MediaToday

Il-Punt - Angele Deguara | 03 ta’ Mejju 2009 Nr 131

Bookmark and Share

Kieku l-ikel jitkellem

Kieku l-ikel kellu jitkellem kien ikollna ħafna aktar x’nomogħdu. Kieku l-ikel kellu jibda jirrakkonta l-ġrajjiet li hemm warajh konna nġibu għajnejna wara widnejna b’dak li nisimgħu.
Għaliex wara l-prodotti tal-ikel li naraw fis-swieq, fis-supermarkets u aktar qrib tagħna, wara l-platt li jkollna quddiema fuq il-mejda ta’ kuljum hemm stejjer ta’ kull xorta. Hemm stejjer tal-mistħija, ta’ ġuħ, ta’ tbatija, ta’ sfruttar, ta’ xogħol fil-bażwa; ta’ żbilanċ bejn min m’għandux għaxja ta’ lejla u min jagħmel qligħ kbir minn fuq dahar ħaddieħor; ta’ tfal li minflok imorru l-iskola jmorru jaħdmu fl-għelieqi biex idawru erba’ soldi.
Hemm stejjer dwar il-qirda tal-ambjent, dwar kif intilfet ħafna mill-bijodiversità; dwar prodotti ssussidjati mill-pajjiżi sinjuri mibjugħin bi prezz aktar baxx milli jiswew biex tipproduċihom; stejjer ta’ ikel imkabbar bl-għajnuna ta’ kimiċi minflok b’modi tradizzjonali u naturali, sistemi li jagħmlu ħsara mhux biss lill-ambjent imma wkoll lis-saħħa tal-produtturi u tal-komunità li jgħixu fiha.
Fid-dinja hawn miljuni ta’ nies bil-ġuħ. Skont il-FAO, l-għaqda dinjija tal-ikel, hu stmat li fl-2007 in-numru ta’ nies bil-ġuħ żdied b’xi 75 miljun biex issa n-numru ta’ nies li m’għandhomx x’jieklu tela’ għal aktar minn disa’ mitt miljun. Minbarra l-għoli fil-prezzijiet tal-ikel (li hu kkontrollat mill-pajjiżi s-sinjuri), il-produzzjoni tal-biofuels għenet mhux ftit biex tkompli tnaqqas is-sigurtà tal-ikel ta’ miljuni ta’ familji. U dan fi żmien meta qatt fid-dinja ma kien hawn daqshekk abbundanza ta’ ikel!
Ironikament dawk l-agħar milquta minn din it-traġedja umana huma l-produtturi tal-ikel infushom. Meta ngħid produtturi tal-ikel mhux qed nirreferi għall-kumpaniji kbar li jiddominaw l-industrija tal-ikel bħal Nestle, Kraft, Heinz u Kellogg imma għall-bdiewa u l-familji tagħhom l-aktar fil-pajjiżi fqar. Min-naħa l-oħra, kumpaniji multinazzjonali tal-ikel żiedu l-profitti kbar li kellhom min-nuqqas ta’ ikel fil-pajjiżi fqar.
Minħabba l-kilba għall-flus u għall-poter li għandhom dawn il-kumpaniji l-bdiewa fqar ma jistgħux iqumu fuq saqajhom. Qed jiġu mċaħħda mid-dritt għall-ikel, m’għandhomx is-sigurtà tal-ikel li ngawdu aħna u fuq kollox m’għandhomx sovranità fuq l-ikel li qed jipproduċu huma stess.
Dawn il-kunċetti – dritt, sigurtà u sovranità tal-ikel – huma differenti imma fl-istess ħin marbutin ħafna ma’ xulxin. Filwaqt li d-dritt għall-ikel jagħmel aktar aċċenn fuq li kull bniedem hu ntitolat għall-ikel, l-idea tas-sigurtà tal-ikel tagħti aktar importanza lill-aċċessibbiltà tal-ikel, li wieħed ikollu l-flus biex jixtri l-ikel u li jkun hemm ikel għal kulħadd.
Il-kunċett ta’ sovranità jħaddan fih mhux biss id-dritt għall-ikel imma wkoll id-dritt li l-produtturi tal-ikel ikollhom sehem attiv u sħiħ fid-deċiżjonijiet li jinvolvu l-għixien tagħhom.
Sfortunatament l-istorja tal-ikel fid-dinja ftit li xejn tirrifletti dawn il-kunċetti nobbli. Iżda dan ma jfissirx li m’hemmx tama, li m’hawnx min qed jaħdem biex jikkumbatti l-mewġ ta’ inġustizzja li jeżisti fis-sistema globali tas-suq hekk imsejjaħ ħieles; li m’hawnx soluzzjonijiet.
Lanqas ma jfisser li l-bidla hi faċli. Hi bidla li tinvolvi rivoluzzjoni fil-ħsieb u fl-għażliet tagħna. Hi wkoll triq li tmur kontra l-kurrenti stabbiliti u dominati minn interessi kapitalisti b’saħħithom. Fost il-movimenti li jemmnu fil-ġustizzja soċjali u fl-ideal tas-sovranità tal-ikel nsibu dak tal-Kummerċ Ġust.
Il-Kummerċ Ġust jemmen f’relazzjonijiet kummerċjali mal-produtturi fil-pajjiżi fqar mibnija fuq onestà, solidarjetà, fiduċja u rispett reċiproku. Jgħin lill-produtturi jsaħħu l-indipendenza tagħhom billi jħallashom prezz li huma stess iqisu ġust; jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema, nisa u rġiel kif ukoll id-drittijiet tat-tfal. Jirrispetta l-kulturi lokali u l-ambjent naturali.
Il-Kummerċ Ġust isir ma’ produtturi fi bnadi differenti tad-dinja, l-aktar fl-Asja, fl-Afrika u fl-Amerka Latina. Matul is-snin il-Kummerċ Ġust kellu diversi stejjer ta’ suċċess fil-qasam tal-ikel bħar-ross, kuskus, zokkor, għasel, għazz, għaġin, banana u ċikkulata. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed igawdu eluf ta’ produtturi u l-familji tagħhom kif ukoll il-komunitajiet fejn jgħixu.
Malta wkoll tagħti s-sehem tagħha f’din ir-rivoluzzjoni permezz tal-Koperattiva Kummerċ Ġust (KKĠ) li twaqqfet fl-1996 u li tmexxi l-uniku ħanut dinji li hawn f’Malta, L-Arka, li jinsab fi Triq San Pawl, il-Belt. KKĠ, li taħdem b’nies voluntiera, timporta diversi prodotti, fosthom ikel. Il-KKĠ tieħu sehem f’diversi programmi edukattivi u tfittex li toħloq kuxjenza fost il-konsumaturi. Temmen ukoll li għandha tagħti appoġġ lill-produtturi żgħar Maltin u tippromwovi l-prodotti tagħhom.
Il-KKĠ hi l-organizzazzjoni wara l-Worldfest li se ssir nhar is-Sibt 9 ta’ Mejju fi Ġnien l-Indipendenza, f’Tas-Sliema, mill-10am sal-10pm.

Angele Deguara hi soċjologa, awtriċi ta’ ‘Life on the Line’ u membru tal-KKĠ

 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan