktar pajjiż importanti fid-dinja tal-opra. Issa donnha naqset tgawdi minn dik il-fama.
“Imma l-familja ġagħlitni naqleb il-miżien. Il-bżonn finanzjarju ma kienx ta’ wieħed. L-Italja kienet ħarġet telliefa u kienet qed tiffaċċa problemi finanzjarji. L-Ingilterra kont nitħallas aktar. Meta bagħtu għalija diġà kelli tlett itfal.”
B’liema lingwa kont tippreferi tkanta?
“Naħseb li l-opri għandhom jitkantaw bil-lingwa li nkitbu. Kantajt bil-lingwi tal-opra skont ir-repertorju. Imma naħseb li aħna l-Maltin aktar konna niġbdu lejn it-Taljan. Minbarra li meta kont tifel kont nisma’ ħafna opri bit-Taljan.”
Nerġgħu mmorru lura għat-Teatru Rjal u jirrakkonta kif dan it-Teatru kien li ġibdu lejn l-opra.
“In-namra tal-opra bdiet meta mort l-ewwel darba t-Teatru Rjal bis-saħħa ta’ ġar li kien jismu Ġanni. Dan Ġanni kien spiss jarani nisma’ b’ħafna attenzjoni d-diski ta’ Caruso u darba qal lil ommi li xi darba jeħodni.
“L-ewwel darba li ħadni kien għall-Aida. Ġanni kien jimla parti kumparsa u din id-darba kien wieħed mill-iskjavi, kollha miżbugħin wiċċhom iswed u b’għajnejhom iżebbġu ’l hawn u ’l hinn. Jien ma stajtx nagħrfu u niftakarni mort id-dar nibki għand ommi għax ma stajtx nagħrfu.”
Kif ħassu meta ġġarraf it-Teatru Rjal? Dak iż-żmien Asciak kellu mad-19-il sena.
“Għadni niftakru bix-xeni tal-kartapesta mdendlin tal-Elisir d’Amore imtella’ mill-Maltin. Naturalment iddispjaċini imma ma kienx żmien li toqgħod taħseb. Kienet l-agħar sena meta waqa’ fis-7 ta’ April fl-1942.”
Kif kienet l-udjenza Maltija?
“Bħala udjenza l-Maltin ma setgħux ma kinux mill-aħjar għax hawn kellna tradizzjoni qawwija. It-Teatru Rjal kellu staġuni sħaħ ta’ opra mill-aqwa. Kien simbolu importanti għalina u fl-Ewropa kollha. Ħafna mill-kantanti barranin kienu jiddebuttaw fih u wara jispiċċaw f’teatri importanti oħra bħal ta’ Covent Garden.
Taħseb li bil-waqgħa tat-Teatru Rjal il-Maltin tilfu d-drawwa li jmorru jaraw l-opra?
“It-teatru waqa’ imma n-nies, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu jmorru t-teatru, kienu jsibu refuġju fil-Cafè Premiere. Hemmhekk kienu jsiru serati fis-sala l-kbira b’orkestra li kienet magħmula minn kwartett mill-orkestra tal-Irjal.
“Il-fatt li meta fetaħ ir-Radio City fl-1945 u kienu jittellgħu ħafna opri u dejjem kien ikun mimli juri li n-nies baqgħet iżżomm it-tradizzjoni. Dak iż-żmien ma kienx hemm attrazzjonijiet oħra bħall-musicals u produzzjonijiet oħra li hawn illum.”
Asciak żied jgħid li r-Radio City waqaf itella’ l-opri fl-1959 bl-aħħar waħda tkun ‘Il Trovatore’ ta’ Verdi u li fiha kien ħa sehem ukoll. Wara beda juri l-films.
Nistaqsih jekk il-films għenux biex jaqtgħu l-interess fl-opra. Iwieġeb li ma jaħsibx għax iċ-ċinema kienet ilha teżisti.
Asciak ħa sehem fil-parti ta’ Johnson f’‘The Girl of the Golden West’ ta’ Giacomo Puccini maħdmuma mal-BBC għat-televixin fl-1954. Il-qabża għat-televixin, x’esperjenza kienet għalik?
“Kien dak li beda jżomm lin-nies ġewwa,” qalli pront pront.Wara spjegali li partijiet minn din l-opra nġibdu fl-apert għal aktar realiżmu.
“Kull xogħol li trid tagħmel għandu s-sodisfazzjon tiegħu. Dejjem trid tagħti l-aħjar.”
It-tenur temm il-karriera tiegħu fl-età ta’ 38 sena fl-1961. X’wassal għat-tmiem tagħha?
“Bħalma għidt qabel dejjem għandi familja. It-tfal bdew jikbru. Il-mara kienet tara li jiktbuli xi ittra. Meta t-tfal bdew jidħlu fl-iskejjel sekondarji bdejt nitħasseb ħafna. Qtajtha li nagħmel għażla għalihom u ġejt Malta.”
