Ittri | 26 ta’ April 2009 Nr 130
F.Debono.
Rabat, Għawdex
F’din il-gazzetta tal-Ħadd 19 ta’ April il-ġurnalista Julia Farrugia intervistat lil Chris Said, Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Kienet intervista tajba u interessanti kif fl-aħħar mill-aħħar ikunu l-intervisti kollha li l-ġurnalista Farrugia tagħmel fil-kitba tagħha ta’ nhar ta’ Ħadd. Iżda xtaqt nikkummenta ftit fuq din l-intervista.
Jidhirli li Farrugia din id-darba setgħet kienet aktar diretta u punġenti fil-mistoqsijiet tagħha speċjalment fejn jidħlu l-kunsilli lokali. Stennejt li jsirulu dawk id-domandi li qed jistaqsu ċ-ċittadini fil-preżent, speċjalment wara li ġie żvelat l-iskandlu li qiegħed fuq fomm kulħadd fid-Dipartiment tal-VAT. Domandi fuq il-kontabbilità tal-kunsilli lokali. Jekk fir-riforma jew tiġdid li Said se jressaq quddiem il-Parlament dwar il-kunsilli hux se jkun hemm xi ħaġa serja dwar il-kontabbilità tal-kunsilli.
Stennejt ukoll li se tagħmel domanda fuq il-kwistjoni tal-kodiċi tad-dixxiplina. Hux se nibqgħu bis-sistema li kunsill iberbaq il-flus bl-addoċċ u kollox jibqa’ sejjer qisu xejn mhu xejn. Hux se jirrimedja għall-infiq meta mhux suppost, bħal ħlasijiet lil xi ħadd meta ma jkunux suppost ħlasijiet. X’se jsir fir-rigward ta’ tbagħbis fl-għoti tal-kwotazzjonijiet u t-tenders u b’mod speċjali fi ksur tar-regolamenti finanzjarji.
Farrugia taf aktar minn ħaddieħor bl-abbużi li jeżistu f’ċerti kunsilli fejn jidħlu dawn l-affarijiet, speċjalment fejn jidħlu l-flejjes li huma fondi pubbliċi. Hi stess f’biċċa xogħol tajba ħafna li għamlet ftit ġimgħat ilu, meta żvelat kif terz tal-kunsilli f’pajjiżna għandhom kontra tagħhom numru ta’ abbużi li jinkludu abbużi serji ta’ ksur tal-liġijiet tal-pajjiż u ksur fir-regolamenti finanzjarji.
Domanda li verament stennejt u li żgur li bi żvista qabżitilha kienet jekk Said hux se jibda jippubblika l-investigazzjonijiet li jsiru fil-konfront ta’ dawn l-abbużi.
Jekk jaqbilx Said li ċ-ċittadin għandu d-dritt li jkun jaf x’inhuma wara kollox l-allegazzjonijiet ta’ abbużi, x’passi jkunu qed jittieħdu minnu nnifsu u mid-dipartimenti konċernati?
Ma tagħmel l-ebda sens li ċ-ċittadin jibqa’ jinżamm fid-dlam dwar dawn l-affarijiet u agħar minn hekk ma jagħmel l-ebda sens li lanqas l-istess kunsilliera ma jkunu jafu x’inhuma l-abbużi li l-istess kunsill tagħhom qed ikun konfrontat bihom.
Jidher mid-diskussjoni li qajjem l-istess artiklu ta’ Farrugia li hawn konsensus fil-pajjiż li l-abbużi għandhom ikunu magħrufa u li l-investigazzjonijiet isiru u jsiru b’mod serju u li r-riżultat tagħhom għandhom ikunu ppubblikati. Dan l-aktar wara l-allegazzjonijiet serji
li qed isiru fid-Dipartiment tal-
VAT.
S’issa jidher li Said bil-kliem kien qal li jaqbel li jkunu magħrufa, iżda bil-fatti qed juri mod ieħor. Jekk Said irid li ċ-ċittadini jemmnuh, mhux paroli ta’ riformi u tiġdid irid jisma’ iżda jrid li jibda jkun trattat b’mod serju u ma jitħalliex għal xi raġuni jew oħra fl-għama fejn jidħlu l-investigazzjonijiet u l-inkjesti.
Dan fuq kollox ikun ta’ ġid kemm għaċ-ċittadin innifsu, kemm għall-kunsilli li jibdew jattiraw nies integri u serji u jibdew jakkwistaw lura l-fiduċja u l-kredibbiltà li tilfu, kif ukoll għall-pajjiż in ġenerali.
Meta ċ-ċittadin jibda jara dawn il-miżuri serji u demokratiċi jibda bis-serjetà jemmen fit-tiġdid.
Il-bqija jkun kollu kliem fieragħ u fil-vojt.
Nistennew u naraw.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Brenda
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- MArc Galea
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|