Jiktbu l-kandidati | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Arnold Cassola AD
Il-kriżi ta’ enerġija, flimkien ma’ dik tal-ekonomija, qed tipperikola x-xogħol tal-Maltin, b’xi fabbriki jissensjaw in-nies u oħrajn jgħaddu għal ġimgħa ta’ erbat ijiem. Hemm bżonn li mhux biss niddefendu l-postijiet tax-xogħol eżistenti imma wkoll li noħolqu postijiet ġodda waqt li nisfruttaw il-bidla minn enerġija li ġejja mill-ħruq taż-żejt għal waħda li ġejja mill-għejjun li jiġġeddu, bħax-xemx u r-riħ.
X’qed nipproponu bħala Alternattiva Demokratika? L-ewwel nett li ninvestu f’teknoloġija moderna għall-power station biex inżidu l-effiċjenza tagħha. Infatti bħalissa qed naħlu 68% miż-żejt billi naħarquh għal xejn.
It-tieni, tajjeb li l-Gvern se jagħti miljun bozza energy saving lill-familji Maltin imma rridu niżguraw ukoll li f’temp ta’ sena dawn il-bozoz ġodda energy saving jinbidlu mal-bozoz l-antiki li għandna fid-djar. B’hekk niffrankaw lill-pajjiż madwar 20% tal-ispiża kollha tad-dawl.
Il-Gvern għamel tajjeb li jagħti nċentivi fil-baġit għas-solar water heaters u għall-impjanti fotovoltajċi. Iżda l-inċentivi huma fqar wisq u minnhom jistgħu jibbenefikaw biss 4,500 u 200 familja rispettivament fl-2009.
Aħna tal-AD irridu naraw pjan ta’ inċentivi biex fil-ħames snin li ġejjin 50,000 familja jaqilbu għas-solar water heaters u 5,000 oħra jdaħħlu sistemi fotovoltajċi f’darhom biex jipproduċu l-elettriku mix-xemx. Dan il-pjan jista’ jiġi ffinanzjat minn mekkaniżmu ta’ rati favorevoli ta’ ħlas għall-elettriku żejjed li jiġi prodott fid-djar u li jiddaħħal lura fis-sistema tal-Enemalta.
Xi ngħidu għall-industrija tal-bini? Illum spiċċajna bil-ġennata li tispiċċa tgħix fi blokk flats fejn m’għandekx aċċess għall-bejt għax hemm il-penthouse, inkella jingħataw permessi biex żona bi djar ta’ żewġ sulari tispiċċa tinbidel f’waħda ta’ tliet sulari u penthouse.. .. u ssib ruħek imdawwar bid-dell u bid-dlam. Aħna neżiġu li jkun garantit bil-Liġi l-aċċess għax-xemx u għall-bjut biex tkun tista’ tistalla solar water heaters u impjanti fotovoltajċi.
Imbagħad irridu ngħallmu lill-familji kollha ta’ Malta jagħmlu energy audit ta’ djarhom tul il-ħames snin li ġejjin. B’hekk ikunu jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-enerġija fid-djar.
Imma dan waħdu mhux biżżejjed. Jinħtieġ li nibdew nipproduċu enerġija rħisa minn windfarm fuq l-art, waħda li taħdem fuq 4 jew 5 turbini tar-riħ ta’ qawwa ta’ madwar 750 kilowatt. Dan huwa l-ewwel pass loġiku biex nieħdu l-esperjenza meħtieġa f’dan il-qasam biex imbagħad nibnu windfarm ikbar fuq l-art. Ma ninsewx li din it-teknoloġija ta’ mtieħen fuq l-art hija diġà avvanzata ħafna u ħafna irħas minn windfarm offshore imwaqqaf fil-baħar.
Il-Gvern għandu mbagħad iwaqqaf fond u nċentivi għall-industrija biex din tinvesti f’sistemi ta’ enerġija li huma energy saving u li jiġu minn għejjun nodfa u li jiġġeddu. Hemm bżonn ukoll patt dwar it-tibdil fil-klima mal-partners soċjali kollha biex jigu speċifikati d-drittijiet u l-obbligi ta’ kulħadd f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri fil-pajjiż biex tiġi ttakiljata l-kriżi enerġetika.
Fl-aħħar aħna ta’ AD nemmnu li t-teknoloġiji ġodda u nodfa fil-qasam tal-enerġija għandhom jingħataw prijorità mill-Malta Enterprise li tista’ tagħmel programmi ta’ retraining f’dan il-qasam — flimkien mal-ETC — għal dawk l-eks-ħaddiema tad-Drydocks u tas-Shipbuilding li lesti jidħlu għal dan il-qasam ġdid f’pajjiżna.
Dawn l-inizzjativi kollha mhux biss jiffrankaw ħafna mill-ispiża tal-pajjiż għal dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri ta’ żejt, iżda jagħtuna opportunità tad-deheb biex jinħolqu eluf ta’ postijiet ta’ xogħol ġodda fl-oqsma tat-teknoloġija, l-industrija, l-immaniġġar tal-iskart, il-windfarms, is-solar panels, il-fotovoltajku, fil-qasam tal-għalliema u t-trainers fl-MCAST u fl-iskejjel tekniċi, fil-formazzjoni ta’ inġiniera, technicians, mekkaniks u xogħol ieħor.
Din hija l-Green New Deal li aħna qed nitkellmu dwarha u li Membru Parlamentari mill-AD elett fil-Parlament Ewropew jagħfas fuqha.
Ejja ma naħlux din l-opportunità ta’ Green Jobs ġodda għal pajjiżna.
|
|
Intervista

Julian Farrugia tintervista lil Chris Said
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Toni Abela
- Diane Farrugia
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|