MediaToday

Aħbarijiet | 19 ta’ April 2009 Nr 129

Bookmark and Share

“Qiegħed hawn biex nagħmel biċċa xogħol tajba”

Julia Farrugia tintervista lil Chris Said

“Dawn huma ż-żewġt itfal tiegħi … addottati mir-Russja. Waħda ta’ 10 snin u l-oħra għandha tliet snin. L-addozzjoni xi ħaġa sabiħa ħafna. Meta ġibniha l-kbira kellha seba’ snin u ż-żgħira 10 xhur. Kelli ċans ingawdi ċerti mumenti peress li issa dħalt f’dan l-uffiċċju. U jien l-uffiċċju nħobbu ħafna. Inqatta’ ħafna ħin hawn,” jistqarr Chris Said waqt li jurini ritratt tal-familja.
“Tipprova tpatti bi quality time fi tmiem il-ġimgħa. Il-bqija nitlaq mid-dar meta jkunu reqdin u ħafna drabi meta nasal lura Għawdex ikunu raqdu diġà.”
Said hu dak il-politiku enerġetiku Għawdxi ta’ 38 sena li fi ftit xhur irnexxielu jitla’ ħafna skaluni f’daqqa. Minn karriera ta’ disa’ snin Sindku tan-Nadur illum jitla’ kuljum it-taraġ ta’ Kastilja meta wara li kien elett fl-elezzjoni ġenerali l-Prim Ministru ħatru Segretarju Parlamentari għad-Djalogu u l-Informazzjoni.
Nistaqsieh jekk jaqbilx mal-Liġi Maltija dwar l-addozzjoni u jiddikjara bla tlaqliq li “Le”.
“Naqbel li din il-Liġi titneħħa. Hemm anomalija fil-Liġi. Sentenza li ngħatat dan l-aħħar uriet li tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem meta ċċaħħad lil min jaddotta jekk ilu inqas minn tliet snin miżżewweġ.”
Jistqarr li peress li hu u martu għaddew mill-proċess tal-addozzjoni minn pajjiż barrani jafu x’jitlob il-proċess u jgħid li ta’ spiss imorru n-nies id-dar jistaqsuhom pariri dwar x’jinvolvi dan il-ġest.
Fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja jwieġeb għall-mistqosija ta’ x’timbru jixtieq iħalli fil-politika.
“Nixtieq li fl-oqsma kollha li naħdem fihom tul ħajti nagħmel differenza. Differenza f’li nħalli effett pożittiv fil-ħajja tan-nies li s-suġġetti li mmiss magħhom jolqtuhom direttament.”
Il-fatt li nġieb jaħdem qrib il-Prim Ministru jfisser xi ħaġa għall-eks Sindku?
“Ifisser sodisfazzjon kbir fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta tqis li jien ġejt elett għall-ewwel darba f’elezzjoni ġenerali.
“Inħoss li hu att kbir ta’ fiduċja u se nagħmel dak kollu possibbli biex inrodd lura din il-fiduċja bix-xogħol tiegħi lill-Prim Ministru lill-poplu,” iwieġeb Said.
X’għallmek Lawrence Gonzi, tkun il-mistoqsija?
Jieqaf jaħseb u jidħak. Ikun biss f’dan il-punt u f’punt ieħor ftit ’l quddiem li jieħu ftit ħin.
“Interessanti din. Lawrence Gonzi … għallimni nisma’ u nikkunsidra sew qabel niddeċiedi xi ħaġa. B’dan il-mod nara kif dik il-ħaġa partikolari se tkun ta’ siwi fil-politika. Jien, li ta’ spiss inkun f’laqgħat ma’ Lawrence Gonzi, tgħallimt nara kif id-deċiżjonijiet se jolqtu lill-poplu.”
Jgħidu li Said jaħdem ħinijiet bl-addoċċ. Kollegi tiegħu jgħidu li ‘annimal tal-ħin’ u jqatta’ ħinijiet twal fl-uffiċċju f’Kastilja. Mid-dar ikompli għaddej. Jaqbel ma’ din id-deskrizzjoni?
“Mhux li tħobb ix-xogħol. Jien bniedem li jekk dħalt għal xi ħaġa nitlob commitment. Kemm meta kont Sindku kif ukoll meta kont President tal-Assoċjazzjoni tal-Football dejjem ħdimt ħinijiet twal. Ġieli għamilt iljieli naħdem. Anke Sindku. Naħseb aktar ma timputja ħin aktar jista’ jkollok riżultati.”
U l-mara meta ltaqgħet miegħu kien diġà b’dan it-tip ta’ stil ta’ xogħol u ħinijiet twal jew kellha tidra għall-bidliet wara ż-żwieġ?
It-tweġiba jidħakha.
“Il-mara, kif jgħid il-Malti, kienet taf għalxiex dieħla. Tafni dejjem hekk. Tatini appoġġ enormi. Kieku jkollok il-problemi. Bħalissa qed terfa’ parti mill-piż tal-ħajja politika tiegħi meta qed trabbi żewġt itfal f’ħafna ħinijiet waħidha.”
Kieku bħalissa kellu jkun Ministru ta’ Għawdex xi tkun l-ewwel ħaġa li jimplimenta?
“Jien inżomm kuntatt kontinwu mal-kostitwenza, darbtejn fil-ġimgħa f’Għawdex, apparti li jiġu hawn ukoll.
“L-aktar ħaġa li qed tippreokkupani hu l-bżonn li jinħolqu aktar xogħlijiet f’Għawdex. Il-Gvern qed jaħdem imma kieku nkun hemm nagħti aktar importanza lejn dan il-fattur u aktar ideat,” jistqarr is-Segretarju Parlamentari.
“Kieku jien Għawdex nippromwovieh bħala post għal btala rilassanti, għall-kwiet. Għawdex isbaħ fix-xitwa milli fis-sajf u żgur li jagħmel sens li l-marketing ikun iffukat lejn ix-xitwa.”
Wara 15-il sena ta’ kunsilli lokali jaħseb li lħaqna l-quċċata jew jemmen li għad fadal ħafna x’naqdfu?
“Fadal ħafna ħafna. Għadna fl-infanzja tal-kunsilli lokali. Meta tqabbel ċentinarji ta’ pajjiżi oħra aħna għadna nitwieldu. Ħassejna li għandna nikkonsolidaw it-tajjeb u neliminaw fejn ħarġu l-problemi,” jispjega.
Chris Said jgħid li l-eżerċizzju mħabbar din il-ġimgħa kien immirat biex il-kunsilli jagħtu servizzi aqwa lir-residenti.
“Dak li jistgħu jagħtu l-kunsilli lokali qatt ma jista’ jagħtih il-Gvern Ċentrali.”
Imma kif jaħsibha dwar il-fatt li kemm hu kif ukoll il-Prim Ministru qed jużaw il-kelma “tiġdid” minflok “riforma” li kienet qed tissemma’ ftit ilu? Reġa’ bdielhom u flok tibdil konkret qed jippreżentaw elenku sħiħ ta’ ħafna proposti li diġà qed jiġu mwettqa mill-kunsilli lokali?
“Le le. Assolutament li le. Li qed nagħmlu hu riforma permezz ta’ tiġdid. Barra li qed inbiddlu qed inġeddu għax qed indaħħlu aspetti ġodda. Eżempju fejn jidħlu responsabbiltajiet ġodda, fosthom fl-ambjent.”
U l-Kabinett veru li mmodera u naqqas numru ta’ proposti li oriġinarjament kien ressaq hu bħala Segretarju Parlamentari?
“Le. Id-dokument li ppreżentajna għadda b’deċiżjoni tal-Kabinett. Kien hemm aktar minn seduta waħda. Però l-punti prinċipali l-biċċa l-kbira qiegħdin hemm. Li nbidlu affarijiet żgħar.”
Nissikkah. Kien hemm affarijiet li xtaq idaħħal u sab reżistenza għalihom?
“Jien personalment nemmen ħafna li Sindku ma jagħmilx aktar minn żewġ terms. Din ili nemminha u pproponejtha. Imma diversi kienu kontra. Ħafna qalulna: ‘imma għala għandna nxekklu lill-persuni validi milli jkomplu jaħdmu. L-għażla ta’ min jiġi elett hi f’idejn il-pubbliku. Rajt li dan l-argument hu validu.”
“Jien imma fuq bażi personali meta kont Sindku kont diġà ddikjarajt li mhux se nerġa’ nikkontesta għax jien bniedem li nemmen li wara ċertu perjodu jkun wasal iż-żmien li tiċċaqlaq. U minn hemm tidħol għal problemi oħra x’tittakilja.”
Niġbidlu l-attenzjoni li fid-dokument li kien preżentat din il-ġimgħa, f’paġna 5, hemm miktub li “dan hu rapport dwar dak li se jsir.” Dan ifisser li hu finali u mhemmx lok għal aktar diskussjoni mal-Kunsilli f’każ li hemm affarijiet li ma jaqblux magħhom?
“Dawn deċiżjonijiet iva. Ma jfissirx imma li fi stadju jew ieħor jekk naraw li se jkun hemm problemi ma jiġux riveduti minn żmien għal żmien. Mhumiex ad eternum. Imma ħafna affarijiet se nibdew nimplimentawhom mill-ewwel. Ibda mil-Liġi li trid tinbidel fil-Parlament u wara ċertu tibdil fl-avviżi legali. Hemm affarijiet oħra li jistgħu jiddaħħlu mill-ewwel.”
Mitlub jidentifika l-aktar miżura li personalment xtaqt li jdaħħal u sodisfatt li sabet postha f’dan il-proċess Said iwieġeb hekk: “Hemm ħafna. Imma waħda minnhom hi li nagħtu leħen lin-nies f’komunitajiet żgħar bħal Baħar iċ-Ċagħak, Marsalforn, Santa Luċija f’Għawdex, il-Kappara u oħrajn. Dawn huma lokalitajiet f’lokalitajiet. Din waħda mill-aktar affarijiet li xtaqt. L-oħra hi d-dħul tar-reġġjuni.”
Inwaqqfu għall-ftit u ngħidlu li din tar-reġjun fi ftit jiem diġà bdiet toħloq kritika.
Numru ta’ kunsilli qed jistaqsu kemm jagħmel sens li s-Swieqi tefgħuh mar-reġjun tal-Mellieħa u Santa Luċija nqata’ minn ma’ Ħal Tarxien. Din hi mossa politika biex ikun hemm aktar kontroll politiku f’sens li l-PN jikkontrolla lill-Assoċjazzjoni Lokali?
“Le. Jekk tara l-mappa tara li l-lokalitajiet huma mqassma ġeografikament u skont il-popolazzjoni. X’imkien irid ikun hemm border.
“Kif ġew issa tliet persuni jkunu għall-PN u tnejn għall-MLP. Iżda l-President u l-Viċi President jiġu eletti mil-lista ġenerali jiġifieri minn min għandu l-maġġoranza tal-kunsilli, jiġifieri l-Partit Laburista. B’hekk ir-‘riżultat’ finali jkun 4 PL, 3 PN.”
L-intervista ddur fuq il-ħinijiet tal-ġbir tal-iskart. Żmien ilu Chris Said kien qal li għandu jibda jsir filgħaxija. Għadu jemminha u jekk iva meta se tidħol fis-seħħ? Għala ma ssemmietx fid-dokument?
“Iva, ma dħalniex fid-dettalji. Dalwaqt ħiereġ kuntratt ġdid għall-ġbir tal-iskart u se jkollu termini ġodda. L-aktar ħaġa importanti hi li jingħata l-aħjar servizz possibbli. Irridu naraw xi jkunu libsin il-ħaddiema li jiġbru l-iskart kif ukoll il-ħinijiet tal-ġbir meta tqis li ħafna familji jaħdmu. It-tieni hemm bżonn naħsbu dwar is-separazzjoni tal-iskart u t-tielet li jitħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jagħmlu l-ġbir.”
Said isostni li kull kunsill għandu jkollu l-għażla ħielsa dwar il-ħinijiet tal-ġbir tal-iskart u li din l-għażla għandha tkun imsejsa “fuq konsultazzjoni man-nies biex il-ġbir isir f’kumdità għar-residenti.”
“Hemm kunsilli li s’issa għadhom qed jirreżistu li l-kunsilli jibqgħu miftuħin għal ħin itwal jew li jiftħu s-Sibt filgħodu.”
Is-Segretarju Parlamentari jiddiżassoċja ruħu minn attakki li jsiru mill-partiti speċjalment qabel l-elezzjoni tal-kunsilli.
Jemmen li hemm kunsilli ‘imqarqċa’, inklużi kunsilli tal-PN? Hu ġust li qabel l-elezzjoni jkollok partit, inkluż il-PN, li jgħidlek “kunsilli Laburisti m’għamlu xejn? Din issibha n-naħa l-oħra wkoll. X’inhi l-istampa reali?
“Jien li jien viċin ħafna tal-kunsilliera nista’ ngħid li hemm problemi fil-kunsilli b’maġġoranza tal-PN u problemi f’kunsilli tal-PL. Ħafna drabi dan ikun ġlied bejn il-kunsilliera tal-istess partit. Għalhekk daħħalna l-kodiċi ta’ etika.
“Kultant jidħol id-deni tal-elezzjoni li sfortunatament aktar jagħmel ħsara milli ġid.”
Mistoqsija li qed tberren fost ħafna hi l-kwistjoni tal-finanzi. Il-Gvern fid-dokument qed jgħid li l-kunsilli se jipprovdu faċilitajiet ta’ childcare. Il-Gvern se jipprovdi l-finanzi għal dan?
“Iva. Meta tgħaddi r-responsabbiltà diretta jgħaddu l-flus. Imma ma jistax ikollok childcare f’kull lokalità. Imma tajjeb li jingħaqdu numru ta’ lokalitajiet viċin xulxin u jagħmlu wieħed bejniethom. Il-kunsilli jistgħu jmorru għal fondi tal-Unjoni Ewropea. S’issa imma għad mhemmx budget speċifiku,” kompla Said.
Fi kliemu l-affarijiet se jkunu mplimentati ftit ftit għax qabel dan il-proċess wieħed irid jara li jkun hemm il-qafas u l-istandards meħtieġa fiċ-ċentri kollha li se jibdew joffru faċilitajiet għaż-żamma tat-tfal.
Said jaqbel mal-kunċett li l-Kunsilli jiġbru flus biex isostnu l-operat tagħhom?
“Din diskussjoni li dejjem tqum — it-taxxi lokali. Din diskussjoni li għamilniha. Nemmen li iva. Ikun hemm ċerti servizzi li nħallsu għalihom. Xejn mhu b’xejn. Ic-childcare għandha tkun b’xejn? Il-probabbiltà hi li l-Gvern ma jkollux il-finanzjament kollu għaliha. Il-Gvern illum jista’ jipprovdi l-bini. Prinċipalment bħalissa l-fondi jingħataw mill-Gvern, mit-taxxi tal-poplu. Qed ngħidu li għaż-żmien li ġej hemm proċessi oħra kif iġibu l-flus, minn fondi tal-UE, minn fondi speċjali iżda mhux uniku.”
Hawn Said isemmi ċerti bidliet li se jibdew jiġu mplimentati dalwaqt fosthom li “ikun hemm reviżjoni f’ċerti tariffi.”
Bħala eżempju jagħti dak ta’ meta kuntrattur jew individwu jkollu bżonn iġib krejn. Bħalissa t-tariffa hi ta’ ftit ċenteżmi ekwivalenti għal Lm1 li fi kliem Chris Said ħafna drabi kunsill jaħlihom f’telefonati. Dan apparti l-ispiża tal-gwardjan lokali.
Reviżjoni ’l isfel fil-prezz li jidentifika Said hi dik tal-hoarding – l-għata li bil-liġi trid issir meta faċċata ta’ bini jkun qed jiġi rranġat. Bħalissa t-tariffa hi ta’ Lm1 għall kull metru kwadru għal kull ġurnata. Meta wieħed iqis li medja ta’ faċċata ta’ dar normali hi ta’ 30 pied u xogħol idum bejn tlieta sa ħames xhur, il-kont ikun għoli.
“Il-ħsieb hu li ssir reviżjoni fil-prezz u ninċentivaw lill-individwu li l-hoarding jibqa’ jagħmlu,” spjega Said.
Fid-dokument tiegħu l-Gvern jgħid li se jinbidel il-proċess ta’ kif jintagħżlu s-Segretarji Eżekuttivi u li “il-Kunsill ikollu dritt li jagħżel persuna għal din il-kariga minn pool ta’ persuni mis-Servizz Pubbliku.”
Jekk dan il-pool se jagħżlu l-Gvern allura s-Segretarji Eżekuttivi se jispiċċaw impjegati tal-Gvern. Dan mhux tnaqqis tal-awtonomija tal-kunsilli?
“Għad irridu niddiskutu aktar. Trid tinħareġ sejħa u jsir kors speċjalizzat. Nidentikaw pool per eżempju ta’ 50 ruħ u meta kunsill ikollu bżonn jista’ jagħżel minn din il-lista u jimpjega lil min jixtieq minnha. Dawn is-Segretarji Eżekuttivi se jibdew ikunu on secondment. Jekk ix-xogħol tiegħu jkun terminat jerġa’ jmur lura fil-post fejn ikun jaħdem.”
