MediaToday

Wenzu Mintoff | 05 ta’ April 2009 Nr 126

Il-kotra qamet f’daqqa

Jekk tara ftit it-temi li minn żmien għal żmien jiddominaw id-dibattitu politiku f’dan il-pajjiż, waħdek għandek tinduna kif qed inċafċfu f’ilma li ilu snin twal qiegħed u kemm id-diskussjoni pubblika, jekk tista’ ssejħilha hekk, hi waħda sterili u staġnata.
Fost it-temi rikorrenti li jitfaċċaw fil-wiċċ minn żmien għall-ieħor u li jispiċċa qatt ma jsir xejn konkret dwarhom, għandek issib ritornelli f’litanija li tirrepeti ruħha b’mod kważi tad-dardir, bħas-sit tat-Teatru mwaqqa’, tibdil fis-sistema elettorali, ir-riforma fit-trasport pubbliku, il-finanzjament tal-partiti, jekk il-kariga ta’ President tar-Repubblika għandhiex tingħata aktar poteri mal-ftit li għandha, l-iżbilanċ fix-xandir pubbliku, u fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, il-festi nazzjonali.
Jien ma nafx x’kien eżattament ir-rwol tal-Prof Henry Frendo f’din il-farsa tal-ħames festi nazzjonali (ara l-MaltaToday ta’ nhar l-Erbgħa li għaddew). Għax bejnietna, l-istorja kif nafha jien kienet kemmxejn differenti. Meta fl-1988 Fenech Adami avviċina lil Karmenu Mifsud Bonnici bil-proposta li jintlaħaq xi forma ta’ qbil dwar jum/jiem u/jew festa/i nazzjonali, din il-proposta kienet ġiet diskussa fil-Grupp Parlamentari Laburista.
F’dik il-laqgħa kien hemm eks ministru li llum m’għadux magħna, li kien xettiku aktar minn ħaddieħor dwar il-ġenwinità ta’ din il-proposta u jista’ jkun kellu biċċa raġun. Biex jagħmilha aktar diffiċli li jintlaħaq xi forma ta’ qbil, dan l-eks ministru li kien pjuttost imqareb, fettillu jipproponi li mal-Indipendenza, il-Ħelsien u r-Repubblika ninsistu li jiżdiedu wkoll il-Vitorja u s-Sette Gugnio bħala festi nazzjonali.
B’sorpriża kbira għal kulħadd dakinhar Karmenu Mifsud Bonnici kien ġie lura mingħand Fenech Adami bl-aħbar li kien intlaħaq ftehim biex il-ħames dati kollha kemm huma jkunu festi nazzjonali. L-ironija hi li dan il-pajjiż għandu ħames festi nazzjonali, imma m’għandux jum nazzjonali wieħed bħalma għandhom pajjiżi oħra li ma jehdewx bħalna jdaħħqu n-nies bihom.
Nazzarda ngħid, avolja tista’ tinstema’ dagħwa f’widnejn il-partitarji Nazzjonalisti akkaniti, li anki n-Nazzjonalisti nfushom qatt ma riedu li l-Indipendenza tkun tabilħaqq il-jum nazzjonali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għax kieku fl-Indipendenza ma jibqgħux bħala partit jagħmlu ċelebrazzjonijiet mill-aktar partiġġani fuq il-Fosos, inkluż mass meeting fejn jittajjar ħafna xrar u nar.
Ma jista’ qatt jintlaħaq ftehim dwar xi ġurnata partikolari tal-istorja bħala l-jum nazzjonali jekk din tibqa’ tiġi approprjata għal skopijiet partiġġani minn xi wieħed mill-partiti.
Agħar minn hekk meta l-partit fil-Gvern juża l-finanzi tal-Istat biex jippompja, jiddandan u jżejjen festa nazzjonali aktar minn oħra, ma jkun qed jagħmel xejn ħlief iferrex fuq l-livell ta’ pajjiż sħiħ il-mentalità tribali u parrokkjali ta’ pika u rivalità żejda li għadna nsibu f’ċerti rħula ta’ wara l-muntanji, avolja hawn m’hawnx muntanji, u mhux li kellna muntanji!
Il-valur storiku ta’ kull wieħed mill-jiem nazzjonali ċertament m’għandux jiddependi fuq kemm il-Gvern tal-ġurnata jiddeċiedi li jaħraq liri f’murtali, pavaljuni u festini. Il-ġudizzju storiku għandna nħalluh f’idejn l-istoriċi avolja f’pajjiż polarizzat bħal tagħna ftit li xejn hawn fiċ-ċirkolazzjoni storiċi oġġettivi u spassjonati, u xi kultant dawn issibhom rashom sħuna aktar minn Ċikku l-poplu. Mill-bqija kulħadd għandu jħossu liberu li jiċċelebra kull jum nazzjonali kif iħoss hu.
Min jilbes il-blu jew l-aħmar minn rasu sa saqajh u jmur iross fil-folla, u min għalih dawn il-festi huma ġranet bħall-oħrajn, inkella sempliċi pont biex itawwal tmiem il-ġimgħa, għax kull skuża tajba biex taqta’ mir-rutina tax-xogħol. U mill-bqija hawn ħafna li jiġu jaqgħu u jqumu mill-Istorja u l-protagonisti li sawruha.
Jum nazzjonali qatt ma jista’ jkun tabilħaqq nazzjonali jekk għal xi raġuni jew oħra, nofs il-popolazzjoni jew aktar, ma tistax tidħol fl-ispirtu tas-sinifikat ta’ dak il-jum partikolari, tisforza kemm tisforza.
Il-jiem jew il-festi nazzjonali suppost li jservu ta’ sors ta’ ispirazzjoni patrijottika li ġġegħilna nħossuna kburin li aħna niffurmaw parti minn nazzjon wieħed. Imma flok xettlu u kattru s-sens ta’ għaqda nazzjonali, dawn l-anniversarji storiċi komplew iħaffru l-gandotti tal-firda fis-soċjetà tagħna.
Ftit li vera ftit huma dawk il-ġranet fejn konna tabilħaqq magħqudin bħala poplu. Li ma kienx għall-fatt li jinsab wisq viċin tal-Milied, is-27 ta’ Diċembru 1957 kien ikun ideali bħala jum nazzjonali. Dakinhar Gvern u Oppożizzjoni kienu rieda waħda u fehma waħda li d-destin tagħna kien li nterrqu għal rasna għal għonq it-triq mingħajr l-Ingliżi u għalhekk il-famuża ‘Break with Britain Resolution’ li kienet bdiet il-mixja għall-Indipendenza.
Jum nazzjonali jista’ jkun liema jkun, anki l-iktar wieħed insinifikanti, imbasta nħossuh ikoll f’qalbna bħala ulied, aħwa, ejja ngħidu kuġini Maltin. M’hemmx għalfejn jum bħal dan ikun ifakkar l-erojiżmu u l-kobor ta’ xi protagonist fl-istorja, imma biżżejjed jekk ikollu xi forma ta’ valur simboliku li jagħtina tifsira bħala poplu.
Għalfejn mhux pereżempju t-2 ta’ Marzu 1945 meta fi kliem Rużar Briffa ‘Il-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, - miskin min jidħak bija!’?, meta fl-Istadium kienet saret protesta spontanja mill-partitarji Maltin qabel ma bdiet il-logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u t-tim Jugoslav, Hadjuk Split?
Il-banda King’s Own daqqet kemm l-innu nazzjonali Jugoslav u kemm il-God Save the King u l-folla tfanstet u bi protesta għax ma kienx indaqq l-innu Malti qamet bil-wieqfa u b’mod spontanju bdiet tintona l-Innu Malti.

 

Intervista
Mill-palk għal fuq l-altar

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”




Wenzu Mintoff
Il-kotra qamet f’daqqa



Carmelo M. Bonnici
Populiżmu sproporzjonat



Joe Ellis
Il-presidenza u r-rwol li ġġorr magħha



Emmanuel Micallef
Kunsilli ġodda?



Toni Abela
Min huma dawn l-esperti?


Il-Punt - Catherine Fleri Soler
L-internet – għodda jew arma?


Jiktbu l-kandidati

Alan Deidun PN

John Spiteri – AN

Maria Camilleri - PL

Arnold Cassola– AD

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan