MediaToday

Intervista | 12 ta’ April 2009 Nr 127

Ix-xemx minn filgħodu turik

Franica Pulis tintervista lil Pierre J. Mejlak

Fl-okkażjoni li Jum il-Ktieb dalwaqt magħna u li l-awtur Pierre J. Mejlak kien qiegħed fuq gżiritna fil-jiem li għaddew din il-gazzetta ħadet l-opportunità biex tintervistah u tara daqsxejn minn xiex hu magħġun.
Mejlak hu bniedem li jilqgħak bi tbissima u diffiċli tħossok skomdu miegħu. Hu l-iżgħar minn tliet aħwa u ħuh Ryan kien “l-iżjed memorja bikrija ta’ xi ħadd jaqralu l-istejjer fis-sodda”. Fil-fatt, l-aħħar ktieb, il-ġabra ta’ novelli ‘Qed nistenniek nieżla max-xita’, hu dedikat għalih.
Meta wieħed jara l-bijografija tiegħu fuq il-websajt personali tiegħu (www.pierrejmejlak.com) tinduna kemm kien ħabrieki minn età żgħira fil-qasam tal-letteratura u tal-ġurnaliżmu u kemm wettaq xorti s’issa li għad għandu biss 26 sena.
Biss biss diġà rebaħ żewġ Premji Nazzjonali tal-Ktieb, bl-iktar wieħed riċenti għal ‘Riħ Isfel’ f’Novembru li għadda. Imbagħad xahar wara nieda n-novelli.
Għalhekk nistaqsih kif jiddiskrievi ħajtu bħalissa u kienx iħossu differenti minn sħabu tal-iskola minħabba l-inizjattivi tiegħu li ma kinux normali għal xi ħadd tal-età tiegħu.
Jidħaq għall-ewwel mistoqsija u jistaqsini lura jekk il-mistoqsijiet humiex kollha hekk. Imbagħad iwieġeb: “Ħajja normali ta’ xi ħadd ta’ 26 sena. Xi ħadd li mhux tifel u lanqas kbir. Xi ħadd li parti minnu qed tfittex stabbiltà. Parti oħra ma tridhiex. Imma hi ħajja sabiħa. M’għandhiex xi ngorr.”
Mejlak ta’ 14-il sena kien beda jippubblika r-rivista ‘Il-Fwieħa tan-Narċisa’ darba fix-xahar, rivista li kien jikteb u jeditja hu stess. Fl-istess sena kiteb l-ewwel ktieb tiegħu, Trab Abjad, li mbagħad ippubblika tliet snin wara.
Iwieġeb għat-tieni mistoqsija: “Qatt ma kont nerd imma l-kitba kienet xi ħaġa li kont dejjem nieħu pjaċir nagħmel. Ma tantx kont nieħu premjijiet fil-Prize Day u kont wieħed mill-imqarbin.
“Imma li nikteb kienet waħda mill-affarijiet li kont inħobb nagħmel. Dak iż-żmien ma kinitx cool bħalma hi llum li tikteb. Jista’ jkun li kien hemm xi wħud li jaħsbu li hi xi ħaġa mhux interessanti imma kont nagħmel affarijiet oħrajn li f’għajnejn ħaddieħor donnhom kienu jikkumpensaw bħall-futbol, bħall-praspar u bħall-Karnival.
“Il-kitba għal ħafna żmien kienet sigriet. Ħafna ħbieb issa saru jafu li jien nikteb. Dejjem qgħadt attent li ma nagħtix fil-għajn.”
Wara li qrajt ‘Et Iustitia Omnibus’ (Ġustizzja għal kulħadd) fuq il-blog tiegħu, lil Mejlak ma stajtx ma nistaqsihx jekk l-iskola għalih servitx ta’ esperjenza pożittiva jew tortura.
“Kważi tortura. Fil-fatt qatt ma kont nieħu ħafna pjaċir l-iskola. Meta kont l-iskola dejjem kont nistenna l-jum li tispiċċa. Kienu jgħiduli li meta tispiċċa se tħoss in-nuqqas tagħha. S’issa dak il-jum għadu qatt ma wasal. Għalkemm l-Università kienet naqra aħjar għax kont daqsxejn aktar ħieles.”
