Toni Abela | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Illum m’għandniex ngħixu f’dinja ta’ dilettanti. Aktar ma l-ħajja tikkomplika ruħha, aktar tiżdied il-ħtieġa tal-esperti. Anzi jien ngħid, li l-kwalità ta’ ħajja ta’ poplu saret tiddependi fuq il-kwalità tal-esperti li jkollu l-Gvern.
Anke f’Malta, il-kelma esperti saret komuni ħafna u f’ħalq kull politikant. Dan jgħodd mhux biss għal min qiegħed fil-Gvern iżda wkoll għall-Oppożizzjoni. Meta l-Partit Laburista joħroġ b’xi dokument bażiku fuq kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali ma tkunx l-ewwel darba li jitlob il-parir tal-esperti.
Iżda anke meta l-affarijiet isiru bis-serjetà dan mhux biżżejjed. Il-mexxejja Nazzjonalisti malajr joħroġ jistaqsu min huma dawn l-esperti. Il-mistoqsija qatt ma ssir b’rieda tajba, iżda biex jiġi skreditat ir-rapport flok biex issir diskussjoni b’saħħitha dwar il-proposti f”dak ir-rapport.
Meta l-Partit Laburista ħareġ informazzjoni b’ċifri ekonomiċi ta’ interess nazzjonali l-Gvern mill-ewwel imbarka fuq kaċċa tas-sħaħar. Mill-ewwel xela uffiċjal tal-Bank Ċentrali li kien is-sors ta’ informazzjoni privileġġata. Wara rriżulta li min dak kollu li kien intqal ma kien hemm xejn. L-uffiċjal ġie skolpat minn kummissjoni ta’ inkjesta.
Il-Gvern ma kienx kuntent u ċaqlaq il-lasti billi qal li l-biċċa xorta ma waqfitx hawn.
Ħaġa tassew stramba kif kull meta l-Oppożizzjoni toħroġ b’xi pożizzjoni politika hemm min malajr jistaqsi min kienu l-esperti li taw il-pariri. Meta minn naħa l-oħra jkun il-Gvern li jieħu pożizzjoni jew iħabbar xi miżura mhux flokha, l-istess nies ma jużawx l-istess riga ta’ kritika.
Dan qed ngħidu għax aktar għandu jkun hemm interess ma’ min qiegħed jikkonsulta l-Gvern, milli ma’ min qiegħda tikkonsulta l-Oppożizzjoni. Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni tibqa’ dejjem proposta, mentri dik tal-Gvern hemm iċ-ċans tajjeb li ssir liġi u toqros fil-laham il-ħaj.
Għalija hi gravi ħafna li l-Gvern jinħeba wara l-opinjoni ta’ espert kull meta jieħu deċiżjoni li toqros, mingħajr ħadd ma jistaqsi dwar min kien dan l-espert. Mhux biss biex insiru nafu l-kredenzjali tal-esperti, iżda biex niskopru jekk hux veru li kien hemm espert.
Il-mod kif il-Gvern meta jaqbillu jgħid ħaġa u meta ma jaqbillux jgħid oħra, għandna indikazzjoni ċara dwar hux vera jeżistu dawn l-esperti. Dan ix-xenarju ta’ suspett rajnieh f’diversi okkażjonijiet li kienu tal-akbar interess għall-poplu Malti kollu.
Biex nieħu eżempju nsemmi l-kwistjoni tal-ħlas lura tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi. Il-Kummisjoni Ewropea f’opinjoni kontra l-Finlandja, l-Awstrija u Malta, għamilitha ċara li VAT fuq ħlas ta’ reġistrazzjoni mhix konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-punt hu wieħed faċli ħafna: ma jistax ikollok taxxa fuq taxxa. Prinċipju li għandu jkun applikat anke kieku ma konniex fl-Unjoni Ewropea.
B’danakollu l-Gvern jibqa’ jinsisti li ma jridx iħallas. Din l-insistenza, minħabba li sal-lum m’hemmx senetenza kontra l-Gvern u minbarra dan, għax hekk qalulu l-esperti. Kull meta staqsejt min huma dawn l-esperti qisni qed inkellem il-ħajt. Jekk ma jgħidulekx ukoll li mhux fl-interess pubbliku li jgħidu min huma, meta m’għandniex xi ngħidu dawn żgur li huma mħallsa mit-taxxi tagħna.
Naħseb li naqblu, li jekk skont dawn l-esperti l-Gvern qiegħed fit-triq it-tajba, din it-taxxa suppost li xorta għadha tinġabar. Iżda minn sa ftit taż-żmien ilu, VAT fuq ir-reġistrazzjoni m’għadhiex tinġabar. Ma nafx jekk kinux l-istess esperti li tawh parir biex jagħmel dan. Il-fatt li m’għadx hemm VAT fuq ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi jfisser li l-Gvern ma kienx fit-triq it-tajba.
Il-kaċċa fir-rebbiegħa issa waqfet għal kollox. Dan ikkonfermah il-Prim Ministru fuq il-programm televisiv Dissett. Ir-raġuni hi sempliċi ħafna, għax skont hu, hemm kawża pendenti. Anzi qal aktar minn hekk, għax hekk qalulu l-esperti. Għaldarba oħra ma nafux min huma dawn l-esperti. Il-pożizzjoni tal-Gvern hi dijametrikament opposta għal dik li qiegħed jieħu fil-każ tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi.
Meta l-Unjoni Ewropea qaltilna li l-Gvern ma setax jieħu ħlas għad-dixxijiet tat-televiżjoni bis-sattelita, il-Gvern ħareġ ta’ raġel u beda jħallas lura xi flejjes li laħaq ġabar. Dakinhar li Gvern ma qagħadx jargumenta li mhux se jħallas għax ħadd ma ħadu l-Qorti. Meta erġajt staqsejt għaliex ħallas, minkejja li ma kien tilef ebda kawża, it-tweġiba mill-ewwel kienet għax dak kien il-parir li ngħata mill-espert. Jien għandi għalfejn nemmen li ma kien hemm xejn minn dan kollu. Id-differenza bejn il-każ tad-dixxijiet u dak tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni fuq il-vetturi hi kbira. Fil-każ tal-aħħar se jkollu joħroġ €50 miljun, li issa qied jaraha diffiċli biex iroddhom lura, mentri f’tal-ewwel is-somma li kellu joħroġ kienet redikola. Fi ftit kliem, il-Gvern jammetti biss dawk l-iżbalji li jiġuh bl-irħis. Fuq kollox qatt ma nsiru nafu minn huma dawn l-esperti.
Mhu sewwa xejn li kull meta l-Gvern isib dahru mal-ħajt dejjem jinħeba wara l-uċuh anonimi tal-esperti.
Qisna qegħdin f’wieħed minn dawk il-ballijiet fejn ħadd ma jintgħaraf għax kulhadd liebes maskra. Qiegħed tiżfen u ma tafx minn hu dak ta’ faċċata tiegħek. Qisna bħal illużjonisti li jispeċjalizzaw fil-maġija li joħorġu fenek minn gol-kappell. Kull meta l-Gvern ma jkollux spjegazzjoni minflok joħroġ espert.
Dawn l-esperti, jekk tassew jeżistu, jiġu jiswew lill-Gvern mijiet ta’ eluf ta’ ewro. X’jiena ngħid? Dawn jitħallsu minna għax fl-aħħar mill-aħħar, la Austin Gatt u lanqas Tonio Fenech mhuma se joħorġu ċenteżmu mill-but.
Iżda kull meta nistaqsi min huma dawn l-esperti dlonk iwieġbu li mhux fl-interess tiegħi. Qisni bħal meta mort nieħu parir mingħand avukat u flok mort niltaqa’ wiċċ imb wiċċ miegħu fl-uffiċċju, il-parir nieħdu minn wara t-tilar ta’ konfessjonarju.
Li nkunu nafu min huma dawn l-esperti hu ta’ interess pubbliku u mhux bil-kuntrarju. Għandna dritt nagħrfu l-kompetenza tagħhom fis-suġġett li dwaru jagħtu parir. Għandna dritt inkunu nafu jekk huwiex xi espert sostenitur politiku tal-Partit fil-Gvern u li dan tassew ikun qiegħed jagħti parir, u mhux jgħid lill-Gvern jagħmel bħal qattusa meta toħroġ barra fil-ħamrija.
Wara kollox il-Gvern qiegħed jagħti servizz u aħna l-konsumaturi. Safejn naf jien id-drittijiet tal-konsumaturi saru sofistikati ħafna u d-dritt bażiku ta’ kull konsumatur hu dak li jkun jaf min fejn ġej il-parir.
Iżda l-akbar kontradizzjoni toħroġ, meta fejn il-Gvern għandu jieħu parir u jikkummissjona studji, dejjem joqgħod lura. Meta dan l-aħħar il-Kummissjoni tal-Knisja dwar il-Familja ħarġet bi studju soċjologiku dwar il-familja Maltija, bqajt mistgħageb kif il-Gvern ma jikkummissjonax fuq bażi regolari studji ta’ din ix-xorta.
Il-pariri jeħodhom biss dwar kwistjonijet materjali jew ta’ finanzi, iżda fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ natura soċjali l-Gvern hu kważi nieqes għal kollox. Anzi biex jiffranka mill-ispejjeż tal-esperti f’dan il-qasam, jistrieħ fuq l-esperti ta’ ħaddieħor. Jekk ma tridx, lil dawn l-esperti narawhom għax għandhomx wiċċ u isem.
Dawk tal-Gvern għandhom mill-Phantom Of The Opera. Iwerwruna u ma nafux min huma.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Catherine Fleri Soler
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|