“Jidhirli li f’qasir żmien kelli karriera diskreta imma intensiva. Meta nħares lura nħoss li ħadt kulma ridt: mort għamilt karriera b’suċċess u rabbejt familja b’suċċess. Meta kont għadni nkanta barra kont niġi nagħmel perjodu ta’ żmien f’Malta meta jieqaf l-istaġun tal-opra.”
Nitħaddtu dwar il-wirja li t-Teatru Manoel stieden lil Asciak itella’ waqt il-Festival tal-Opra f’Marzu li għadda. Fost ħafna affarijiet għall-wiri kien hemm ukoll il-kaxxa tal-irtokk tat-tenur li tagħmel parti mill-kollezzjoni permanenti tal-Mużew tat-Teatru Manoel.
Fl-istess wirja kien hemm ukoll il-kostum ta’ Otello ta’ Verdi li Asciak uża fl-aħħar opra tal-karriera tiegħu li kienet saret fl-Argotti fil-Furjana fiċ-Ċentinarju Pawlin fl-1960. Dakinhar kien iddebbutta fl-Otello mal-baritonu Piero Cappuccilli, li mbagħad kiseb fama mondjali.
Il-kostum tħit mill-ewwel mara ta’ Asciak u issa ġie rregalat lill-Fondazzjoni Patrimonju Malti u se jkun għall-wiri permanentament fit-Teatru.
Asciak wara li rtira mill-opri għamel mal-20 sena f’Malta jgħallem il-mużika fl-iskejjel. Nistaqsih jekk iż-żmien li qatta’ jgħallem kienx xogħol li għamel b’volontà jew għax ma kienx hemm alternattiva oħra għalih f’Malta.
“L-ewwel nett meta rritornajt kont raġel b’saħħti u ridt inżomm il-familja. Imma ridt ingawdi wkoll ambjent ta’ mużika. Il-karriera tat-tagħlim bdejtha wara li s-Sur J.P. Vassallo, id-Direttur tal-Edukazzjoni, kien talabni norganizza kor mhux bogħod minn fejn kont noqgħod. Dan l-ambjent mela l-vojt li ħallietli l-karriera tal-kant. Fit-tagħlim tiegħi kulħadd jaf li kont bniedem ta’ dixxiplina u għaddew ħafna studenti minn taħt idejja.”
Bħalma tista’ tgħid kulħadd jaf li t-tenur Joseph Calleja kien wieħed mill-istudenti li ħarġu minn taħt idejn Asciak. Waqt li nintervistah ninnota ritratt biż-żewġ tenuri jitbissmu lejn il-kamera. Nistaqsih kif iħossu li hu student tiegħu u kif jaħseb li sejjer bħalissa.
“Allaħares jieqaf,” jgħidli b’ċerta ħarsa, “Illum qiegħed fil-quċċata. Hu wieħed mill-aqwa tenuri tad-dinja. Bħalissa qiegħed il-Metropolitan ta’ New York. Jixraqlu mhux biss għad-doti li tah Alla imma anki għad-dedikazzjoni li għamel fl-istudji tiegħu u għas-sagrifiċċji li għamel kemm hu kif ukoll familtu.
“Għadni nżomm kuntatt miegħu u meta jkollu bżonn ta’ xi parir għadu jfittixni,” jgħidli Asciak u jispjega li dalwaqt jidħol fuq l-internet biex ikun jista’ jkellmu wara li nitlaq minn ħdejh.
Fit-tmeninijiet Asciak kien għamel għadd ta’ snin bħala Maniġer Ġenerali tat-Teatru Manoel. Nistaqsih x’kien it-tir tiegħu fiż-żmien li għamel hemm. Jagħmilli premessa li hu ma kienx waħdu fit-Teatru u li kien hemm kumitat sħiħ ta’ nies li kienu jaħdmu u jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien.
“Fi żmieni saru ħafna opri minn kumpaniji tal-opri barranin fit-Teatru u kien hemm okkażjonijiet meta d-Dipartiment tal-Kultura tella’ l-opri fil-beraħ fuq Manoel Island ukoll. Kultant żmien it-Teatru kien jiġi mistieden jisma’ kumpaniji barranin bil-ħsieb li jagħtu rappreżentazzjonijiet f’Malta.”
Fl-1989, il-kumitat kien bagħtu jisma’ kumpanija tal-opri fil-Polonja bil-ħsieb li tiġi Malta. Miegħu kien mistieden qassis Taljan li ħajru jisma’ quddiesa qabel imorru għall-provi ġenerali tal-Otello. Il-quddies spiċċat tard għalhekk ħaffu lejn it-teatru.
“Kien naqas li jasal it-tenur li kellu jkanta l-Otello. Wara ħafna dewmien ta’ ħin talbuni biex nagħmel il-parti tat-tenur. Kien l-uniku mod li setgħu jagħmlu biex ma jħassrux l-opra. L-ewwel att tal-opra hu inċiż fis-CD li ħarġet l-MSM ta’ Londra ‘Paul Asciak - Portrait’.
“Meta tqis l-età u li wassaltha sat-tmiem naħseb li ma mortx ħażin,” jgħidli Asciak bi tbissima.
|
|

Franica Pulis tintervista lit-tenur Paul Asciak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Marina Arrigo
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|