Ir-rivista ma jħossx in-nuqqas tagħha imma “kien perjodu ħelu. Nimmissja l-eċitament tiegħu. Inħares lura narah li kien proġett li kien jagħtini pjaċir.”
Kemm hu ta’ ġid li tifel ta’ 14-il sena jirnexxielu jippubblika l-ewwel ktieb? Mhux aħjar ikollu l-ewwel fallimenti biex jgħinuh jikber u jsir aktar b’saħħtu?
“Ma jfissirx li għamilt xi suċċess għax ippubblikajt ktieb. Irid ikun hemm l-ewwel pass b’xi mod jew ieħor. Tiegħi kien dak. Qatt ma qist li wasalt x’imkien billi ppubblikajt dak il-ktieb.”
Qatt ħbejt l-età biex tasal fejn ridt?
“Ġieli żidt ftit tas-snin. Fuq affarijiet relatati ma’ xogħol qatt ma ħbejt. Fis-sens qatt ma gdibt kemm għandi żmien fuq CV. F’kuntest informali ġieli ħbejt jew evitajt li nsemmi l-età biex dak li jkun ma jittrattanix ta’ tifel.”
Għaliex tikteb aktar xogħlijiet għat-tfal? Hu ġeneru b’bejgħ garantit?
“Bdejt għax kont għadni tifel. Imma l-ewwel nett naqra ħafna xogħlijiet tat-tfal. Hu ġeneru li jogħġobni ħafna u nħoss li ktieb tat-tfal jista’ jmisslek qalbek daqs tal-kbar.”
Tippreferi tikteb storja ispirata mill-esperjenza tiegħek jew waħda kompletament oriġinali?
“Naħseb anki f’dawk li huma oriġinali nkun qed nikteb parti żgħira minn ħajti. Dejjem se jkun hemm parti minni. In-novella ‘Dar ix-xogħol’, l-aħħar novella fil-ktieb, hi għal kollox awtobijografika mingħajr l-ebda tiżwiqa. Imma ma jfissirx li ma ħadtx aktar gost niktibha,” jispjega Mejlak u jżid jgħid li mill-istejjer m’hemmx waħda partikulari li jippreferi minn oħra għalkemm hemm uħud li huma aktar għal qalbu.
Min-novelli li jirrakkuntaw relazzjoni bħal ‘Myslowitz’ u ‘Ir-riħa ta’ Totò’ joħroġ minnhom ċertu romantiċiżmu. Nistaqsih kemm dan ir-romantiċiżmu jirrifletti l-karattru tiegħu u kemm dan għadu żmienu.
“Ngħodd ruħi bħala persuna romantika u ma naħsibx li r-romantiċiżmu qatt jgħaddi żmienu jew tmurlu l-moda. Hu aktar mod ta’ għixien. Hu mod kif tħares lejn il-ħajja, mod kif tgħix dak li tħoss mingħajr mistħija, kompromessi u biża’. Romantiku fis-sens li l-emozzjonijiet tiegħek turihom.”
Kemm taħseb fil-qarrej meta tikteb?
“Nikteb primarjament għalija. Irrid nikkonvinċi ruħi bħala qarrej. Jien il-qarrej tiegħi nnifsi. Jekk l-istorja ma togħġobx lili sinjal li mhix tajba biżżejjed biex tidher barra.”
Nistaqsih kemm nies jaraw xogħlu qabel jiġi ppubblikat biex jieħu l-opinjoni tagħhom.
“Jekk tikkonvinċi lili m’għandi bżonn li jara ħadd. Imma din ma tantx tiġri. Allura nagħtiha lil xi tlieta minn nies, ħbieb tal-qalb, li dejjem ikunu onesti.”
Diġà hemm ktieb ieħor li qed jinħema?
“Hemm idea,” jirrispondi b’ċerta skumdità u b’espressjoni fuq wiċċu li turi li jippreferi ma jweġibx. Nistaqsih għaliex dak il-wiċċ.
“Niddejjaq nieħu l-kitba for granted. Meta nikteb ma nkunx naf hux se jkun l-aħħar wieħed tiegħi. Ma nistax naħlef li se nikteb il-kotba ħajti kollha.”
Mejlak temm il-karriera ta’ ġurnaliżmu f’Malta sempliċiment għax ħames snin ilu ħass il-bżonn li jitlaq minn pajjiżna. Jistqarr li minbarra t-temp, ix-xemx u l-baħar jimmissja s-sens ta’ kenn li toffri Malta minkejja li din kienet waħda mir-raġunijiet għala telaq.
“Waqaft għax ridt nitlaq minn Malta. Għażilt ix-xogħol ta’ traduttur għax rajtu jappellali u kienet opportunità tajba.”
Iżda t-traduzzjoni mhix l-iktar mod frustranti kif tisfrutta l-ħiliet letterarji?
“Nagħmel differenza netta bejn traduttur ta’ xogħlijiet mhux letterarji u kittieb. Ma nħallathomx bejniethom. Anki l-lingwa li nuża fuq ix-xogħol mhix l-istess għall-kitba. Għallinqas nispera.”
Kif iħossu fi Brussell bħalissa?
“Inħossni li kbirt ftit. Inħoss li l-perspettiva tiegħi twessgħet ftit. Neħħejt ħafna preġudizzji li kieku bqajt Malta probabbli kont inżomm,” iwieġeb l-awtur. Iżid jgħid kif il-Belt anki affettwatlu x-xogħlijiet tiegħu.
“Il-kitba tirrifletti lill-kittieb. Jekk il-bniedem trid tkun taf x’inhu trid taqra kitbietu. Fl-aħħar mill-aħħar dejjem qed tikxef biċċa minnek.”
Nitħaddtu wkoll jekk jaffettwax il-fatt hu li hu Għawdxi.
“L-atmosfera fejn titrabba bilfors li toħroġ. Kittieb mill-Belt se jikteb b’mod differenti minn wieħed minn Wied il-Għajn. Tinħass jekk kittieb ikunx trabba f’ambjent urban jew rurali. Toħroġ awtomatikament.”
Iżda minkejja li Mejlak trabba fl-ambjent rurali tan-Nadur xorta wħud mix-xogħlijiet tiegħu jittrattaw karattri f’ambjenti urbani. Fil-fatt iż-żmien li ilu jgħix barra għenuh “biex jiffamiljarizza ruħu ma’ ambjent ġdid”.
Beħsiebek tiġi lura Malta?
“Ma nafx. Narani f’Malta mill-ġdid imma bħalissa qiegħed pjuttost komdu fejn qiegħed.”
U l-politika? Qatt toħroġ għaliha? Kieku jkun qed jikkompeti ma’ Chris Said, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Pubbliku.
“Ma naħsibx li qatt noħroġ,” jgħidli b’daħqa enormi fuq wiċċu. “Narani naħdem f’kuntest politiku imma mhux li noħroġ jien.”
L-Għid kif se jqattgħu?
“Bħalissa qed inqatta’ ħafna ħin mal-ħbieb u l-familja. Kull ftit ħin li jkolli nipprova nqattgħu magħhom. L-Għid innifsu mhuwiex daqshekk importanti.”
Jispjega li mhuwiex wieħed akkanit għall-vari u l-purċissjonijiet u li jippreferi jiċċelebra l-Milied.
“Il-Milied mhuwiex xi ħaġa iżjed importanti imma hu iżjed festa li ngħix. L-Għid ma ngħixux imma l-Milied bilfors trid tgħixu b’xi mod jew ieħor.”
Mistoqsija minn dawk tas-soltu imma bi tweġiba pjuttost differenti: Bħala Għawdxi kif tħares lejn Malta u l-Maltin? X’inhuma l-akbar differenzi li tara?
“Illum, li ilni ħames barra, ma tantx narahom kbar id-differenzi. Qabel kont inħosshom iżjed. Dan il-ħafna paroli ta’ Għawdex u l-Għawdxin ngħiduh għax ma nsibux aktar xi ngħidu.
“Kull darba li xi ħadd jarani u jgħidli kif inhuma l-Għawdxin, ġeneralment ma jkollu assolutament xejn xi jgħidli!”

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan