Aħbarijiet | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Għadhom jitneħħew il-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Wara aktar minn 60 sena mindu spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, it-Taqsima tal-Isplussivi għadha tintalab tmur tneħħi l-bombi li waqgħu f’pajjiżna f’dawk iż-żminijiet, speċjalment fil-Port il-Kbir, fejn il-bastimenti tal-gwerra Ingliżi – li minbarra ikel kienu jġorru wkoll materjal splussiv – kienu spiss jispiċċaw fil-mira tal-ajruplani Ġermaniżi.
Fil-fatt bejn l-1997 u l-2007 kien irrappurtat li t-Taqsima ħadmet fuq 158 każ, b’medja ta’ 14-il waħda fis-sena, bl-ogħla ammont jitla’ għal 24 fis-sena fl-1997.
It-Taqsima, minbarra l-bombi tal-gwerra, tissejjaħ kull meta jkun hemm theddid ta’ bombi, biex iżarmaw il-bombi li jsibu f’bini jew f’vetturi, waqt tiftix ta’ nar illegali kif ukoll biex jarmu materjal splussiv illegali fil-baħar.
Fl-1984 kien ġara inċident ikrah meta lanċa tal-forzi armati li kienet iġġorr nar illegali biex tarmih fil-baħar splodiet fil-Qala, Għawdex u ħalliet sebgħa min-nies mejta u wieħed biss ħaj.
Din l-istess Taqsima dalwaqt ikollha tagħmel trasferiment tal-bażi tagħha minħabba l-proġett ta’ Manoel Island għall-Forti tal-Mosta. Fil-jiem li għaddew din il-gazzetta rċeviet xi lmenti dwar dan it-trasferiment minħabba li f’din it-taqsima s-suldati huma wkoll bugħaddasa u nħass li ma jagħmilx sens li dawn ma jibqgħux ħdejn il-baħar u li minħabba f’hekk il-vjaġġ tagħhom se jitwal meta jkun hemm bżonnhom fl-ilma.
Wara li bgħatna xi mistoqsijiet lill-Armata, kelliem għaliha qal: “Mindu l-pjani tal-proġett ta’ Manoel Island ġew approvati, lill-Forzi Armati ta’ Malta kien intqalilha b’mod ċar li t-Taqsima tal-Isplussivi trid toħroġ mill-bażi ta’ Manoel Island għax il-pjani approvati ma kinux jinkludu bażi militari.”
Għad m’hemmx data ta’ meta se jsir iċ-ċaqliq ta’ din it-Taqsima u l-kelliem ma kkonfermax li l-Forti tal-Mosta hu l-post fejn it-Taqsima sejra. Iżda hu fatt magħruf li din it-Taqsima, magħmula minn 30 suldat u uffiċjal, se tiġi ttrasferita hemmhekk. Din bħalissa qed isservi bħala l-bażi għall-mother unit tar-reġiment għall-isplussivi u l-ammunizjoni.
Għall-mistoqsijiet jekk il-vjaġġ tat-Taqsima hux se jiġi affettwat, l-Armata ma tatniex tweġiba. Iżda meta taħdimha ftit, jekk isiru inċidenti fuq il-baħar bħalma kien ġara fl-Aero GP tal-2006 u l-laneċ tat-Taqsima kienu fuq il-post fi ftit minuti, il-laneċ żgur li jdumu iktar biex joħorġu la hemm xi jsir il-vjaġġ mill-Mosta għax-xatt.
Minbarra dan it-trasferiment żgur se jaffettwaha lill-Iskwadra Marittima minħabba li din tiddependi mis-servizz tat-Taqsima biex jiċċekkjawlhom l-opri tal-baħar taħt l-ilma fosthom l-iskrejjen u l-pruwi.