Pjazzetta | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Il-poeta Antoine Cassar xtaq jaqsam ma’ Illum l-esperjenzi li kien ġarrab f’L’Aquila 10 snin ilu u l-aktar waħda riċenti kkawżata mit-terremot minkejja li ma kienx jgħix hemm
Ix-xitwa tal-1999/2000 qattajtha f’L’Aquila fuq Erasmus. Minkejja l-kesħa fonda –ġurnata minnhom it-temperatura niżlet sa 20 grad taħt iż-żero – kien hemm ambjent mill-aqwa. Studenti barranin konna biss xi 15 u malajr sirna ħbieb. L-Aquilani laqgħuna tajjeb ħafna. Minbarra l-istudju, kont ngħallem l-Ingliż fi skola tal-adulti u kont naħdem ukoll bħala wejter fi klabb tal-jazz. B’hekk in-nies tal-post sirt nafhom sew. Bħal kullimkien issib minn kollox, iżda ġeneralment l-Aquilani sibthom mill-aktar dħulin u l-ħbieb li għamilt dak iż-żmien żammejthom.
Wara li ħarġet l-aħbar tat-terremot, domt ftit ma ntbaht bil-kobor tat-traġedja. M’hemmx xi ngħidu, 294 vittma huma 294 vittma wisq. Sirt naf li f’Via D’Annunzio, waħda mill-aktar toroq milquta, il-bini fejn kont ngħix iġġarraf għal kollox. Fir-ritratti tal-gazzetti bdejt nagħraf ħafna postijiet, fosthom il-bitħa interna tal-bini fejn kienet toqgħod it-tfajla li kelli dak iż-żmien.
L-għada tat-terremot, ħabib Spanjol li nzerta kien L’Aquila fuq btala ġie evakwat sa Ruma. Qalli li b’xorti tajba, safejn kien jaf, ħadd minn fost sħabna Aquilani ma ndarab, imma ħabib minnhom, wieħed mill-għaqda universitarja li kienet tieħu ħsieb l-istudenti Erasmus u li llum għandu tifel ta’ ftit xhur, tilef daru.
Ftit tal-jiem ilu kont qed nongħos u qajjimni ħsieb tal-waħx. Il-bniedem mingħalih li l-futur tiegħu ankmiktub fl-istilel, fl-allinjament tad-dinja mal-pjaneti u l-kostellazzjonijiet u x’naf jien. Ma tantx nemmen fl-isħarijiet tal-astroloġija, anzi, jekk xejn, nafu sew li l-istorja tal-umanità ġiet iddeterminata mill-klima, mill-ħamrija, mit-topografija.
Kultant dik it-topografija titheżżeż u fi ftit sekondi ġġib ħerba eħrex mill-gwerer li nivvintaw aħna stess. San Francisco, Sumatra, Sichuan. Bħallikieku d-destin kien miktub mhux fit-tikek ta’ ġos-sema iżda fil-linji tal-falla u fit-tjun ibaqbqu ta’ taħt l-art.
Il-poeżija mbagħad ħarġet waħedha, tista’ tgħid mill-vixxri mheżża tal-memorja. L-espressjoni u t-tifkiriet huma personali, imma l-poeżija ddedikata lill-poplu tal-Abruzzo. Se tiġi ppubblikata f’antoloġija l-Italja, editjata mill-poeta Sqalli, Rocco Fodale, biex jinġabru fondi għall-Croce Rossa ta’ L’Aquila. Il-poeżija tista’ tismagħha fuq
http://www.youtube.com/watch?v=5Ub5q6NER3k.
Għal aktar tagħrif żur http://muzajk.info.
L-Ajkla
(L’Aquila, fejn għixt
fix-xitwa tal-1999/2000)
U f’nofs ta’ lejl
qabad u theżżeż kull m’hemm:
il-belt, id-dlam, id-demm.
Bħal ġugarell
fil-ponn ta’ ltim inkurlat
inħasad b’damdima l-munġbell
u d-djar tal-pupi ġġarrfu
taħt balzmu tat-trab.
Il-ġilda tad-dinja ċediet,
l-irkoppa tal-Italja ntwiet,
il-mappa kanġiet
ilwien u suriet,
l-art saret baħar inkwiet.
Hawnhekk il-kamra kollha kotba
ta’ Via D’Annunzio,
hawnhekk il-lejla bajda qotna
tal-bewsa twila
f’Via dei Torreggiani,
hawnhekk is-suq imwarrad
fila fuq fila
ta’ Piazza Duomo,
hawnhekk il-kummerċ immarrad
fil-musrana mħarrka
tal-Corso –
tifkiriet ta’ tifkiriet
imfarrka.
F’temp ta’ tektika mtertqa
dak li bnejna l-bnedmin bizzilla
jeħfifilna bil-qilla,
jikfisna, jiknisna,
u jerġa’ jgħallimna
li aħna m’aħna xejn ħlief leħħa ta’ berqa,
għabra ta’ stilla,
traba daqs nitfa.
Taħt l-arloġġ imxaqqaq
hemm ajkla twaqwaq –
forsi għax intebħet fis
li twieldet mingħajr ġwinħajn,
forsi għax fehmet
li fix-xbiek wesgħin tal-kwiekeb
id-destin tal-ħajja ma jgħammarx,
iżd’aktarx
jgħum, jissajja,
iżaqżaq
magħġun fit-tjun
tal-kaldarun jiċċaqċaq
taħt l-art.