MediaToday

Jiktbu l-kandidati | 19 ta’ April 2009 Nr 129

Bookmark and Share

Ħtieġa ta’ Membru Parlamentari Ewropew Għawdxi

Christian Zammit – PL

L-Għawdxin kienu ħasbu li b’Għawdex fl-Unjoni Ewropea ħafna mill-problemi se jiġu solvuti u li Għawdex mhux se jibqa’ daqshekk periferija tal-Ewropa. Però x’ħin ġejna għar-realtà sibna li l-Partit Nazzjonalista naqas milli jagħti rapport lill-Kummissjoni Ewropea, rapport li kellu jenfasizza l-problemi ffaċċjati mill-ekonomija Għawdxija minħabba li aħna gżira fi gżira. Dan ir-rapport kellu jingħata lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-aħħar budget.
L-istess amministrazzjoni Nazzjonalista falliet milli takkwista status privileġġat għal Għawdex f’dak li jirrigwarda fondi reġjonali Ewropej. Għawdex illum huwa ttrattat bħala reġjun biss għal raġunijiet ta’ ġbir ta’ statistika. F’pajjiżi oħra, gżejjer bħal Għawdex, li huma affettwati minn double insularity, igawdu minn diversi fondi reġjonali supplimentari u benefiċċji bħal tnaqqis ta’ VAT fuq diversi prodotti biex jegħlbu l-fraġilità tal-ekonomija tagħhom. Però f’Għawdex ma sar xejn konkret minn Gvern Nazzjonalista u n-nixfa fl-investiment barrani u nuqqas ta’ xogħol ilna nħossuha snin twal.
Il-Gvern Nazzjonalista qatt ma kellu fiduċja f’Għawdex u l-Għawdxin. Qatt ma investew fi proġetti li bihom nisfruttaw l-enerġija tax-xemx u tal-baħar biex noħolqu enerġija alternattiva nadifa. Jiftaħru bit-triq li saret mill-Imgarr sa Għajnsielem u mir-Rabat sal-Għarb u kif twarrab minnha ssib it-toroq l-oħra żdingati u fi stat ħażin u t-terminal taċ-Ċirkewwa fi stat primittiv.
Fejn huma l-inċentivi biex Għawdex verament jattira turisti ta’ kwalità? X’ġara mill-proġetti tax-Xlendi u Marsalforn? Għalfejn ma nagħtux saħħa finanzjarja teknika lill-organizzazzjonijiet Għawdxin biex jippromwovu lil Għawdex kontinwament barra minn Malta? Kemm-il xahar ilu Għawdex mingħajr air link?
X’sar mill-inċentivi fiskali biex nattiraw back-office work? Għalfejn iż-żgħażagħ ggradwati Għawdxin ma jsibux xogħol f’Għawdex u xogħol relatat ma’ I.T ma jeżistix minkejja li għandna r-riżors uman?
Għalhekk ħassejt li hemm il-ħtieġa ta’ Laburist Għawdxi fil-Parlament Ewropew. Apparti li jien Għawdxi, jien ukoll persuna ta’ 26 sena u allura ma nistax ma nagħmilx riferenza għaż-żgħażagħ.
Ma nistgħu qatt ninsew il-politika tal-Gvernijiet Laburisti mfassla fuq programm intensiv ta’ industrijalizzazzjoni. Ittellgħet għal 16-il sena l-età tal-iskola obbligatorja. L-Università saret b’xejn biex b’hekk ulied il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, setgħu jkomplu l-iskola.
Ma nistgħux ninsew it-twaqqif ta’ paga minima nazzjonali. Sa dak iż-żmien il-ħaddiema żgħażagħ kienu sfruttati minħabba l-pagi miżeri u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Iddaħħlet l-allowance għat-tfal, il-vaganzi bi ħlas għal nisa impjegati li jkunu tqal.
Anke fejn jidħol il-housing Gvern Laburista kien fetaħ it-triq għal bosta żgħażagħ biex jitilgħu l-iskaluni soċjali u jagħtu lil uliedhom għixien aħjar.
Din hija l-istorja ta’ Partit Laburista li ħolom, tal-enerġija lill-pajjiż, u wettaq. Dan hu l-partit li qed nerġgħu nibnu. Għalhekk l-appell tiegħi huwa għal dawk iż-żgħażagħ kollha li sal-lum osservaw mill-bogħod lill-Partit Laburista. Issa huwa l-waqt li kontu qegħdin tistennew. Din hija l-opportunità li flimkien nibnu partit verament dinamiku u progressiv taħt it-tmexxija ta’ mexxej li qed jispira u jagħti nifs ġdid lill-partit u lill-pajjiż.
Irrid liż-żgħażagħ jippartecipaw, anzi jiddominaw id-diskorsi tal-politiċi. Irridhom jipparteċipaw f’diskussjonijiet li jirrigwardaw il-futur tagħhom.
Illum, fis-sena 2009, u fil-futur, tibqa’ n-neċessità li ż-żgħażagħ ikunu fuq quddiem nett fil-fergħat kollha tal-Partit Laburista u jkunu l-protagonisti fil-moviment tal-progressivi li qegħdin nibnu.

 



Wenzu Mintoff
Is-serq, dari u llum



Carmelo M. Bonnici
Pass determinanti u kuraġġuż



Joe Ellis
Xandir bla awtorità



Toni Abela
Ejjew insaffru l-Aida!


Il-Punt - Diane Farrugia
Id-dritt tal-artist u l-werrieta tiegħu għar-royalty


Jiktbu l-kandidati

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas

Vince Farrugia - PN

Christian Zammit – PL

Arnold Cassola AD


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan