Joe Ellis | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Malta hi l-unika pajjiż li jsejjaħ ruħu demokratiku u b’sistema politika ddominata minn żewġ partiti li għandhom ukoll l-istazzjonjijiet tar-radju u tat-televiżjoni tagħhom. Naħseb l-Italja biss għandha sitwazzjoni aktar anomala fejn għandek tliet stazzjonijiet tal-istat li huma dominati mill-partiti politiċi taċ-ċentru lemin u ċentru xellug u tliet stazzjonijiet privati tal-Prim Ministru Berlusconi.
L-iskop tal-istazzjonijiet tal-partiti Maltin hu ovvju: dak li l-partiti jwasslu l-messaġġ tagħhom lill-poplu. Imma dan kemm hu minnu? Żgur li hemm it-tendenza li dawn l-istazzjonijiet, minkejja xi sforzi iżolati li jistgħu jagħmlu, jispiċċaw jippriedkaw lil min hu diġà konvertit. Mhux talli ma jwasslux biex il-messaġġ tal-partit jinfirex fost il-poplu b’mod ġenerali, imma sfortunatament jispiċċaw jikkundizzjonaw lill-partitarji tagħhom u jċajprulhom il-punti di vista alternattivi. Kliem bħal brainwashing u spin mhumiex faċli taqlibhom fil-Malti imma l-qarrejja jifhmu x’qed ngħid.
Kemm huma tajbin għad-demokrazija dawn l-istazzjonijiet? Kemm qegħdin jagħmlu ġid lill-istess partiti bil-piż finanzjarju li qed joħolqulhom? Dawn huma mistoqsijiet fuq il-fomm ta’ ħafna.
F’dan il-kuntest, l-editorjal ta’ The Times tat-Tnejn li għadda dwar l-Awtorità tax-Xandir kien interessanti. Kien interessanti fuq kollox għax irriproduċa ċerti ideat żbaljati dwar din l-Awtorità li sfortunatament huma aċċettati minn ħafna.
Hu evidenti għal kwalunkwe osservatur objettiv li din l-Awtorità li l-Kostituzzjoni twaqqaf biex tiżġura l-imparzjalità fix-xandir kollu f’Malta qiegħda tfalli f’din il-missjoni. Fil-waqt li twettaq kontrolli pjuttost stretti fuq ix-xandir tal-istat b’tali mod u manjiera li tpoġġih f’morsa, ix-xandir tal-partiti ngħata libertà kważi assoluta fir-rigward tal-kontenut politiku.
L-editorjal tat-Times indirizza din il-problema u għamel osservazzjonijiet rilevanti. Fost l-oħrajn l-editur stqarr “id-difett strutturali bażiku li hemm fil-kompożizzjoni tal-Awtorità tax-Xandir hu li tirrappreżenta l-partiti politiċi u l-interessi partiġġani tagħhom u mhux lin-nies Maltin b’mod ġenerali…
“F’ittra lill-mexxej Laburista Joseph Muscat f’Lulju li għadda, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi rrifletta l-burdata tan-nazzjon meta ppropona li r-rwol tal-partiti politiċi fl-Awtorità tax-Xandir għandha tonqos waqt li għandu jkun hemm aktar esperti tax-xandir u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.”
L-Editur wera li t-Times taqbel ukoll mal-istqarrija tal-Prim Ministru li “il-provvediment tal-Liġi li tgħid stazzjon jibbalanċja lill-ieħor ma tagħmilx sens.”
Għalkemm naqbel mal-ispirtu li fih saru dawn il-kummenti, inħossni nonqos jekk ma nosservawx li dawn il-kummenti m’għandhom l-ebda bażi fil-Liġi. Huma pjuttost il-frott ta’ ideat li ġew imposti fuq is-soċjetà u aċċettati minn kulħadd.
Nibdew bil-kompożizzjoni tal-Awtoritaà tax-Xandir. Il-Kostituzzjoni tgħid li “Il-membri tal-Awtorità dwar ix-Xandir għandhom jinħatru mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara li jkun ikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni.”
M’hemm xejn xi jżomm lil Prim Ministru jew lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jipproponu għal din il-kariga nies li huma kompetenti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li mhumiex marbutin intimament ma’ xi karru politiku. Altru li m’hemmx ħtieġa li tali proposta tiġi diskussa fil-Kumitat Magħżul dwar it-Tibdiliet Kostituzzjonali għax il-Kostituzzjoni hi biżżejjed flessibli biex il-ħsieb li esprima l-Prim Ministru fl-ittra tiegħu lill-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ Lulju li għadda jitwettaq mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda tibdil fil-Kostituzzjoni.
Li hu meħtieġ hu rieda politika li l-partiti politiċi ma jibqgħux jokkupaw l-ispazji kollha fil-ħajja politika – u mhux biss – tal-pajjiż. L-Att dwar ix-Xandir jippermetti li l-Awtorità jkollha sa sitt membri minbarra l-President. Illum, erbgħa biss huma maħtura. Allura, x’qed iżomm lill-Prim Ministru milli jipproponi li jinħatru żewġ membri mis-soċjetà ċivili jew nies kompetenti barra mill-ħatriet partiġġani li mdorrijin bihom? B’hekk, ikun koerenti mal-ħsieb espress fl-ittra tiegħu ta’ Lulju li għadda.
It-Times ukoll irreferiet, b’diżapprovazzjoni, għal-Liġi li tipprovdi li l-eżistenza ta’ stazzjon politiku tibbilanċja, għal skop ta’ imparzjalità, l-eżistenza ta’ stazzjon politiku tal-fazzjoni opposta. Jien ma jirriżultalix li din il-liġi teżisti imma anke jekk hemm Liġi simili, din żgur tmur kontra l-Kostituzzjoni li fl-Artiklu 119 tobbliga lill-Awtorità tax-Xandir tiżgura l-imparzjalità fix-xandir kollu li jsir f’Malta, u mhux biss dak tal-Istat.
Immaġinaw kieku kemm in-Net kif ukoll il-One ikunu obbligati li josservaw l-imparzjalità fix-xandir tagħhom. Kieku ma tantx ikun hemm lok li l-partiti jibqgħu jissussidjawhom kif jiġri mid-dehra.
Wasal iż-żmien li l-Istat jibda jagħti l-fondi lill-partiti ħalli anqas jibqgħu jiddependu fuq interessi partikolari li jispiċċaw jikkundizzjonaw l-aġenda fil-pajjiż.
Ċertament, il-qasam tal-finanzjament tal-partiti u tal-infiq tal-kandidati jeħtieġ riforma sħiħa biex tiżgura t-trasparenza li llum m’hawnx. Imma ma jistgħux il-partiti jippretendu għajnuna finanzjarja meta għandhom stazzjonijiet tax-xandir li mhumiex jimxu mal-Kostituzzjoni u qed iżommu lura l-maturità politika tal-poplu Malti.
M’hemm bżonn tal-ebda riforma grandjuża fil-liġijiet biex issir bidla radikali fil-qasam tax-xandir. Fil-fatt, m’hemm xejn xi jżomm li l-qasam tax-xandir jinħeles mill-madmad tal-politika partiġġana.
Li hemm bżonn hi r-rieda politika għal tali bidla. Li wieħed jipproponi u jiddiskuti hu tajjeb. Imma qabel ma wieħed jagħmel hekk, aħjar il-politiċi jaraw jekk hux qed iħaddmu l-Kostituzzjoni u l-Liġi kif suppost.
|
|
Intervista

Julian Farrugia tintervista lil Chris Said
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Toni Abela
- Diane Farrugia
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|