Ittri | 12 ta’ April 2009 Nr 127
Michael Camilleri,
Birkirkara
Nemmen li s-suċċess tal-politika ta’ stat soċjali modern jiddependi mis-sistema tar-regolaturi li jissorveljaw b’mod ġust l-attività f’kull qasam tad-demokrazija.
Il-mekkaniżmu tar-regolaturi jaħdem tajjeb bl-enerġija tal-Gvernijiet Xellugin li jemmnu fil-ġustizzja f’demokrazija industrijali, ekonomika, politika u soċjali. Imma dan l-istess mekkaniżmu jitlef ir-ritmu meta jitħaddem bi fuel Lemini, tat-twemmin fis-suq ħieles li jħares biss lejn il-qligħ tas-sidien u l-kummerċjanti akkost ta’ kollox.
Għalhekk meta jaqa’ f’idejn Gvern Konservattiv jew neo-Liberali, dan il-mekkaniżmu jinbidlulu l-karatteristiċi tekniċi b’mod li flok jipproduċi b’effiċjenza sħiħa u b’ġustizzja uniformi fl-aspetti kollha demokratiċi, jibda jikkonċentra kollox f’direzzjoni waħda u jiżbilanċja s-sistema vera demokratika.
Eżempji tipiċi ta’ dan il-fenomenu qed narawhom iseħħu f’Malta. Minħabba fin-nuqqas ta’ spazju fil-ġurnal nirreferi biss għat-tliet regolaturi li l-iżjed iddiżappuntaw liċ-ċittadini taħt l-amministrazzjoni Leminija tal-PN.
Il-MEPA kienet u għadha tiddiżappunta b’ċerti rwejjaħ strambi u b’deċiżjonijiet kontroversjali minkejja l-wegħdi ta’ riforma mill-Prim Ministru. Ir-regolatur tal-komunikazzjoni u tal-protezzjoni tad-data ħalliena fid-dlam fuq is-serq ta’ informazzjoni personali privata li sar f’wiċċ id-Dipartiment tal-MITTS u ma serrħilna rasna xejn dwar il-każ tat-tkixxif illegali mill-PN fil-privatezza taċ-ċittadini. Xi ngħidu għar-regolatur tar-riżorsi? Dan huwa responsabbli jara li x-xiri u d-distribuzzjoni ta-riżorsi ta’ ħtieġa jsiru b’mod ġust għall-bejjiegħ u għax-xerrej. Mhemmx bżonn nispjega dak li jaf kulħadd dwar it-taħwida li daħal fiha dan ir-regolatur fil-kalkoli relatati mal-prezzijiet tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta u tal-bejgħ tal-elettriku lill-konsumaturi. Bizzejjed ngħidu li 11-il union qegħdin jitolbu r-riżenja tiegħu,
Dawn it-tliet eżempji fattwali jikkonfermaw li r-regolaturi qegħdin jiżbilanċjaw is-sistema demokratika billi jaġixxu b’xaqliba lejn il-Gvern u l-ispekulaturi. Rari ssodisfaw liċ-ċittadin bħala klijent, ħaddiem, resident jew konsumatur. Mela biex iserraħ rasu mid-drittijiet demokratiċi li għandu f’dawn il-funzjonijiet tiegħu fil-ħajja, ċittadin ma jistax iħallihom jiddependu biss mill-Istat li jkun immexxi minn Gvern tal-Lemin. Bħala ħaddiem qed jieħu prekawzjoni billi jingħaqad fil-union għall-ħarsien tal-jeddijiet industrijali tiegħu. Imma għadhom mhumiex imħarsa bl-istess mod it-tliet funzjonijiet l-oħra li huma komuni wkoll għal kull ħaddiem.
Għaldaqstant, minbarra fil-qasam tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom bżonn urġenti li jingħaqdu fil-qasam tal-konsum biex iħarsu l-infieq tagħhom fix-xiri bl-istess determinazzjoni li jipproteġu d-dħul mill-impjieg. Għax ewro ffrankat fix-xiri jiswa eżatt daqs ewro żieda fil-paga. Minn dawn ġej id-dmir tal-ħaddiema li jiddefendu d-drittijiet komuni bis-saħħa ta’ xulxin fuq iż-żewġ fronti.
Min huwa fl-iżjed qagħda ideali li jikkordina din il-għaqda soda fil-qasam tal-konsum? Il-loġika tgħidli li din il-missjoni għandha tkun fdata f’idejn il-unions li qegħdin jagħmlu ħidma dedikata fil-ħarsien tal-konsumatur fil-każ kurrenti tar-rati u tal-kontijiet tad-dawl u ilma.
Nemmen li dawn għandhom jiffurmaw TUC tal-unions Maltin li waħda mill-aqwa responsabbiltajiet tagħha tkun it-twaqqif ta’ għaqda nazzjonali tal-konsumatur strutturata f’taqsimiet li jkopru oqsma tal-kummerċ u servizz privat u statali għas-servizz tal-imseħbin mill-unions kollha.
Meta l-ħaddiema Maltin se jaraw l-unions jaħdmu b’ħilithom kollha biex jitwaqqf il-Kunsill Nazzjonali tat-Trade Unions (TUC) u biex l-Għaqda tal-Konsumatur ikollha għarfien leġiżlattiv?
|
|

Franica Pulis tintervista lil Pierre J. Mejlak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Christine Roberts
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|