Sport | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Mark Attard
Titkellem ma’ Noel Turner tibda taħseb li fid-dinja jeżisti klabb wieħed biss tal-futbol u li jismu Sliema Wanderers. It-tifel twieled, trabba, għex u lagħab ma’ tfal oħra ta’ tamparu fit-toroq ta’ Tas-Sliema minn ta’ età żgħira ħafna. Illum jafu kulħadd u m’hemmx dubju li hu jaf lil kulħadd.
‘Il-Guy’ jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-Blues bħala l-captain li mexxa lit-tim għall-100 unur fl-istorja tagħhom. Kien hu li għolla t-Tazza tat-tielet kampjonat wara l-ieħor li biha Sliema Wanderers sar l-iktar klabb li rebaħ unuri fl-istorja tal-futbol Malti.
Noel tifel kwiet u tal-affari tiegħu ħafna. Kemmxejn mistħi u jekk ma jkollux kunfidenza sew mal-persuna ma jazzardax isellimlek l-ewwel hu jekk ma ssellimlux qabel. Ħajtu kienet dejjem fil-futbol sa minn żmien meta ta’ tifel kien jilgħab fit-toroq ma’ sħabu sa meta daħal għall-ewwel darba fin-nursery, lagħab mat-tim tal-kbar u kien fost dawk li għamel karriera wkoll fit-tim nazzjonali.
“Ma tantx narani b’mod differenti ħlief plejer tal-futbol. Ma nimmaġinanix xi ħaġa oħra. F’ħajti dejjem għożżejt l-aktar il-familja u l-logħba tal-futbol. Ta’ Sliema kollox għalija. Twelidt hemm, għext hemm u għadni hemm sal-lum. Lgħabt għal snin twal u għadni sal-lum plejer ta’ Sliema Wanderers. Bħal tfal oħra kont nilgħab fi Triq Santa Rita u minn hemm dħalt fl-ewwel snin tan-nursery tal-klabb. Dak iż-żmien kien hemm Toni Sant u Ġużi Fava li staqsew lil ħija biex nibda nagħmel parti min-nursery tagħhom. Ma kontx għidt le. Kelli seba’ snin meta bdejt. Kien dan il-pass li bdieli l-karriera tiegħi ma’ Sliema Wanderers.
“Dawn is-snin kollha jfissru ħafna għalija. Inħossni kburi ħafna li jien wieħed minn dawk il-plejers li tajt is-sehem tiegħi xi darba jew oħra għal dan il-klabb. Kelli ħafna injuries fil-karriera iżda jekk nieħu kollox ma’ kollox inħossni sodisfatt.
“Irbaħt diversi unuri għall-klabb u personali. Inħossni fortunat li rnexxieli nagħmel din il-karriera kollha ma’ Sliema Wanderers anki għax dan il-klabb għandu l-fama li l-plejers tan-nursery jagħtihom bis-sieq. Kien hemm ħafna plejers li kien ħaqqhom jilagħbu mas-Sliema u gawdewhom klabbs oħra. Kien hemm mumenti li ħsibt li għandi nitlaq iżda nsistejt li nibqa’ dejjem fejn bdejt u rnexxieli.”
Noel Turner twieled f’Ta’ Sliema fid-9 ta’ Diċembru 1974 u għadu joqgħod hemmhekk sal-lum. Daħal fin-nursery għall-ewwel darba ta’ seba’ snin u llum ilu aktar minn 25 sena bil-flokk tal-klabb. Jiġi iben Alfred u Stella u għarus lil Amy Brown. Noel missier ta’ Nicole, tifla ta’ 11-il sena.
Ikellimni fuq dak li fl-opinjoni tiegħu kien l-isbaħ żmien għall-klabb taħt il-presidenza ta’ Robert Arrigo. Jiddiskrivili ftit il-Membru Parlamentari li llum irriżenja mis-siġġu tiegħu wara tant snin ta’ suċċessi. Jipprova jagħmel il-paraguni bejn dak iż-żmien u llum.
“Robert Arrigo huwa President li domt taħtu 12-il sena. Għeni kemm fil-karriera tal-futbol u anki fil-ħajja privata. Mhux qed ngħid li miegħu kelli kollox ward u żahar iżda kien influwenti mmens għas-Slimiżi kollha. Jekk tara l-klabb ta’ Sliema Wanderers fi żmien li dam imexxi hu tinduna kemm rebaħ unuri. Għandi relazzjoni tajba miegħu u nħares lejh bħala ħabib kbir, u aktar. Kulħadd jaf li fi żmien Arrigo konna tim li finanzjarjament ma kellniex problemi. Kulmeta ridna plejer konna niħduh. Ma kienx ikun daqshekk diffiċli li jiġi mas-Sliema.
llum daħlu nies ġodda b’ideat differenti li qed jagħmlu xogħol siewi wkoll u s-sitwazzjoni hija ftit iktar diffiċli minn ta’ qabel. Nemmen li dan il-perjodu li ninsabu fih bħalissa se jkun ta’ ġid kbir għall-futur. Meta tara tim b’ħafna żgħażagħ ma’ plejers veterani bħali, bħal Jeffrey Chetcuti, Ian Ciantar u Ivan Woods, bilfors li tgħid li fil-futur se jkun tim tajjeb.”
Nitkellmu fuq dan l-istaġun. Noel ifaħħar ix-xogħol siewi li qed jagħmlu Stephen Azzopardi u t-tim tiegħu u jagħti l-opinjoni tiegħu għalfejn dan il-kampjonat qiegħed ikun wieħed deludenti għas-Slimiżì.
“Il-kowċis tagħna ppjanaw pjan ta’ tliet snin. Daħlu ħafna plejers ġodda u kien hemm oħrajn li ridna nneħħuhom. Telqu 11-il plejer żgur. Il-barranin tagħna kont qed nistenna li jkunu daqsxejn ta’ livell aħjar iżda minħabba l-finanzi ma stajniex. Bdejna tajjeb ħafna għax is-sena l-oħra ma dħalniex f’kompetizzjoni Ewropea u kellna preseason aktar qawwi minn timijiet oħra. Meta l-oħrajn ingranaw sew fil-kampjonat waqqajna xi ftit ir-ritmu. Ma konniex konsistenti u ovvja li mbagħad se jaqbżuk.
“Stephen u Fredu jaħdmu ħafna. Il-veru nies dedikati. Jien li nħobb id-dixxiplina wkoll ngħid li xi kultant dixxiplinati żżejjed. Integraw tajjeb ħafna mat-tim. Mhux qed ngħidlek li naqblu fuq kollox iżda ħafna mill-affarijiet ikunu bis-sens u nemmen li fil-futur ix-xogħol li qegħdin jagħmlu se jagħti l-frott tiegħu żgur.”
Nistaqsih kemm ħalla vojt il-plejer Roderick Briffa li ngħaqad ma’ Valletta f’Jannar li għadda.
“Roderick Briffa huwa wieħed mill-aqwa plejers tal-pajjiż. Hija sfortuna li kellu jitlaq. Kienet offerta diffiċli biex Sliema jirrifjutaw somma bħal dik fl-istat li kien fiha l-klabb. Lil Roderick ħassejnieh u qatagħna ftit minn saqajna. Irridu nidraw mingħajru.”
Imma dan it-tim ta’ bħalissa kemm għadu ’l bogħod minn tim li jista’ jirbaħ l-unuri?
“Ma tistax tikkalkula għax kull staġun differenti. Ħu minn din is-sena. Hibernians aktarx se jirbħu l-kampjonat meta s-sena l-oħra spiċċaw fir-Relegation Pool. Naqra konsistenza, naqra fortuna u b’xi żewġ akkwisti nemmen li nistgħu nkunu fost l-isfidanti tal-kampjonat.”
Il-partita tas-sena għal Sliema se tkun bla dubju l-finali tal-FA Trophy kontra Valletta. Il-Beltin se jibdew favoriti li jirbħu dan l-unur iżda Noel jemmen li l-logħba se tkun waħda bilanċjata b’50 fil-mija għat-tnejn li jirbħu l-unur.
“Bħal kull finali se tkun logħba diffiċli. Huwa staġun li ma tantx konna konsistenti. Il-finali se tkun dmir ta’ kull plejer li jħoss responsabbiltà kbira. Dawk bħali li diġà konna f’logħbiet bħal din għandna piż kbir fuqna. Irridu nagħtu l-mija fil-mija biex inġibu l-unur lejn Ta’ Sliema. L-affari naraha b’50% ċans.”
Nitkellmu fuq is-snin li għamel parti mill-iskwadra nazzjonali. Noel lagħab 63 darba mat-tim nazzjonali u skorja żewġ gowls. Jgħidli li jimmissja dan il-perjodu li jqum filgħodu u flok imur ġurnata xogħol imur jitħarreġ għall-arja friska ta’ Ta’ Qali.
“Meta tkun man-nazzjonal ikollok ċerti inċentivi li meta tispiċċa jispiċċaw miegħek. Eżempju fiż-żmien tiegħi kont sponsored mill-post tax-xogħol tiegħi biex immur nitħarreġ. Illum m’għadniex u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom għax dejjem sibt għajnuna kbira mill-Korporazzjoni.
Kont qed nagħmel dak li l-aktar inħobb f’ħajti għal ftit snin mhux ħażin. Nemmen li plejer jilħaq il-miri tiegħu fil-karriera grazzi għal dawn l-affarijiet ukoll. Differenti li tqum filgħodu tmur għat-taħriġ milli tqum biex tmur għal ġurnata xogħol normali.”
Nipprova niġbidlu ftit saqajh billi ngħidlu li hu kien il-captain ta’ klabb li għamel l-istorja bir-rebħ tal-100 unur iżda għamel dan fi klabb u fi stadium vojt quddiem nuqqas kbir ta’ partitarji.
“Esperjenza sabiħa ħafna. Li tirbaħ il-100 tazza u tkun il-captain xi ħaġa kbira. Kemm jien u kemm sħabi ta’ dak it-tim għamilna parti minn dak it-tim glorjuż. Għalija li ngħolli dik it-tazza kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti.
“Nasal naqbel miegħek minn dak il-lat tal-partitarji. Jien niftakar it-tim tas-Snin 80 meta dak inhar is-Sliema rebħu kampjonat wieħed biss u kien ikollhom nies aktar mil-lum. Meta rbaħna t-tliet kampjonati wara xulxin in-nies ġew iżda personalment kont nistenna aktar. Illum il-ġurnata hemm ħafna affarijiet oħra biex wieħed jgħaddi ż-żmien u l-ebda tim ma jista’ jqabbel l-attendenzi ta’ dak iż-żmien ma’ tal-lum.”
Wara tant snin ta’ futbol professjonali fl-ogħla livelli nistaqsi lil Noel min kienu l-aktar plejers li nfluwenzawh f’ħajtu li jara ta’ livell u potenzjal kbir.
“Kelli l-fortuna li lgħabt ma’ tnejn mill-ikbar plejers li qatt rajna f’Malta, Carmel Busuttil u John Buttgieg. Xtaqt ħafna li nilgħab ma’ Ray Vella iżda qatt ma kelli l-opportunità. Naħseb li l-Bużu u Buttigieg kienu l-aktar żewġ plejers li ammirajt minn ta’ età żgħira. Jekk insemmi tnejn oħra ngħidlek li huma Gilbert Agius u Joe Brincat. Niftakar ukoll lil Michael Mifsud. Nafu tifel żgħir. Kien beda magħna min-nursery u llum tista’ tgħid li huwa wieħed mill-ikbar plejers li qatt kien hawn.”
Xi ħadd qalli li Noel kellu simpatija kbira għall-kowċ Edward Aquilina. Wiċċu bħal donnu jixgħel meta nistaqsih dwaru.
“Għaddejt minn idejn ħafna kowċis. Wieħed minnhom kien Edward Aquilina li flimkien ma’ Hugh Caruana rbaħna tliet kampjonati. Apparti kowċ tiegħi, Edward kien bniedem li jifhem ħafna l-lat uman. Kien plejer kbir fi żmienu u dan għenu fil-mod ta’ kif iżomm dejjem il-grupp magħqud. Għadu ħabib tiegħi sal-lum. Anki jekk ma kienx l-aqwa kowċ bħala teknika, żgur li miegħu konna nagħmlu affarijiet oriġinali. Għandi rispett kbir lejh.”
Jgħidli li fost il-ħafna gowls li għamel fil-karriera għandu tnejn partikolari li jibqa’ jiftakar.
“Wieħed mill-aktar gowls li nibqa’ niftakar kien barra minn darna kontra Mallorca f’partita ta’ ħbiberija mat-tim nazzjonali. Konna skurjajna jien u Adrian Mifsud. Konna rbaħna 2-1. Gowl ieħor importanti kien f’logħba Ewropea meta kkwalifikajna. Tlifna 3-0 f’Ta’ Qali u rbaħna 3-0 barra minn darna.”
Noel Turner jispera li jibqa’ jilgħab għal ftit taż-żmien ieħor filwaqt li jixtieq jibda l-karriera ta’ kowċ hekk kif itemm dik ta’ plejer.
“Nispera li nibqa’ nilgħab u nagħti l-esperjenza tiegħi lil dawk li tilgħin ġodda fil-klabb Slimiż. Nispera li nkun ukoll kowċ hekk kif intemm il-karriera. Qed nagħmel l-eżamijiet tal-kowċing u nispera li nagħmel suċċess minn din il-karriera wkoll meta nispiċċa minn plejer.
“Nirringrazzja lil kull kowċ li kelli, lill-familja tiegħi, lit-tfajla, lit-tifla u lill-poplu Slimiż kollu tal-apoġġ u l-għajnuna li dejjem sibt mingħandhom.”
Noel iwassalni sal-bieb ta’ barra tal-uffiċju tiegħu. Filwaqt li mexjin nitkellmu fuq affarijiet differenti reletati mal-ħajja tat-tnejn. Insellimlu billi b’mod sarkastiku ngħidlu li hu l-captain tat-tim ‘tal-Pepè’.
“’Tal-Pepè’ huwa biss laqam għas-Slimiżi. Iżda tas-Sliema ssib minn kollox bħalma ssib kullimkien.”
|
|
Intervista

Julian Farrugia tintervista lil Chris Said
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Toni Abela
- Diane Farrugia
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|