Wenzu Mintoff | 19 ta’ April 2009 Nr 129
F’soċjetà primordjali anki s-serq u l-għodod li jużaw il-ħallelin ikunu mill-iktar bażiċi u primittivi. Aktar ma ssir sofistikata s-soċjetà, anki l-ħallelin jibdew jirfinaw u jsiru sofistikati fil-mezzi li jużaw biex iżarmaw lil dak li jkun.
Hekk per eżempju fi żmien il-brodu meta kienu bosta dawk li ma kellhomx għaxja ta’ lejla, ħafna mis-serq kien ikollu x’jaqsam ma’ kif dak li jkun se jara x’jivvinta biex ma jorqodx fuq stonku vojt. Min kien ibigħ il-ħalib kien jgħammdu sa ruħ ommu bl-ilma u kont tiġi fid-dubju jekk tkunx qed tixrob iktar ilma mħallat ma’ ftit ħalib milli ħalib imħallat bl-ilma.
L-imwieżen fil-ħwienet tal-merċa kont trid toqgħodilhom b’seba’ għajnejn għal mod kif kienu jkalaw hekk kif jinstabat l-użin f’keffa minnhom. Dawk li kienu jaħdmu mas-Servizzi kellhom ħabta kif minn fuq ix-xogħol joħorġu b’ħobbhom imbuzzat bl-affarijiet li kienu jisolħu minn fuq dahar ir-Reġina.
Serq mid-djar ftit li xejn, għax is-sinjuri kienu jgħixu f’palazzi qishom fortizzi, u min kien jgħix f’xi għorfa jew xi kerrejja, m’għandniex xi ngħidu, ftit li xejn kien ikollu x’jinsteraqlu. U l-ħabbtejn jekk kien ikollu taħt rasu, kienu jkunu mistura sew taħt xi maduma, inkella f’xi ħajt tas-sejjieħ jew mal-ħaxixa mimlija baqq f’xi mitraħ kollu ntejjen.
Is-serq l-aktar komuni dak iż-żmien kien iseħħ fl-irziezet fejn min jaħkmu l-ġuħ tiġih il-lublieba li jattakka xi gallinar, għal xi tiġieġa jew fenek, bir-riskju li jiġi taħt snien xi kelb tal-għassa feroċi.
Fl-isfond ta’ dan is-serq kollu marbut mal-għaks u l-ġuħ, f’dawk iż-żminijiet ta’ wara l-gwerra kienet baqgħet tissemma’ snin twal wara l-famuża serqa tat-Tarzna meta ħames ħallelin armati ħabtu għal trakk tar-Royal Navy imburġat bil-karti tal-liri u muniti b’kemm jiswew £126,740 f’pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna.
Fl-era teknoloġika tal-informatika, tac-cyberspace u tar-realtà virtwali, kollox sar irfinat u sofistikat, anki s-serq. Fejn qabel il-ħallelin kienu jidħlulek f’darek b’xi kalzetta tan-nisa f’rashom, b’xi lieva minn dawk li bihom jistrippjaw il-kaxxi tal-merkanzija x-xatt, illum jidħlulek fi ħwejġek u jdaħħlu jdejhom f’butek u bil-kemm tkun taf x’laqtek.
Ma setax jonqos li anki l-kriminalità tevolvi maż-żminijiet. Illum il-ġurnata din organizzat ruħha sal-punt li l-mezzi li għandhom ċerti ċrieki internazzjonali kriminali jissuperaw bil-bosta l-mezzi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istati u l-gvernijiet biex jikkumbattuhom.
Ir-rackets internazzjonali tat-traffikar tad-droga, armamenti, kuntrabandu, eċċ, għandhom networks b’saħħithom tant li jikkontrollaw żoni sħaħ f’numri ta’ pajjiżi. Tqum waħedha l-mistoqsija kemm il-Pulizija f’pajjiż żgħir bħal Malta, tista’ qatt tkun attrezzata biżżejjed quddiem l-isfida tal-kriminalità organizzata.
Bix-xbieki li tixħet f’baħar bla qiegħ, il-Pulizija ħafna drabi se taqbad il-makku, xi mulett jew vopa żgħira, filwaqt li l-klieb il-baħar u l-baleni jibqgħu jimirħu u joforqu l-ilma bil-kumdità kollha.
Il-kodiċi kriminali tagħna minn daqshekk jinżamm aġġornat kontinwament mal-aħħar żviluppi legali bid-direttivi tal-Unjoni Ewropea u l-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa. Imma tibqa’ bl-impressjoni li għar-rigward tal-ġlieda bejn il-forzi tal-ordni u l-kriminalità organizzata, din pjuttost għadha waħda bejn dilettanti u professjonisti. Xhieda ta’ dan il-kwantità kbira ta’ droga li tippenetra b’mod pjuttost faċli f’pajjiż gżira bħal tagħna li hu mdawwar bil-baħar u li l-aċċess għalih mhux daqstant miftuħ bħal pajjiżi tat-terra ferma u li għandhom fruntieri miftuħin li ma jispiċċaw qatt.
F’pajjiżna għad għandna Pulizija li għadha tħares lejn il-kunċett tas-serq f’sens tradizzjonali tal-kelma, irid ikun hemm żgass, tkissir ta’ ħġieġ, tħarbit fil-kxiexen u flus maħtufa fiżikament.
Pulizija li tagħmel spettaklu b’xi żagħżugħ li jisraq xi stereo ta’ karozza, imbagħad serq ta’ miljuni ta’ liri minn operaturi ta’ ċerti supermarkets li gidmu mijiet ta’ kredituri ħafna minnhom żgħar, jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn.
Naf b’każ ta’ bidwi li ngidem eluf kbar ta’ liri, b’kemm jiswew turruni ġbejniet tal-bżar u mogħxa, li kien jissupplixxi lil supermarket partikolari li spiċċa ddikjara falliment. Imma f’Malta bħal donnu għax is-serq iseħħ fid-dinja tal-kummerċ, ma jibqax aktar serq imma jsir serq legalizzat u jiġi aċċettat bħala parti mill-logħba.
Min ingidem bil-falliment tal-Price Club għadu sal-lum jilgħaq il-feriti u min kien il-perċimes wara din il-frodi madornali mitt darba akbar mis-serq tat-Tarzna, imqar għamel ġurnata waħda il-ħabs. Fil-vilel kienu jgħixu u fil-karozzi lussużi kienu jġorru ġisimhom min-naħa għall-oħra ta’ Malta u hekk għadhom jagħmlu sal-lum.
Jinsterqu ftit mijiet ta’ liri minn xi dar u jsir kjass liema bħalu, inkjesti maġisterjali, fingerprints u interrogazzjonijiet u kumpilazzjonijiet fil-qorti. Imbagħad mijiet, jekk mhux eluf ta’ Maltin u Għawdxin li tqaxxru ħajjin bl-hekk imsejħin ishma u bonds tossiċi li jħajruk tixtri ċerti brokers b’ħafna żegħil u kliem helu, jitħallew fixxa, lampa stampa.
Għax il-brokers f’Malta tajbin biss biex jieħdu l-commission u r-responsabbiltà tagħhom sa hemm biss twassal. Naf b’aġenzija li tbigħ prodotti finanzjarji li avolja l-valur tagħhom stabat mal-art, tibqa’ teħodlok l-istess management fee daqs li kieku l-valur tagħhom sploda mas-smewwiet.
Huma sitwazzjonijiet fejn ħafna nies insterqu ħajjin u l-Gvern u l-awtoritajiet regolatorji li waqqaf m’huma jagħmlu prattikament xejn biex inaqqsu kemm jista’ jkun prattiċi abbużivi bbażati fuq il-qerq u l-ingann ta’ min hu vulnerabbli u ħaqqu protezzjoni.
|
|
Intervista

Julian Farrugia tintervista lil Chris Said
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Toni Abela
- Diane Farrugia
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|