Editorjal | 26 ta’ April 2009 Nr 130

Maroni ħaraqna. Ma kienx kuntent jagħtina fastidju. Ma kienx kuntent jarmi r-relazzjoni li nbniet bejn Malta u l-Italja f’dawn l-aħħar 40 sena. Remiena b’kollox bħallikieku ma niswew xejn għalih.
Bħalissa jinzerta li hu l-Ministru tal-Intern fl-Italja u għalhekk id-diskors tiegħu hu tal-Italja kollha kemm hi fil-konfront ta’ pajjiżi oħra. Min minna jaf x’jiġifieri ma jaqbilx mal-Gvern ta’ pajjiżu jaf ukoll jifred dak li jgħid Ministru minn dak li jaħsbu n-nies f’pajjiżu.
Imma x-xokk tat-tentattativ li għamel Roberto Maroni biex jimxi ma’ Malta bil-forza rana lkoll magħqudin biex nilqgħu għall-attakk Taljan bħalma ma konniex mit-Tieni Gwerra lil hawn, minn meta waqgħu l-ewwel bombi u mietu l-ewwel Maltin.
Irid ikollu wiċċu qiegħed biex joħroġ fil-mezzi tax-xandir Taljani u mondjali jgħid li Malta jmissna lqajna 40,000 immigrant u minflok bambalniehom lill-Italja. Maroni jaf sew li dan mhux veru. Fil-Ministeru tiegħu jaħdmu l-aqwa mħuħ legali u jekk hu mhux kapaċi jaqra x’fihom it-trattati internazzjonali li aħna marbutin bihom żgur niesu jafu jfissruhomlu. Mela ried iqarraq.
Il-kwistjoni qatt ma kienet jekk Maroni kellux raġun iżda biss għaliex f’daqqa waħda dehrlu li jrid jagħmel teatrin bħal dan? L-iżjed spjegazzjoni sempliċi, u aktarx dik li tqarreb l-iżjed lejn il-verità, hi li resqet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u li l-Lega Nord, li hu l-partit ta’ Maroni, ħasset il-ħtieġa li tispikka b’xi mod fost il-partiti tal-alleanza tal-Lemin immexxija minn Silvio Berlusconi. Ħaġa sempliċi u probabbli ħafna.
Jiġifieri li biex jagħti vantaġġ lill-partit tiegħu f’elezzjoni Ewropea Maroni kien kapaċi jarmi r-relazzjoni ta’ pajjiżu ma’ Malta u jgħabbi lil pajjiżu bil-fama ta’ bully.
Ħadd f’sensieh ma jgħaddilu minn rasu li Malta qatt intrabtet li tilqa’ għandha kull immigrant u kull rifuġjat li jittella’ mill-baħar fiż-żona ta’ tfittixija u salavataġġ li Malta responsabbli għaliha. Din twassal effettivament mit-Tuniżija ta’ Kreta u fit-tifsira ta’ Maroni, Malta ssir tarka għall-Italja mill-mewġa ta’ immigrazzjoni mill-Afrika.
Ħadd li moħħu għadu jagħtih ir-raġuni ma jista’ qatt jemmen li Malta kienet ser titgħabba b’iżjed mir-responsabbiltà li għandha u tikkoordina s-salavataġġ f’din il-medda vasta ta’ baħar.
Lanqas ma jagħmel sens l-argument ta’ Maroni li jmissna nċedu r-responsabbiltà ta’ koordinament ta’ tfixxija u salvataġġ jekk m’aħniex lesti li nilqgħu lill-immigranti kollha fl-eluf tagħhom. Kieku kellna nerħu din ir-responsabbiltà legalment ma jonqos xejn mir-responsabbiltà u l-impatt tal-immigrazzjoni irregolari fuq l-Italja. Aktarx jiżdied ... ħlief f’każ wieħed, fil-każ li dan il-koordinament immexxi minn xi Ministru Taljan tax-xeħta ta’ Maroni jibda jbamblilna tagħbija wara l-oħra meta ma jkunux imissu lilna.
Fil-fatt il-bużullotta Maroni għandna ngħodduha tagħlima u qatt ma nafdaw f’idejn ħaddieħor dak li jista’ jagħmlilna ħsara bih. Jista’ jkun hemm l-aqwa ħabib ta’ Malta fil-Gvern fl-Italja, imma Maroni fakkarna li mhemmx xejn x’iżomm milli jitla’ fil-Gvern xi Maroni ieħor u jgħallina.Meta għaddiet il-bawxata rġajna għan-normal u l-Gvern akkuża lill-Oppożizzjoni li ma ħarsitx l-interess nazzjonali.
Fix-xandir tal-PN domna ġranet sħaħ nisimgħu kemm ġietna tajba li l-Prim Ministri Gonzi u Berlusconi huma tant ħbieb għax bis-saħħa ta’ hekk marret fin-nofs telefonata u f’ħames minuti rranġajna kollox. Normali. Normali wkoll li ħadd ma jistaqsi kif qatt, jekk aħna tant ħbieb u meqjuma, stajna ngħaddu minn bawxata bħal din. Normali.
Normali wkoll li bħal ma għamilna aħna, sakemm damet il-kriżi, bqajna nduru maż-żokra ta’ Maroni u ħadu t-tieni jew l-aħħar post l-immigranti feruti maqbuda fuq l-mv Pinar E flimkien mal-ekwipaġġ li beda jsofri l-ġuħ magħhom.
Il-fatt li mietet mara tqila f’nofs din it-taħwida ma tgħidx li spikka ħafna. Apparti l-ħsara dejjiema li saret fir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja, saret ħsara wkoll lil drawwa mill-eqdem fost il-baħħara li dejjem jagħtu l-ajjut. Is-sidien tal-mv Pinar E sofrew telf ta’ mat-€300,000 sakemm damu maqbudin fit-taqbida diplomatika.
Għandna nobsru li b’din l-istorja jitnaffru sidien tal-vapuri oħra u jista’ jkun hemm ħafna iżjed imwiet meta l-kaptani jevitaw li jagħtu l-ajjut.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Brenda
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- MArc Galea
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|