Joe Ellis | 26 ta’ April 2009 Nr 130
Malta ilu ma jkollha daqshekk pubbliċità negattiva fuq ix-xena internazzjonali daqskemm kellha din il-ġimgħa wara l-każ tal-Pinar. Il-media Taljana kienet ferm kritika kemm fil-konfront tal-Gvern Taljan imma speċjalment fil-konfront tal-Gvern Malti. Il-media Taljana (jew tal-anqas sezzjoni minnha) ma tantx aċċettat l-argumenti tal-Gvern Malti li l-immigranti li nġabru mill-Pinar f’ibħra Maltin kellhom imorru fl-eqreb port u għalhekk f’dak ta’ Lampedusa.
F’intervista li ta l-kaptan tal-Pinar hu stqarr li kkuntattja lill-awtoritajiet Maltin u talabhom permess biex jidħol bl-immigranti Malta. Wara bosta sigħat, l-awtoritajiet Maltin, skont il-kaptan, staqsewh fejn kien il-vapur u liema kien l-eqreb port. Jekk dan hu minnu, wieħed jistaqsi allura x’kien ir-rwol tal-awtoritajiet Maltin li qalu li kkordinaw il-ħidma ta’ salvataġġ? Wieħed jistenna li l-awtoritajiet Maltin kellhom ikunu jafu bil-pożizzjoni eżatta tal-vapur kieku kkordinaw tali ħidma ta’ salvataġġ.
Fil-Parlament nhar it-Tnejn, kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, tkellmu dwar il-każ. Il-Prim Ministru ġie rrappurtat li qal li Malta kellha raġun “etikament, moralment u legalment” fil-pożizzjoni li addottat. Ir-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet korali: “anke jekk il-pożizzjoni ta’ Malta ma kinetx korretta teknikament, kienet moralment u politikament korretta”.
Wieħed ma tantx jara x’hemm etiku, morali jew politikament korrett li tħalli 140 ruħ u katavru ta’ mara tqila stivati fuq il-gverta ta’ vapur mingħajr ikel u xorb adekwat għal ħamest ijiem.
Jekk Malta għandha każ, dan hu esklussivament wieħed legali minħabba ż-żona ta’ salvataġġ li wrietna mingħand l-Ingliżi. Din iż-żona jidher li qed nużawha wkoll biex insaħħu l-każ tagħna għal Żona Ekonomika Esklussiva li aħna ddikjarajna unilateralment. X’ħin tqis kollox, is-sejħiet ta’ x’uħud li din iż-żona għandha tiċkien ma tidhirx li hi fl-interess nazzjonali.
Jista’ jkun li hu aktar fl-interess nazzjonali li anke jekk ikollna ndaħħlu lil dawn l-immigranti li jiġu salvati fiż-żona ta’ salvataġġ tagħha, ma nirrinunzjaw għall-ebda parti minn din iż-żona minħabba l-potenzjal ekonomiku li toffri.
B’daqshekk aħna m’aħniex skużati milli naqdu d-dmirijiet umanitarji tagħna bħala membru tal-miġemgħa tan-nazzjonijiet. Jidher li l-kwistjoni bejn Malta u l-Italja ġejja mill-fatt li t-Taljani ffirmaw konvenzjoni tas-salvataġġ fuq il-baħar li aħna ma ffirmajniex.
L-argumenti tagħna u tat-Taljani huma magħrufin u m’hemmx għalfejn wieħed jirrepetihom. Li mhux aċċettabli hu li żewġ pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iħallu vapur b’tant nies trawmatizzati li kienu ilhom xi erbat ijiem jixorbu l-ilma baħar bejn sema u ilma.
Din l-istorja tfakkarni fl-istorja tal-Exodus, vapur mimli rifuġjati Lhud mill-Ġermanja li ħadd ma riedhom u kellu jirritorna l-Ġermanja. Meta l-Ġermanja bdiet il-persekuzzjoni tal-Lhud, kienu ħafna l-pajjiżi u organizzazzjonijiet li ħaslu jdejhom għax ħassew li dik ma kinetx problema tagħhom. U anke l-Alleati fil-gwerra qajla ppruvaw iħarbtu l-infrastruttura ġenoċida tan-Nażisti minkejja li żgur kienu
jafu x’inhu għaddej. Il-konsegwenzi kienu ferm traġiċi u għadhom jinħassu sal-lum.
