MediaToday

Karl Schembri | 26 ta’ April 2009 Nr 130

Bookmark and Share

Pinta għall-paċi

Karl Schembri
Mix Xatt tal-Punent

TAYBEH, Xatt tal-Punent – Għal ħafna Palestinjani ż-żjara ta’ Papa Benedittu x-xahar li ġej taf iġġib magħha t-tama tal-paċi. Oħrajn jgħidu li politikament mhi se ġġib xejn, imma wieħed biss jista’ jgħid li jittama li jbigħ iżjed mill-birra tiegħu.
Mir-raħal Nisrani ta’ Taybeh (tfisser Tajba), Nadim Khoury jipproduċi l-unika birra Palestinjana u apparti li jilqa’ lill-Papa b’idejh miftuħin bħal kull nisrani serju ieħor, hu qiegħed jistenna wkoll li l-eluf ta’ pellegrini ġejjin minn madwar id-dinja jlegilgu ħafna glalen mil-lager tiegħu wara l-impenji spiritwali tagħhom.
“Nittamaw li l-Papa jġib miegħu l-paċi fl-Art Imqaddsa,” jgħidli mill-birrerija tiegħu fejn jipproduċi din li-birra li ġġorr l-istess isem ta’ dan ir-raħal. “Il-bejgħ tal-birra tagħna marbut sew mat-turisti li jiġu hawn. Allura la se jiżdiedu l-barranin fil-Palestina ovvjament se jkollna iżjed nies jixorbu, u aħna se nżidu l-produzzjoni tagħna.”
It-tbissima infettuża ta’ Khoury, ta’ 52 sena, taħbi d-determinazzjoni qawwija li biha ilu jmexxi din il-birrerija ċkejkna għal dawn l-aħħar 15-il sena. Kontra kull kurrent irnexxielu jħalli l-birra tiegħu tnixxi fl-art tal-improbabbli u ma nistgħux inlumuh jekk qed jittama li l-pellegrini jsegwu lil Benedittu jżidu pinta birra mal-ħobż u l-inbid.
Aħna u nitkellmu vann ipparkjat barra qed jistenna biex jitgħabba bil-kaxex u t-tankijiet tal-birra biex jitqassmu fix-Xatt tal-Punent okkupat f’Iżrael. Khoury qed iħabbel rasu minn liema toroq l-aħjar li jgħaddu biex il-birra tiegħu tasal friska u fil-ħin. Iżda fin-nofs hemm mas-600 checkpoint armat iżommu t-traffiku bejn raħal Palestinjan u ieħor u jżidu l-uġigħ ta’ ras ta’ Khoury.
“Qed ngħidlek, nifqagħha rasi bl-inkwiet,” qalli. “Il-birra tiegħi ma fihiex preservativi. Allura meta jżommuhieli fix-xemx jirrovinawli kollox, nitlef glalen ta’ birra minħabba f’hekk.”
Biżżejjed ngħidu li biex iwassal il-birra sa Ħajfa jrid jippjana jumejn minn qabel. It-triq sa Ramallah, li xi darba kienet tieħu seba’ minuti bil-karozza, illum teħodlu siegħa u nofs, bla ma ngħoddu l-waqfiet fiċ-checkpoints li qatt ma taf kemm se jdumu.
Minkejja dan, minn dar-raħal imdawwar mis-settlements illegali tal-Lhud, baqgħet ħierġa birra ġenwina maħduma fuq riċetta Ġermaniża tas-seklu 16, tikkonfronta snin ta’ gwerer u okkupazzjoni bla ħniena.
“Għad m’għandniex pajjiż imma għandna l-birra Palestinjana,” jgħidli kburi bi flixkun f’idu. “Dan prodott Palestinjan mija fil-mija. Għax aħna nemmnu, għandna fiduċja u ninvestu fil-Palestina.”
Khoury reġa’ lura fit-territorji okkupati fl-1994 wara l-Ftehim ta’ Oslo, bil-ħolma li jiftaħ birrerija tal-familja wara iżjed minn 20 sena jgħixu Boston, fl-Amerka.
Ħafna kienu ħasbuh tilifha: li tiġi lura fil-Palestina okkupata diġà ħafna, li tiftaħ birrerija ġennata. Imma llum fuq il-bank tal-bar iġiblek ħames birer differenti: Golden, Amber, Dark, Light u – minn Ottubru li għadda – in-non-alcoholic. Mhux biss. Taybeh llum hi esportata fil-Ġappun, 10 fil-mija tal-produzzjoni kollha fil-fatt.
Sa mill-ħamsa ta’ filgħodu l-familja Khoury ssibhom fil-birrerija quddiem darhom li tħares fuq l-għoljiet u s-siġar taż-żebbuġ. Magħhom hemm 15-il impjegat li s-sena l-oħra pproduċew 600,000 litru ta’ birra.
“U nistgħu nagħmlu ħafna iżjed,” jgħidli.
Fuq kull flixkun Taybeh tiftaħar li hi “L-Ifjen fil-Lvant Nofsani”, u jien, li l-birra naf nixrobha, ikolli ngħid li jaf għandu raġun. Il-proċess jinvolvi 21 jum ta’ fermentazzjoni, l-użu ta’ ingredjenti kollha naturali u, kif iħobb jgħid Khoury, “imħabba ġenwina għall-birra”.
F’Jannar li għadda, waqt li l-Iżrael kien qed jibbumbardja Gaża, Khoury kellu jnaqqas il-produzzjoni.
“Il-gwerra żiditilna mal-problemi tal-okkupazzjoni. Taf x’uġigħ ta’ ras biex naqsmu l-ħajt u miċ-checkpoints? L-ebda birrerija oħra fid-dinja m’għandha daqshekk affarijiet kontrieha.”
Fit-tentattiv li jikkonvinċi l-Iżraeljani li fit-tankijiet tal-birra jġorr proprju l-birra, Khoury qasam tank tat-30 litru ħa jurihom kif ma jistax ikun hemm bombi fihom. Xorta konvinti, suldati Iżraeljani jispezzjonawlu kull vann birra bil-klieb u jgħaddulu kull kaxxa mill-x-ray.
Minbarra l-okkupazzjoni Khoury għadu qed jissielet mal-mentalità ta’ ħafna mill-Palestinjani li l-birra barranija għandha tabilfors tkun aqwa. Forsi hu sens sottili ta’ inferjorità, jew nuqqas ta’ patrijottiżmu. Skont Khoury, għexieren ta’ snin ta’ okkupazzjoni wasslu biex ħafna Palestinjani jitiflu l-identità nazzjonali tagħhom.
“Imma issa li jaraw il-barranin jixorbuha, anki l-Iżraeljani, qed jirrealizzaw li bilfors qed nagħmlu xi ħaġa tajba.”
Biex tkompli tagħqad, liġi antika Ġordaniża għadha sal-lum tipprojbixxi r-riklamar tal-alkoħol fil-Palestina u Khoury għadu qed iħabbel rasu biex jara kif se jdur magħha. Il-Musulmani hawnhekk, jew il-maġġoranza prattikanti, iħarsu lejn Taybeh biċ-ċiera – l-alkoħol hu strettament projbit fil-Koran – imma issa Khoury qed jittama li jilħaqhom permezz tan-non-alkoholic. Musulmani mhux prattikanti jixorbu l-birra liberament fix-Xatt tal-Punent, imma dawk iżjed stretti jevitaw saħansitra jmissu ma’ flixkun non-alcoholic.
“Għalija għadda mill-istess fabbrika nfettata bl-alkoħol,” qalli wieħed.
Khoury ma tantx jaqtagħli l-kurżità meta ngħidlu jelaborali kif qatt jittama li jdaħħal il-birra tiegħu f’Gaża, fil-qalba tal-Ħamas. Din xi ġennata oħra minn tiegħu.
“Kulħadd iħobb Taybeh: Insara, Musulmanti, Għarab, turisti, patrijiet u ateji,” jgħidli, għal darb’oħra bi tbissima. “In-nies qed jirrealizzaw li dan hu prodott Palestinjan ġewnin skont l-aqwa tradizzjoni tal-birra. Il-birra tagħna hi għal min iħobb il-birra, irrispettivament mir-reliġjon, kultura jew etnija. Jekk tħobb il-birra, trid tagħżel Taybeh.”
Ovvjament, Khoury jaf li f’daż-żminijiet, meta f’Gaża qajla qed jidħol l-ikel u l-mediċini, il-birra tibqa’ lussu.
“F’Gaża l-bdiewa qed jitimgħu n-ngħaġ tagħhom bil-fjuri. Qed tifhem? Il-fjuri tkabbarhom għal okkażjonijiet sbieħ, mhux biex titma’ l-annimali.”

L-ewwel birrara Palestinjana
Nadim illum għandu lil bintu ta’ 23 sena, Madees, li fuqha jserraħ rasu li l-birrerija tal-familja Khoury se tkompli bis-sod.
Minkejja l-età żgħira tagħha Madees għandha sens akut tan-negozju u mħabba ta’ vera għall-birra.
“Taf int, wieħed mill-ftit postijiet tax-xogħol fejn trid tixrob biex tkun ċert li xogħlok qed tagħmlu sew,” qaltli tidħak.
F’moħħha, però, hemm ħafna iżjed mill-birra. Tixtieq, per eżempju, tibda proġett ta’ riċiklaġġ tal-fliexken f’pajjiż fejn ir-riċiklaġġ għadu lanqas biss feġġ.
“Mhux faċli tgħallem in-nies ma jarmux, trid tibdel mentalità sħiħa,” tgħidli waqt li nħossni ħati li anki pajjiżi, wara kollox, jippreferi jimporta tunnellati ta’ plastik minflok jirriċikla l-fliexken tal-ħġieġ.
“L-okkupazzjoni u l-konservatiżmu għalija huma magħqudin, għax meta żżomm poplu sħiħ taħt l-okkupazzjoni għal tant żmien, qed iċċaħħdu mil-libertà biex jaħseb. Jaħseb biss f’kif se jirnexxilu jgħix. M’għandix dubju li biex il-Palestinjani jinfetħu għal ideat ġodda, trid teħlishom mill-okkupazzjoni.”
Madees iggradwat fil-Business Management minn Boston u ddeċidiet li ssegwi l-passi ta’ missierha fl-2007.
“Għal kull negozju Palestinjan hi taqbida ta’ kuljum biex jibqa’ jeżisti, imma jien għandi pjanijiet u tama fil-birrerija tagħna. Inħobb dak li qed nagħmel, u ninkoraġġixxi n-nisa kollha Palestinjani barra biex jiġu lura u jinvestu l-għerf u l-esperjenza tagħhom f’arthom, għax hekk biss nistgħu nibnu artna.”

Oktoberfest Palestinjan
Sadanittant fil-birrerija qed iħejju wkoll għar-raba’ Oktoberfest miżmum hawn, din is-sena mit-3 sa l-4 ta’ Ottubru. Ibbażat fuq il-festival Bavarjan, il-familja Khoury torganizza l-verżjoni tagħha taċ-ċelebrazzjoni tal-birra taħt il-patroċinju tas-Sindku ta’ Taybeh – li jiġi ħu Nadim – fost ħafna żfin tradizzjonali u gruppi jdoqqu ħip ħop u rap progressiv Palestinjan bħal DAM, G-Town u Cultureshoc.
Għall-Oktoberfest tas-sena l-oħra Madees ħarġet bl-idea li jorganizzaw l-ewwel logħba rugby fil-Palestina bejn żewġ timijiet magħquda għall-okkażjoni imma li jafu jkomplu – ir-Ramallah Blue Snakes kontra l-Beit Jala Lions.
“Ħafna nies ma setgħux jifhmu x’kien qed jiġri fil-grawnd. Taf int, in-nies hawn familjari kemm trid mal-futbol u l-basketball, imma mhux mar-rugby!”
Fil-fuljett imħejji għall-Oktoberfest li ġej, il-mara tas-sindku, Maria Khoury, tikteb dwar xi jfisser dan kollu għaliha.
“Probabbilment li tistieden lin-nies għal festival tal-birra fil-Palestina ma tinstema’ normali xejn meta bilkemm għandna pajjiż. ... Taybeh Beer tfisser kollox bħalissa. Tfisser li nistgħu naħdmu għal Palestina moderna fejn id-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem iħallu lil kulħadd jistagħna. Tfisser li qed nixxennqu biex inkunu ‘normali’.”
Għall-jumejn tal-Oktoberfest ir-raħal ta’ Taybeh jinbidel f’vetrina globali u tilqa’ fi ħdanha Palestinjani, Iżraeljani u nies minn madwar id-dinja fuq wieħed mill-eqdem siti tal-Palestina.
F’Taybeh nstabu fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura għat-tribujiet Kanaaniti li jingħad li stabbilew ruħhom hawn madwar 3100 Qabel Kristu.
Il-post jissemma’ fit-Testment il-Qadim bħala Ofra, minn fejn is-settlement illegali Lhudi mibni fis-sebgħinijiet ħa ismu, imwaqqaf bi provokazzjoni f’nofs il-komunitajiet Palestinjani.
Fit-Testment il-Ġdid Taybeh tissemma bħala Efraim, fejn Ġesù jingħad li rtira mad-dixxipli tiegħu qabel miet fuq is-salib. Iżda l-isem modern ingħata minn ħadd ħlief il-mexxej u ġeneral Musulman Salah Ed Din, li meta wasal hawn lejn tmiem is-seklu 12 baqa’ impressjonat li r-raħal Nisrani laqgħu b’tant ġenerożità. B’hekk sejħilhom “Tajbin”. Mur għidlu li l-isem li ta lil dawn in-nies kellu jsib ruħu fuq flixkun birra, disa’ mitt sena wara.
Cheers.

Karl Schembri hu l-korrispondent ta’ Ramattan News Agency fix-Xatt tal-Punent u Gaża

 

 

Intervista
Irrid nagħmel suċċess biex ngħin lil ħaddieħor

Julia Farrugia tintervista lil Brenda




Wenzu Mintoff
Susan Boyle



Carmelo M. Bonnici
Il-Kodiċi tad-Dmirijiet



Joe Ellis
Lega Sud



Emmanuel Micallef
Mhux bil-kampanja se naslu



Toni Abela
We Don’t Want No Education


Il-Punt - MArc Galea
Il-mużika f’Malta


Jiktbu l-kandidati

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas

Malcolm Seychell – AN

Kirill Micallef Stafrace - PL

Yvonne Ebejer Arqueros - AD


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan