Jiktbu l-kandidati | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Vince Farrugia - PN
Jekk kulħadd kif jgħid il-Malti għandu qaddisu, mela jien qaddisi x-xogħol. Sa minn meta kont tifel dejjem nafni naqra dwar l-ekonomija u kif jaħdem is-suq. Meta kont it-Teacher’s Training College biex insir għalliem l-oħrajn kienu jistudjaw il-lingwi jew ix-xjenza, imma jien dejjem bil-kotba tal-ekonomija.
Iggradwajt f’Malta u bqajt nispeċjalizza barra u dejjem ekonomija, l-ekonomija tax-xogħol, relazzjonijiet industrija u business management. L-enfasi dejjem fuq il-ħolqien tax-xogħol, l-investiment u kif jikber ix-xogħol. Kont għal qalbi bħala Kap tal-Malta Development Corporation għax kont inkarigat mill-investiment barrani u l-ħolqien tax-xogħol. L-istess meta kont Kap tal-Malta Tourism Organisation. L-istess fis-snin li għamilt ngħallem l-Università u fix-xogħol tiegħi għall-privat u dawn l-aħħar snin fil-GRTU. Dejjem l-enfasi kienet fuq il-ħolqien u l-ħarsien tax-xogħol.
Jien nemmen li l-akbar importanza tar-rebħa enormi li l-Partit Nazzjonalista għamel għall-Malti meta nnegozja b’suċċess id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hu preċiżament għax Malta fl-Unjoni Ewropeja hi l-akbar garanzija ta’ xogħol għall-Maltin. Illum il-Prim Ministru Gonzi jagħmel sew li dejjem jenfasizza x-xogħol. L-istorja ta’ Malta tal-aħħar 30 sena turi biċ-ċar kif qatt m’għandna ninsew li x-xogħol ma jaqax mis-smewwiet imma trid taħdem għalih u tibża’ għalih.
Għall-pajjiż żgħir bħal tagħna bla risorsi kważi ta’ xejn ħlief in-nies kapaċi tagħna, in-nuqqas ta’ xogħol ifisser għalina t-telf ta’ kulma għandna. Ix-xogħol hu l-perm tal-ħajja tagħna u m’għandna qatt naħsbu li jiġi dejjem u jiġi waħdu.
Min bħali l-ekonomija Maltija għixha kien ilu jaf sa mill-1979 li Malta ma setgħetx tfendi u tibqa’ toħloq ix-xogħol jekk ma tkunx parti minn blokk ekonomiku kbir u b’saħħtu.
Malta barra l-Unjoni Ewropea kienet tkun mhux biss l-waqfien tal-espansjoni ekonomika imma theddida serja għax-xogħol li kien jeżisti. Kif il-Partit Laburista, li suppost twemminu hu x-xogħol din ma rahiex, jien qatt ma fhimtha u qatt ma nifhimha.
Issa qegħdin fl- Unjoni Ewropea. Qegħdin ukoll fil-Parlament Ewropew. Ilna biss ħames snin. Ġibna ħafna lejn pajjiżna u wettaqna ħafna b’dak li ġibna. Imma issa rridu nimmiraw lejn il-ħames snin li ġejjin. Baqgħalna ħafna u ħafna x’nagħmlu biex insarrfu s-sħubija tagħna fl- Unjoni Ewropea fil-qabża verament kbira li rridu nagħmlu biex nagħlqu il-gap kbir li teżisti bejn il-livell ta’ qligħ ras għal ras li għandna f’Malta u dak li jgawdu l-popli tal-15-il pajjiż li kienu qabilna fl- Unjoni Ewropea. Il-miri tagħna huma ċari u rridu nies ta’ ħila u ta’ esperjenza biex nilħquhom. Il-Maltin dan issa li jridu minna għalhekk fassalna strateġiji li jwassluna l-ewwel sas-sena 2015 u wara sal-2020.
L-ewwel u qabel kollox fil-ħames snin li ġejjin irridu nsarrfu s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea f’aktar xogħol għall-Maltin f’Malta. Min jaħseb li dan hu faċli jkun qed jammetti li qatt ma kellu pożizzjoni fejn ix-xogħol ewlieni hu li ġġib l-investiment lejn Malta u ġġib l-ordnijiet lill-industriji u l-intrapriżi Maltin. Trid l-esperjenza, trid il-kuntatti, trid tkun taf kif taħtaf kull opportunità biex twassal il-Malti mal-barrani, trid tkun tifhem fix-xogħol. Fis-snin li ġejjin, speċjalment fis-sentejn li ġejjin sa mad-dinja terġa’ tiġi f’tagħha mill-ħasda tar-riċessjoni dinjija, irridu nsibu mezz kif inġibu aktar ordnijiet għall-fabbriki tagħna. Irridu investimenti ġodda. Irridu aktar xogħol għal-lukandi tagħna, għar-ristoranti tagħna, għall-ħwienet u n-negozji tagħna. It-tema ewlenija tiegħi, jekk jirnexxili nitla’ fil-Parlament Ewropew, hija x-xogħol. Jien konvint li kapaċi nuża kull pożizzjoni, kull attività, kull opportunità li jkolli biex insarrafha f’okkażjoni li ġġib aktar xogħol lejn Malta.
Mhux ħaġa faċli. Trid ħila. Trid esperjenza. Trid tkun taf kif. Jien naħseb li nasal. Qaddisi x-xogħol. U x-xogħol hu r-ruħ ta’ kollox.
|
|
Intervista

Julian Farrugia tintervista lil Chris Said
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Toni Abela
- Diane Farrugia
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|