MediaToday

Toni Abela | 19 ta’ April 2009 Nr 129

Bookmark and Share

Ejjew insaffru l-Aida!

Dan kollu għadda minn moħħi meta smajt x’qed jiġri fid-dipartiment tal-VAT. Dipartiment li jaħraq, għax jirrappreżenta t-tabernaklu li fih hemm l-omm tat-taxxi kollha, il-frott ta’ sagrifiċċji kbar biex tħallsu, jekk mhux ukoll l-għeluq ta’ ħafna min-negozji żgħar minħabba fihom.
Bqajt mistgħaġeb kif aħbar gravi bħal din bħal donnha mhix prijorità assoluta għall-Istampa, mentri rtokki istituzzjonali bħalma hi r-riforma fil-kunsilli lokali jew l-attakki fuq il-GWU, serqu l-ewwel paġni ta’ ħafna gazzetti u aħbarijiet. Forsi għax s’issa għadu ma ħariġx kollox, jekk wara kollox, joħroġ kollox!
Għal min iħobb l-istejjer ta’ Sherlock Holmes il-ftit dettalji li skulaw lill-Istampa, ftit li xejn jagħtu ħjiel ta’ dak li tassew ġara. Dan it-taħwid ilu għaddej u naħseb li l-awtoritajiet ilhom li kellhom suspett u beżgħu jiċċaqilqu. L-istorja li dan kollu hu frott ta’ konfessjoni ta’ dak in-negozjant anonimu li jixbah ħafna lill-Invisible Man, ftit li xejn tikkonvinċini.
Mhux wisq għax s’issa ma rajna l-ebda trasparenza, iżda għax ma nafx min hu dak in-negozjant li b’sistema sewda li kienet qiegħda jew se tiffrankalu l-eluf ta’ VAT se jispara għal saqajh b’dan il-mod. Iżda jekk dan veru jeżisti, allura tassew ħaqqu li jsir Kumpann tar-Repubblika.
Kull fejn tħares tilmaħ reġiment ta’ għassiesa, li flok jishru fuq l-interessi tagħna, għassew l-inforra ta’ buthom. Minkejja dan kollu, bħal f’pajjiżi simili għal Burkina Faso, ebda riżenja eċċellenti, u għal darb’oħra bil-Prim Ministru jaħsel idejh bħal Pilatu u jitfa’ kollox fuq il-Pulizija, mingħajr ma jagħmel l-iċken aċċenn għar-responsabbiltà politika li jġorr. Ebda politiku ma jitlef postu fil-Parlament, anzi bil-ħmar iwaħħal f’denbu. Iżda minn din il-bawxata fiskali hemm bosta lezzjonijiet x’nitgħallmu u li qatt ma nitgħallmuhom.
L-ewwel waħda l-urġenza ta’ liġi li tħares lil min jersaq ’il quddiem biex jikxef il-korruzzjoni. Il-korruzzjoni tiswa lil pajjiżna eluf ta’ ewro hekk bħal meta ħafna mill-ilma jintilef minħabba ħsarat fis-sistema li qatt ma jissewwew. Għalhekk għandna nkunu grati lejn dawk li huma onesti biżżejjed li lesti joħorġu għonqhom għalina biex ikollna amministrazzjoni kemm jista’ jkun nadifa.
Għad m’għandniex liġi li tħares u tippremja lil min hu onest. Dawk li darba kixfu spiċċaw ħażin. Biżżejjed insemmi lil Manwel Gauci Borda li ħallas bil-qares għax kien onest. Mumenti bħal dawn jippuntwalizzaw il-ħtieġa tal-famuża Whistleblowers Act, li dejjem ġejja ġejja u ma tasal qatt. Liġi ta’ din ix-xorta għandha urġenza ħafna aktar mill-paper reforms li qegħdin isiru bħalissa.
Dan iġibni għal argument ieħor. L-aħbar li l-omm tat-taxxi kollha qiegħda tiġi mminata minn ġewwa ma kinitx l-akbar aħbar meta messha kienet.
Dik l-istess liġi li rebħet u tellfet elezzjonijiet u waqqgħet u tellgħet gvernijiet, f’daqqa waħda ma tibqax l-aħbar prinċipali f’għajnejn il-mezzi tax-xandir pubbliċi. Ta’ kull sena nisimgħu bir-rata mgħaġġla li qegħdin jintefħu biha d-defiċit annwali u anke d-dejn nazzjonali. M’għandi l-ebda dubju li l-Ministru tal-Finanzi dejjem ikollu spjegazzjoni, kelma oħra pulita flok skuża.
Jekk ma tkunx ir-reċessjoni internazzjonali dejjem ikunu ċ-ċirkostanzi speċjali li sab ruħu fihom il-pajjiż, frażi pulita oħra flok ippjanar ħażin. Dawk il-ħafna li jħallsu t-taxxi żgur li jħossuhom imxebbgħin hekk kif isiru jafu bil-kwantità kbira ta’ flus li jintilfu kull sena minħabba traskuraġni jew użu ħażin tar-riżorsi.
Kienet din il-gazzetta li tatna l-aħbar li l-Gvern għandu madwar żewġ biljun ewro x’jiġbor, jekk għadu fiż-żmien li jiġborhom kollha, ġaladarba l-frażi legali tal-preskrizzjoni saret popolari kemm mal-Gvern kif ukoll maċ-ċittadin. B’żewġ biljun ewro nifdu aktar min-nofs id-dejn nazzjonali u ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar taxxi!
Għalhekk kull ma kien jonqos dan l-iskandlu tal-VAT biex tassew ikollna l-isbaħ ċirasa fuq il-kejk. S’issa ma nafux eżatt kemm hi ċ-ċifra li qegħdin nitkellmu fuqha. Nafu li fin-nofs hemm miljuni ta’ ewro. Nafu li din il-pantomima ilha għaddejja minn taħt idejn Ministru għal għand ieħor. Nafu li ħadd ma ntebaħ, għax il-mod kif qegħdin jirrakkuntaw, l-affarijiet kienu jsiru qisek qiegħed tara xi wieħed minn dawk il-films meħuda minn xi ktieb ta’ John Grisham. Nafu li min kien u għadu politikament responsabbli għal dan id-dipartiment arterjali għall-ħajja fiskali ta’ pajjiżna għadu hemm u li m’għandi l-ebda dubju se jibqa’ hemm. Għax il-politika f’Malta qisha logħba tar-rugby: il-ballun dejjem trid tgħaddih lil dak ta’ warajk.
Anke jekk jinġabru l-flus kollha li ttieħdu illegalment, li qisek qed tgħid li trid tiġri fir-riħ wara r-rix li ħareġ minn imħadda mżarrta, ir-riżenji huma essenzjali għax hekk titlob id-diċenza politika. Iżda rridu niftakru li qegħdin ngħixu fi gżira jisimha Malta, fejn bħal f’Disneyland kollox jidher ta’ veru iżda fl-istess ħin kollox hu taċ-ċajt.
Għalkemm m’għandniex il-Whistleblower Act nistgħu nikkunslaw b’ħaġa waħda, li fiċ-ċirkostanzi xorta nistgħu nsaffru l-Aida.

 



Wenzu Mintoff
Is-serq, dari u llum



Carmelo M. Bonnici
Pass determinanti u kuraġġuż



Joe Ellis
Xandir bla awtorità



Toni Abela
Ejjew insaffru l-Aida!


Il-Punt - Diane Farrugia
Id-dritt tal-artist u l-werrieta tiegħu għar-royalty


Jiktbu l-kandidati

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas

Vince Farrugia - PN

Christian Zammit – PL

Arnold Cassola AD


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan