Editorjal | 19 ta’ April 2009 Nr 129
Meta fid-19 ta’ Diċembru tal-2008 il-President tar-Repubblika ta l-assent tiegħu għall-Att Numru XVI ta’ dik is-sena ħafna minna fhimna li pajjiżna kien ħa pass kbir ’il quddiem għaliex fl-aħħar kien se jkollna f’idejna għodda importanti u ġdida. Konna mingħalina li kien daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Konna mingħalina wkoll li kienet qed tittieħed minn idejn il-Gvern għodda devastanti li biha minn dejjem kien jista’ jaħbi u jostor li jrid minn min jidhirlu. Issa konna se nkunu nistgħu nsiru nafu dak li jidhrilna f’ħin siewi u mhux għexieren ta’ snin wara l-fatt meta amministrazzjoni ġdida tikxef l-agħwar ta’ dik ta’ qabilha biex tpinġiha kerha.
Issa konna se nkunu aħna ċ-ċittadini li bi dritt nitolbu tagħrif u bi dritt niħduh. Kien hemm min minna li fehem li minn dak in-nhar il-ġurnalisti Maltin kienu se jieħdu qabża kbira ta’ kwalità u jkunu jistgħu jaqduna ħafna aħjar billi jitkixxfu iżjed fil-fond u bid-dokumenti uffiċjali f’idejhom itarrfulna x’ikun qed jiġri madwarna.
Għodda bħal din hi tal-akbar importanza u Liġi bħal din tant iżżid fid-drittijiet taċ-ċittadin li nistgħu ngħodduha ta’ importanza kbira daqs id-drittijiet l-oħra mħarsa fil-Kostituzzjoni. Ir-relazzjoni bejn il-Gvern u ċ-ċittadin kienet se tinbidel mill-qiegħ u għal dejjem u għall-aħjar.
Kejl tal-importanza ta’ din il-Liġi nistgħu nagħmluh mill-fatt li kienet ixxandret bħala wegħda politika fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-2008 u, bir-raġun, irreklamawha bħala bidla importanti. Il-PN laħaq snin wara Alternattiva Demokratika li kienet għarfet l-importanza kruċjali ta’ liġi bħal din sa mill-1992 u magħha ta’ liġijiet li jħarsu lil min jikxef il-korruzzjoni (Whistleblower Act) u li jirregolaw il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Fil-mixja kważi staġnata għal kollox tal-iżvilupp politku ta’ pajjiżna, li naslu għal tappa waħda minn dawn it-tlieta wara 16 il-sena, kien speċi ta’ vittorja, kisba kbira. Illum din il-liġi tagħlaq erba’ xhur minn meta lestiet mill-proċess leġiżlattiv fil-Parlament u għadha ma daħlitx fis-seħħ.
Min jindenja ruħu jaqraha u mhux jisma’ biha fil-gazzetti biss isib li fl-Artiklu 1(2) li l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni għandu jidħol fis-seħħ meta jidhirlu l-Ministru. S’issa l-Ministru għad ma ħassx l-urġenza li jibdel din il-Liġi minn kitba interessanti għal għodda vera, minn wegħda sabiħa għall-fatti.
Għal min għandu sabar jistenna u għal min ilu jistenna s-snin twal għal żvilupp bħal dan, erba’ xhur m’huma xejn. Iżda min ghandu ftit esperjenza ta’ kif isiru l-affarijiet f’Malta għandu jibda jitħasseb. Ma trid xejn biex jgħaddu s-snin qabel ma din il-liġi tidħol fis-seħħ jekk ma jagħfas ħadd biex dan isir.
Għandna biżibilju ta’ liġijiet li jew ma ddaħħlux fis-seħħ jew ma sarux ir-regolamenti li jagħtuhom is-snien jew li ma jiġux infurzati bis-serjetà. Biex nagħtu eżempju wieħed: il-maħfra li ngħatat lil min kien ħaffer borehole illegalment u kellu jeħel multa ta’ €20,000.
Jekk ma ninsistux biex din il-Liġi tidħol fis-seħħ, jekk norqdu nistgħu naslu għall-elezzjoni li jmiss u nisimgħu xi wegħda li l-Gvern il-ġdid idaħħalha fis-seħħ. Jekk dan il-Gvern irid jittieħed bis-serjetà għandu jieħu ħsieb li ma jibqax jitnikker fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini u wisq anqas fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini kontrieh.
Sakemm din il-Liġi tidħol fis-seħħ l-ebda Ministru m’għadu jkollu l-wiċċ li jlissen il-kliem trasparenza u kontabbiltà sakemm ma jridx li jieħu risposta pronta u li ma tkunx togħġbu.
|
|
Intervista

Julian Farrugia tintervista lil Chris Said
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Toni Abela
- Diane Farrugia
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|