Jekk fil-kwistjoni mal-Italja Malta jista’ jkun li għandha raġun mil-lat legali,
ċertament li Malta m’għandha l-ebda skuża għall-kundizzjonijiet ferm ħżiena li l-immigranti rregolari qed jinżammu fihom għal 18-il xahar. Ir-rapport li għadhom kemm ippubblikaw Médecins sans Frontières dwar il-kundizzjonijiet fil-kampijiet ta’ detenzjoni f’Malta hu verament tal-mistħija u jkompli jagħti pubbliċità ferm negattiva lil Malta wara rapporti simili fil-passat.
MSF ikkumpilaw rapport ferm dettaljat u min jaqrah ma jistax ma jikkonkludix li l-kundizzjonijiet f’dawn il-kampijiet huma ferm inaċċettabli u affront għad-dinjità umana. Dan ir-rapport wieħed jista’ jarah fuq http://www.msf.org/source/countries/europe
/malta/2009/2009_04_report_Malta.pdf. Meta taqra dan ir-rapport, ma tistax ma taqbilx mad-diskors kuraġġuż tal-Isqof ta’ Għawdex fil-prietka li għamel fil-festa tad-Duluri, diskors li ġibed il-korla ta’ bosta mill-merħla.
Ir-rapport hu litanija ta’ nuqqasijiet ferm gravi li għandhom jixxukkjaw lill-opinjoni pubblika u l-fatt li ma jidhirx li xxukkjawha juru l-insensitività li l-materjaliżmu ġab fostna.
F’soċjetà li tant tiftaħar bil-valuri tal-familja u bil-valuri nsara, kif inhu possibbli li nħallu nies maqfulin f’kundizzjonijiet atroċi, fejn lanqas saqqu fejn jorqod m’hemm għal kulħadd, fejn il-mediċini ma jingħatawx b’mod regulari, fejn lanqas twieqi m’hemm kullimkien u fejn id-doċċi huma limitati tant li f’każ estrem, 110 ruħ iridu jużaw doċċa waħda. Biex ma nsemmux li l-ilma sħun f’dawn il-kampijiet hu kważi ineżistenti.
Wieħed ma jifhimx għala l-awtoritajiet Maltin m’aċċettawx il-proposta ta’ MSF li jitħallew jeżaminaw lill-immigranti meta jaslu Malta u li jiftħu spiżerija f’dawn iċ-ċentri. Mhux aċċettabli li nies b’mard infettiv jitħallew b’kura inadekwata u jitħallew jitħalltu ma’ nies li mhumiex morda. U wieħed lanqas jifhem għala dawn l-individwi ma jitħallewx jeżerċitaw regolarment bir-riżultat li qed jiżviluppaw mard
marbut man-nuqqas tal-eżerċizzju barra d-dipressjoni li taqbadhom.
Se jkun hemm min jgħid li dawn in-nies ħadd ma bagħat għalihom u allura m’għandhom jippretendu xejn. Din mhix aċċettabli. Ma nistgħux nippretendu li aħna pajjiż ċivilizzat u nżommu lil dawn l-individwi f’kundizzjonijiet tant ħżiena. U lanqas l-iskużi li m’għandniex riżorsi u li l-Ewropa mhix tgħin m’huma validi.
L-Ewropa, ħaġa li ftit jafu, ħallset għaċ-ċentru ta’ Kandja. Hemm 400 ruħ li m’għandhom aċċess għall-ebda kura medika. Barra minn hekk, ma nistgħux nibqgħu nippretendu li aħna pajjiż sotto-żviluppat u rridu nagħtu sehimna lill-komunità tal-ġnus.
Ir-rapport ta’ MSF jirrakkonta ukoll l-istorja ta’ bosta individwi li spiċċaw Malta.
Huma stejjer li juru kemm dawn ma ġewx hawn b’kapriċċ, kemm batew u kemm ġew maltrattati fil-Libja u f’postijiet oħra qabel ma ġew hawn. Il-fatt li l-Oppożizzjoni Laburista ma tikkummentax dwar il-kundizzjonijiet atroċi f’dawn il-kampijiet juri kemm ftit għad hemm spirtu internazzjonalista u soċjalista f’dan il-partit u l-partit fil-Gvern għalxejn jiftaħar li hu Demokristjan u jipprietka l-valuri nsara meta jinsa d-diskors ta’ Kristu minn fuq il-muntanja.
Ma tantx għandu għalfejn xi ħadd jattakka lil Maroni u jiskandalizza ruħu bil-Lega Nord għax fostna l-Lega għandha għeruq altru li sodi.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Brenda
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- MArc Galea
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|