Il-Punt Marc Galea | 26 ta’ April 2009 Nr 130
Il-mużika hi l-ewwel lingwa li beda jitkellem biha l-bniedem. Hi lingwa li tinftiehem minn kulħadd, kull ġens u razza.
Dawn l-aħħar 15-il sena x-xena mużikali Maltija għamlet passi ta’ ġgant. Meta taħseb ftit f’kemm aħna żgħar u kemm hawn mużiċisti tinduna kemm aħna pajjiż mimli talent iżda mhux sfruttat. Qisek għandek pjanta u tridha tikber u tibqa’ tħalliha mingħajr ilma.
Jien dejjem inħobb nistaqsi l-mistoqsija: ħares dawra man-nies li taf u ssib li l-kbira tagħhom idoqqu strument. Tinduna li f’kull belt u raħal issib diversi għalliema tal-pjanu, kitarra,vjolin, eċċ u anki surmasti li jgħallmu fil-baned.
Nemmen li kull bniedem għandu jkollu ċ-ċans li jitgħallem strument tul ħajtu, hu ta’ liema età hu. Il-problema li għadna hi li ma tingħatax importanza għal dan kollu.
Per eżempju fl-iskejjel ma ssibx għalliem tal-mużika full-time. Nifhem li hemm ħafna pressjoni fuq it-tfal biex ilaħħqu mas-sillabu iżda hemm bżonn li dawn iż-żgħar nagħtuhom aktar ċans biex jitgħallmu jdoqqu strument waqt il-ħin tal-iskola.
Ngħiduha kif inhi, kulħadd jippriedka kemm l-isports hu importanti u fl-iskejjel għandhom il-PE ta’ kull ġimgħa jew aktar u hekk għandu jkun.
Iżda l-mużika donnu kulħadd nesieha. Ħadd mhu qed jara li dawk l-istudenti li jdoqqu strument imorru aħjar fl-iskola. Il-mużika tista’ tgħinhom biex jirrilassaw u jħarsu lejn il-probemi tal-ħajja minn lenti differenti.
Żgur li bis-saħħa tal-mużika pajjiżna qed jagħmel isem mad-dinja kollha u f’kull ġeneru – jazz, metal, klassiku, pop, alternative u rock – fejn insibu diversi individwi li qed jagħmlu suċċess barra minn xtutna.
Pajjiż juri l-identità tiegħu billi naraw diversi artisti jew sportivi jirrappreżentaw lil pajjiżhom. Mela ejja nkomplu nagħmlu ġieħ lil pajjiżna billi nagħtu appoġġ lil dawn iż-żgħażagħ li qed jagħmlu sagrifiċċju biex jgħixu l-ħolma tagħhom.
Għandna bżonn noħolqu iktar opportunitajiet bħal għalliema kwalifikati, postijiet fejn isiru kunċerti, għajnuna ta’ scholarships – mhux fil-klassiku biss – iżda f’ġeneri differenti biex il-mużika ma tibqax meqjusa biss bħala żvog imma bħala karriera.
Żgur li dawn l-mużiċisti, li qed jaħdmu bil-mużika, ma sabux it-triq faċli sakemm waslu fejn riedu.
Għandna bżonn li min hu tajjeb isib jaħdem hawn Malta mhux ikollu jsiefer barra. Ma nistgħux inkomplu nitilfu aktar nies tajbin. Biex jogħla l-livell għandu bżonn ikun hemm aktar kompetizzjoni. Biex isir dan jinħtieġ jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżna.
Nibża’ li l-mezzi tax-xandir qegħdin jagħtu wisq importanza lill-Festival tal-Eurovision u qed jinsew ġeneri oħra ta’ mużika. Niddubita kemm iż-żgħażagħ Maltin jafu min huma l-artisti li qed jagħmlu suċċess barra l-pajjiż. Dan għaliex qatt ma tisma’ xejn dwarhom u l-mezzi tax-xandir għandha l-għodda biex twassal messaġġ pożittiv u tama għal min qed joħlom biex jirnexxi fil-mużika.
Napprezza l-għajnuna li qed tingħata minn naħa tal-Gvern rigward refund tal-VAT fuq strumenti u li tneħħiet il-VAT fuq it-tagħlim. Din is-sena wkoll il-Festival tal-Jazz reġa’ għadda f’idejn il-Gvern u ngħataw il-fondi għalih biex isir taħt il-kappa ta’ jazz u mhux ta’ ġeneri oħrajn ta’ mużika.
Hu avveniment annwali importanti biex jiġbed aktar turiżmu u jkun ta’ ispirazjoni u edukazzjoni għal kull min tinteressah l-arti tal-improvizzazzjoni.
Aħna gżira mimlija storja, kultura u arti. Ejja nużaw dawn l-ġawhar biex inkomplu nagħmlu isem għal pajjiżna.
Marc Galea hu kitarrist u għalliem tal-kitarra fil-Euro Institure of Music. F’Mejju se jorganizza master classes tal-mużika mill-bassist Neil Murray (Whitesnake u Black Sabbath) u mill-kitarrist Phil Hilborne (ko-fundatur tar-rivista Guitar Techniques)