Intervista | 03 ta’ Mejju 2009 Nr 131
Franica Pulis tintervista lil
Carmel Cassar
Carmel Cassar m’ilux laħaq professur tal-istorja bi speċjalizzazzjoni f’dik kulturali. Uħud mit-temi l-aktar għal qalbu huma l-ikel u l-Istorja taż-żmien il-Kavallieri. Fil-fatt kiteb bosta artikli u kotba dwar dawn is-suġġetti.
Il-gazzetta Illum intervistatu dwarhom minħabba li l-ġimgħa d-dieħla se tkun waħda marbuta mal-ikel ġust u organiku permezz tal-festival Worldfest li din is-sena se tkun it-tmien edizzjoni tiegħu. Cassar se jkun wieħed mill-parteċipanti ta’ din l-attività grazzi għall-moviment li waqqaf fi Frar li għadda: Slow Food Malta.
Iżda qabel l-ikel nitħaddtu ftit dwar ir-relevanza tal-istorja kulturali u għaliex għandha tkun importanti daqs dik politika.
“Għalija l-istorja tirrifletti l-passat tagħna u l-passat jirrifletti fuq x’jagħmilna llum. L-istorja tgħinna nifhmu s-sitwazzjoni attwali b’mod aktar ċar.
“Tradizzjonalment l-istorja kienet tiġi assoċjata mal-iżvilupp politiku, ekonomiku jew kostituzzjonali. Imma jeżistu modi oħrajn ta’ kif tħares lejn l-istorja għax kollox fih l-istorja tiegħu: ix-xjenza, l-industrija, il-mużika, il-valuri umani, eċċ.
“B’hekk l-istorja mhix sempliciment eżercizzju, kif jaħsbu xi wħud, marbut ma’ tifkira ta’ dati u dettalji li jistgħu faċilment jinstabu fil-kotba. Fuq kollox naħseb li l-istorja hi eżerċizzju kulturali per eċċellenza li jgħin l-individwu jimmatura fuq livell soċjali.
“Jien inħares l-aktar lejn l-istorja soċjo-kulturali imma dan ma jfissirx li ma nagħtix każ il-metodi l-aktar tradizzjonali. Pereżempju ħafna għadhom iħarsu lejn l-istorja bħala l-ġrajja ta’ grupp diriġenti li jiddetermina l-mixja ta’ stat jew nazzjon. Naħseb li dan ma jgħinx biex nifhmu l-ġrajja vera.”
Jispjega li l-bini l-Konkattidral ta’ San Ġwann hu attribwit lil Gran Mastru La Cassiere li ħallas biex jinbena. Iżda x-xogħol sar minn dawk li dak iż-żmien kienu jissejħu ‘il popolo minuto’ jew dawk li m’għandhomx vuċi.
“F’dan is-sens ikun żball tinjora lin-nies komuni li bnew San Ġwann. La Cassiere seta’ kellu flus kemm ried imma kieku ma kienx hemm in-nies komuni biex jibnuh ma kien isir xejn. Għalhekk hi importanti l-istorja popolari.”
Niddiskutu d-differenzi bejn il-ħajja fil-kampanja u dik tal-port kif ukoll l-influwenzi li daħlu matul iż-żmien.
“M’hemm l-ebda dubju li kull soċjetà tiġi influwenzata minn soċjetajiet oħrajn. Jidher ċar li fil-każ ta’ Malta dan kien il-punt determinanti li għen biex jiżviluppa l-kunċett tal-Istat Malti.
“Meta l-Kavallieri, għar-raġunijiet tagħhom iddeċidew li jiżviluppaw iż-żona tal-Port il-Kbir u jsaħħu d-difiża tagħha bis-swar, din il-parti ta’ Malta bdiet tiddistingwi ruħha mill-kumplament tal-Gżejjer.
“Iż-żona tal-Port bdiet tiddistingwi ruħha f’kollox – stil ta’ ħajja, xogħol, ikel, ilbies, eċċ. Dan ma jgħoddx biss għal min kien jiflaħ iħallas. Anki l-fqar tal-Belt (tal-Port ta’ Malta) kienu jħarsu lejn il-ħajja b’mod differenti minn dawk tal-kampanja. Forsi l-aktar mod ċar ta’ din id-distinzjoni hu kif in-nies tal-Port kienu jħarsu lejn iż-żwieġ u l-familja. Għan-nisa fl-inħawi tal-Port kienet xi ħaġa normali li ma jiżżewġux irġiel Maltin.
“Lejn l-aħħar tas-seklu 16 kważi terz tan-nisa f’Bormla jew il-Belt kienu jiżżewġu barrani. Dan it-taħlit tista’ tgħid li beda mal-miġja tal-Kavallieri, żdied fis-snin ta’ wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 u l-bini tal-Belt Valletta u baqa’ sejjer anke fi żmien l-Ingliżi u tista’ tgħid sat-Tieni Gwerra Dinjija.
“Xi jfisser dan kollu? Li meta għandek għadd kbir ta’ Maltin li qed jiżżewġu lill-barranin, awtomatikament bdew jidħlu ħafna influwenzi ġodda u mentalità differenti għal kollox mill-inħawi tal-kampanja.
“Għalhekk ikun aktar preċiż jekk ngħidu li l-Gvern tal-Kavallieri għen biex biddel il-mentalità u n-nies tal-Port ikkoperaw bis-sħiħ u għenu biex isir it-tibdil.”
In-nies tal-belt kienu jħossuhom differenti minn tal-kampanja u dawk tal-kampanja bdew jimitaw u jaddattaw dak li kien jidher aċċettabbli għalihom mill-kultura tal-belt. Eżempju ċar hu l-bini tal-knejjes bil-koppli. Il-festi wkoll ikkupjawhom u dawn forsi huma wieħed mill-aktar każi evidenti. L-idea ta’ festa kif nifhmuha llum kienu daħħluha l-Kavallieri bil-mużika, bil-ġiġġifogu u bl-isparar tal-kanuni. Illum minflok jisparaw il-murtali imma l-effett hu simili.
“Jidher li l-ideat u d-drawwiet kienu joħolquhom il-mexxejja mbagħad kienu jikkupjawhom il-Maltin tal-Port u wara jixterdu man-nies tal-kampanja. Dan il-mod ta’ xterid tal-ideat baqa’ sejjer tista’ tgħid sat-Tieni Gwerra Dinjija.”
In-nisa fl-istorja, kultant tieħu l-impressjoni li ma kinux jeżistu, iżda fir-realtà kemm għamlu mill-istorja ta’ Malta?
“In-nisa kellhom funzjonijiet speċifiċi. Kienu jieħdu ħsieb il-familja, isajru u jieħdu ħsieb id-dar. Kien rwol passiv imma importanti għax kieku s-soċjetà kienet tieqaf. Ir-rwol tal-mara kien sekondarju għalkemm ‘naturali’.
“In-nisa ta’ klassi soċjali baxxa kienu jagħmlu xi xogħol biex jgħinu lill-familja, l-aktar fil-ħasil ta’ ħwejjeġ u tindif għand nies aktar komdi jew sinjuri. Kienu jagħmlu anke xogħol ta’ qwiebel bir-riskju li jiġu akkużati bi sħarijiet.”
Cassar żied jgħid li fil-passat l-agħar żewġ insulti għal mara kien li tgħajjarha ‘prostituta’ jew ‘saħħara’.
“Għalkemm jidher li n-nisa prostituti donnhom kienu aktar liberi u kien hemm każi fejn dawn kienu jgħixu ħajja aktar komda min-nisa b’familja normali, biss kellhom it-timbru li kienu nisa tat-triq u anke fil-listi tal-parroċċi kienu jiġu indikati bħala tali.”
Kompla jgħid li n-nisa ma tantx kellhom għażliet u idealment kienu jiżżewġu biex b’hekk ‘jeħilsu mill-perikli tad-dinja’ li kienet il-prostituzzjoni. Mara li kellha fuq l-40 sena u tgħix weħidha jew tagħżel li ma tiżżewiġx, kienet tidher kerha f’għajnejn in-nies u kienet ekwivalenti għal prostituta.
Żied jgħid li jkun interessanti jekk joħroġ studju li jidentifika għadx hawn nies li jaħsbuha b’dan il-mod u mnejn ġejjin.
“Mil-lat storiku kieku nifhmu daqsxejn kif kienu jħarsu lejn iż-żwieġ u lejn il-familja naħseb tgħinna nifhmu aktar ċerti affarijiet li qed jiġru f’Malta bħalissa.”
Ir-reliġjon u l-Knisja kemm kienu jiddettaw x’jieklu n-nies?
“Il-Knisja wkoll kellha rwol determinanti fis-soċjetà. L-ewwel nett kienet daħħlet perjodi ta’ sawm: l-Avvent u r-Randan. Imma mbagħad kellek ġranet oħrajn li fihom suppost kont issum jew almenu tikkontrolla x’tiekol ukoll: l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt. Fihom kellek iżżomm lura mil-laħam li kien meqjus ma’ min jgħix tajjeb.
“Ma setgħux jieklu laħam. Imma fir-realtà kemm kienu jistgħu jixtruh? Fil-fatt ftit kienu jieklu laħam spiss. Minflok kienu jieklu ħafna prodotti magħmula mill-ħalib, bħal ġobon u ġbejniet, kif ukoll bajd. Iżda dawn il-prodotti wkoll kienu projbiti fiż-żmien
tal-astinenza.”
Bħala regola n-nies kienu jieklu ħafna ħobż, ħaxix u xi ħut, ħafna drabi mmellaħ jew priservat. Il-ħobż kien differenti minn tal-lum u ħafna drabi kien ikun imħallat u skur.
“Ovvjament il-Knisja kellha ħafna kontroll. Fortunatament għandna arkivju kwazi intatt
tal-Inkwiżizzjoni u minnu nafu bid-dettall x’kien jiġri grazzi għal min kien jikser ir-regoli.
“F’dak iż-żmien seta’ jkollok lil martek jew lil ibnek jew l-aqwa ħbieb tiegħek li jirrappurtawk li kilt ikel projbit. Kienu obbligati jagħmlu hekk inkella jaqgħu fl-iskomunika.”
Kien ikun hemm ħafna rapporti ta’ barranin, fosthom Franċiżi, imma anke Maltin u nies oħrajn, li ma kienx jimpurtahom x’jieklu u ġieli kielu ikel projbit minkejja li kienu avżati.
Nistaqsih jekk is-sawm kienx marbut man-nuqqas ta’ annimali f’pajjiżna biex dawn jitħallew jgħixu aktar u jikbru.
“Il-Knisja kienet tħares lejn is-sawm aktar bħala forma ta’ penitenza. L-annimali ma kinux jitkabbru bħal-lum u ma kienx ikollhom għalf x’jagħtuhom. L-aktar annimali mrobbija kienu l-mogħoż u l-ħnieżer għax jieklu kollox. Minn hemm ġejja l-frażi ‘Qisek mogħża’.
“Kellna ħafna ħalib tal-mogħoż u anki ġbejniet tagħhom. In-nagħġa trid aktar attenzjoni u kura. Għalhekk in-nagħaġ kienu ftit. L-istess kien japplika għall-baqar u l-barrin u dawn kienu jużawhom l-aktar għall-għelieqi.”
Jaqleb dwar id-dwawwiet fiż-żona tal-Belt.
“Fiż-żona tal-Belt jidher li kienu jrabbu tiġieġa ħajja ġol-kċina f’qoffa. Ikel kienu jagħtuha ftit milli jkollhom u b’hekk huma kien ikollhom il-bajd frisk. Kienu jżommu wkoll qsari bil-ħwawar bħall-merqtux u t-tursin.”
Dawn it-tradizzjonijiet ma kinux uniċi għall-bliet tal-Port f’Malta u kont issibhom kullimkien fil-Mediterran. Il-preparazzjoni tal-ikel inbidlet xi ftit u kien hemm ingredjenti li nużaw illum li ma kinux jeżistu qabel bħall-patata, il-felfel, it-tadam u l-varjetà wiesgħa ta’ fażola.
Fl-1994 Cassar ħareġ studju bl-Ingliż bl-isem: ‘Fenkata. Emblema tar-Reżistenza tal-Maltin tal-kampanja?’ li bħalissa reġa’ beda jaġġornah. Nistaqsih għaliex il-fenek jista’ jitqies bħala emblema tar-reżistenza.
“Ftit kienu n-nies tal-kampanja li kienu jixtru l-laħam u ħafna drabi kienu jmorru għall-kaċċa, l-aktar tal-fniek tax-xiber, summien u xi tjur oħra. Iżda fi żmien il-Kavallieri kien hemm pieni ħorox għal min jinqabad jikkaċċja fl-istaġun magħluq jew fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta: lejn l-inħawi ta’ Binġemma u l-Imġarr.
“Min jinqabad, minbarra s-swat, seta’ jintbagħat jaqdef fuq ix-xwieni għal sentejn, tlieta u anke ħames snin. Forsi din kienet ir-raġuni għaliex sa nofs is-seklu 19 kien għad hawn numru kbir ta’ fniek slavaġ u forsi hi r-raġuni prinċipali għaliex kienu ftit dawk in-nies li jrabbu l-fniek id-dar bħalma jrabbu t-tiġieġ.
Ngħaddu għal Slow Food Malta, li twaqqfet formalment minn Slow Food International, bil-għan li tippromwovi ikel tajjeb, nadif u ġust. L-idea hi wkoll li tħajjar lin-nies immorru għal ikel tradizzjonali, li jsir bil-mod, u li hu ġenwin.
“Jekk aħna nitgħallmu nirrispettaw lin-natura u anki fil-konsum: m’għandekx għalfejn tiffanga u taħli. Kulħadd għandu dritt jiekol tajjeb u jieħu pjaċir jiekol. L-idea ta’ ikel tajjeb mhix biss għal min jista’ u għandu x’jaħli imma għal kulħadd u dan jista’ jsir biss jekk nirrispettaw in-natura u l-ambjent li ngħixu fih. Kull meta ma nirrispettawx l-ambjent ta’ madwarna u naħsbu biss fl-interessi personali fl-aħħar mill-aħħar nonqsu lilna nfusna.”
Il-bidla fil-klima taħseb li għad twassalna fi stat li ma jkunx hemm biżżejjed ikel u xorb? Il-bdiewa diġà bdew iħossu l-impatt tad-deżert.
“Irid ikun hemm aktar rispett lejn in-natura.
Il-ħafna addittivi artifiċjali u l-pestiċidi li nagħtu lill-ħxejjex qed jispiċċaw fil-platt tagħna stess u
fl-ilma li nixorbu. Kieku wieħed jirrifletti ftit jinduna li qed jagħmel ħsara lilu nnifsu. Imbagħad hemm il-modifikazzjoni ġenetika. Hemm ukoll il-moħqrija tal-annimali li qed jitkabbru fi spazji żgħar u b’mod mhux naturali u jingħataw sustanzi biex jikbru malajr. Dan kollu hu kkundannat mis-Slow Food.
“Ħafna nies sfortunament qed jieklu ħafna ikel mhux tajjeb għas-saħħa forsi minħabba l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu. Minbarra sustanzi mhux tajbin għas-saħħa, dawn il-prodotti li jkollhom togħma tajba, fir-realtà jiswew aktar mill-prodott frisk u genwin.
“Irridu nitgħallmu wkoll li mhux kemm għandna fil-platt jgħodd imma x’hemm fil-platt. Fi ftit kliem irridu napprezzaw aktar il-prodott. Għalhekk Slow Food favur il-konsum ta’ prodotti tal-istaġun kif kien isir fl-imgħoddi.
“Dan għaliex l-ikel ikun aktar frisk u ta’ żmienu filwaqt li l-prezz ikun aktar raġonevoli għax
il-konsumatur ma jkollux għalfejn iħallas għat-trasport fuq distanzi twal li jwassal ukoll għall-aktar tniġġis tal-arja,” temm jgħid il-Professur.