Jaħseb li sar abbuż u neputiżmu kif s’issa ġew impjegati ċerti Segretarji Eżekuttivi?
“Naħseb daħlu nies li ma kellhomx jidħlu. U li ma kinux l-aħjar nies li setgħu jaqdu l-funzjoni.”
Jinkwetawh atti vjolenti li ta’ sikwit qed isiru fuq kunsilliera u sindki? Ftit sigħat qabel l-intervista seħħ att ieħor makabru mar-residenza tas-Sindku ta’ Ħal Lija, Ian Castaldi Paris.
“Din is-sitwazzjoni qed iddejjaqni. Ħafna ħafna. Qed tiġri sikwit u hu ta’ min jistmerra u nikkundanna dawn l-atti jiġru fuq min jiġru. Rajna raġel ta’ Sindku msawwat, żebgħa ma’ faċċati, żewġ attakki fuq gwardjani lokali.
“Dawn l-inċidenti iħassbuni u jnikktuni. F’dan it-tiġdid qed nippruvaw nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawn in-nies. Tgħidli €100 fix-xahar biex tagħmel tajjeb? Imma hemm bżonn li jingħata messaġġ ċar mill-Awtoritajiet u ma nkunux tolleranti.”
Nitolbu jelabora u jsostni li “l-Pulizija, li diġà qed tagħmel xogħolha, għandha taqbad lil min wettaq ir-reat. U l-Qorti meta tissentenzja dawn l-atti għandha tibgħat ukoll messaġġ ċar.”
Kif jaħsibha dwar il-fatt li l-Partit Laburista għandu lil Joseph Muscat fit-tmun u mhux lil Alfred Sant? Jaħseb li Muscat se joffri għadma iebsa lill-PN?
“Anke b’Alfred Sant bħala mexxej kellna għadma iebsa għax l-elezzjoni ġenerali rbaħniha bi ftit. Hemm nofs il-popolazzjoni tappoġġa l-partit l-ieħor.
Bis-sitwazzjoni li qiegħdin fiha hemm ideat ġodda u leader ġdid, żgur li hu ta’ vantaġġ għall-Partit Laburista.”
Lura f’Settembru żewġ aħwa tas-Segretarju Parlamentari tressqu fuq allegat reat ta’ stupru fuq minorenni. X’kienu l-emozzjonijiet tiegħu bħala bniedem tad-demm u l-laħam? Kien hemm mumenti fejn ħass li dak li nbena seta’ jinħatt?
“L-ewwel ġranet hekk ħsibt. Imma jien f’ħajti dejjem ħdimt kif kelli naħdem. Għamilt żbalji ta għax min ma jaħdimx ma jiżbaljax. Imma aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar irrealizzajt li jien qiegħed hawn biex nagħmel biċċa xogħol tajba u li kelli nkompli naħdem għax in-nies għalhekk tellgħuni.
“Malli sirt naf, kont hawn f’dan l-uffiċju. Kelli telefonata minn wieħed mill-qraba. Kellimt lil Lawrence Gonzi mill-ewwel. Wiċċ imb wiċċ.”
Said kien l-istess bniedem li lura fl-2005 kien irrapporta lil tnejn minn ħutu talli kienu għaddejjin bi żvilupp illegali biex l-awtoritajiet jieħdu passi kontra tagħhom. Illum erba’ snin wara jgħid hekk: “Dak il-każ tani kreddibiltà.”
“Kienet l-aktar ħaġa li ma xtaqtx nagħmel. Imma fil-ħajja trid tħares mhux lejn dak li ma tixtieqx tagħmel imma lejn dak li suppost tagħmel.”

 



Wenzu Mintoff
Is-serq, dari u llum



Carmelo M. Bonnici
Pass determinanti u kuraġġuż



Joe Ellis
Xandir bla awtorità



Toni Abela
Ejjew insaffru l-Aida!


Il-Punt - Diane Farrugia
Id-dritt tal-artist u l-werrieta tiegħu għar-royalty


Jiktbu l-kandidati

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas

Vince Farrugia - PN

Christian Zammit – PL

Arnold Cassola AD


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan