MediaToday

Il-Punt - Diane Farrugia | 19 ta’ April 2009 Nr 129

Bookmark and Share

Id-dritt tal-artist u l-werrieta tiegħu għar-royalty

Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid (resale right jew kif inhu aħjar magħruf, id-droit de suite) hu d-dritt tal-artist għall-konsiderazzjoni (royalty) f’każ ta’ bejgħ tax-xogħol tiegħu sussegwenti għall-ewwel trasferiment.
Dan il-kunċett, li beda fi Franza, ilu jeżisti bosta snin fis-sistemi legali ta’ xi pajjiżi oħra Ewropej iżda f’pajjiżna ġie ntrodott tliet snin ilu permezz tal-Avviż Legali 174 tal-2006. Dan l-Avviż Legali jimplimenta direttiva tal-Unjoni Ewropea, li hi d-Direttiva 2001/82/KE fuq id-Dritt ta’ Bejgħ mill-Ġdid għall-Benefiċċju tal-Awtur ta’ Xogħol Artistiku).
Dan id-dritt japplika għal xogħol ta’ arti viżwali — grafika jew plastika — bħal stampi, collages, pittura, skultura, tapezzerija, ċeramika, oġġetti tal-ħġieġ u fotografija sakemm ikunu magħmulin mill-artist innifsu jew ikunu kopji meqjusin bħala xogħlijiet oriġinali tal-arti. Iżda manuskritti oriġinali ta’ kittieba u kompożituri mhumiex koperti minn din il-Liġi.
Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid japplika biss jekk ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel hi dik li x-xogħol artistiku jkun soġġett għad-dritt tal-awtur (copyright). Għaldaqstant, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid japplika matul il-ħajja tal-artist u sa 70 sena wara mewtu.
It-tieni kundizzjoni hi dik li l-prezz ta’ bejgħ tax-xogħol artistiku jkun jeċċedi l-€1,500. It-tielet hi dik li l-bejgħ isir minn professjonisti fis-suq tal-arti bħal galleriji tal-arti, irkantaturi u negozjanti fix-xogħol tal-arti.
F’każ ta’ bejgħ magħmul minn persuni li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ professjonista tas-suq tal-arti, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid ma japplikax. Barra minn hekk, dan id-dritt ma japplikax f’każ ta’ bejgħ lill-mużewijiet li ma jagħmlux profitt u li huma miftuħa għall-pubbliku.
Ir-royalty tiġi kkalkulata skont il-perċentwali stabbiliti fid-direttiva — f’każ ta’ xogħol artistiku li jinbiegħ għal somma bejn €1,500 u €50,000, din tkun ta’ erbgħa fil-mija. Din ir-royalty titħallas lill-awtur tax-xogħol artistiku u, wara mewtu, lis-suċċessuri tiegħu.
Għalkemm id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ artist matul ħajtu beda japplika malli ġie ntrodott l-Avviż Legali, dan id-dritt ma japplikax lis-suċċessuri tal-artist qabel l-2010. Madankollu d-Direttiva tagħti l-opportunità lil dawk l-Istati Membri li, bħal Malta, fiż-żmien tal-addozzjoni tad-Direttiva, ma kinux japplikaw dan id-dritt fis-sistema legali tagħhom, li jitolbu deroga ta’ sentejn oħra għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid fil-każ tas-suċċessuri ta’ artisti mejtin.
Din id-deroga tingħata biex tippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jaddattaw gradwalment għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid waqt li jżommu l-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Ta’ min isemmi li din id-deroga mhix awtomatika. Trid issir talba, motivata b’raġunijiet validi, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea li wara konsultazzjonijiet xierqa tiddeċiedi jekk tagħtix din id-deroga lil dawk l-Istati Membri kollha li jkunu talbu għad-deroga.
Xi pajjiżi Ewropej, li bħal Malta ma kellhomx dan il-kunċett fosthom ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Olanda, diġà ppreżentaw it-talba tagħhom lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu minn din l-opportunità. Dawn il-pajjiżi semmew l-impatt ekonomiku – speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi – bħala raġuni għaliex il-Kummissjoni għandha tagħtihom d-deroga.
Issemma studju li sar fir-Renju Unit li sab li meta d-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid ikun japplika għas-suċċessuri ta’ artist li jkun miet, in-numru ta’ xogħlijiet tal-arti li għalihom ikun japplika dan id-dritt jiżdied b’erba’ darbiet aktar.
Malta issa trid tiddeċiedi jekk titlobx din id-deroga u f’każ li titlob tali deroga, tagħti raġunijiet validi għal dan. Għaldaqstant saret laqgħa ta’ informazzjoni u konsultazzjoni li ġiet organizzata mill-MEUSAC flimkien mad-Diviżjoni tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investment għall-artisti u professjonisti tas-suq tal-arti.
F’din il-laqgħa kien spjegat id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid u saret konsultazzjoni dwar il-possibbiltà li Malta titlob id-deroga ta’ sentejn għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għas-suċċessuri ta’ artisti mejtin.
Xi punti li tqajmu waqt din il-laqgħa huma kif l-artist, jew suċċessur tiegħu, jista’ jżomm ruħu aġġornat dwar it-trasferimenti tal-arti tiegħu, kif ukoll kif tista’ titħaddem sew din is-sistema.
Min jixtieq jagħmel xi kummenti dwar il-possibbiltà tad-deroga ta’ sentejn għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għas-suċċessuri ta’ artisti mejtin jista’ jagħmel dan billi jibgħat fuq consult.meusac@gov.mt sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 24 ta’ April 2009.

Dr Diane Farrugia hi uffiċjal tal-MEUSAC

 

 



Wenzu Mintoff
Is-serq, dari u llum



Carmelo M. Bonnici
Pass determinanti u kuraġġuż



Joe Ellis
Xandir bla awtorità



Toni Abela
Ejjew insaffru l-Aida!


Il-Punt - Diane Farrugia
Id-dritt tal-artist u l-werrieta tiegħu għar-royalty


Jiktbu l-kandidati

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas

Vince Farrugia - PN

Christian Zammit – PL

Arnold Cassola AD


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan