MediaToday

Sports | 05 ta’ April 2009 Nr 126

Il-ħajja ta’ difensur b’ħafna esperjenzi

Mark Attard

Il-persuna jibqa’ popolari mal-pajjiż minħabba s-snin twal li għamel jilgħab fil-qalba tad-difiża ta’ Floriana u t-tim nazzjonali Malti. Ma’ dawn it-tnejn wieħed iżid il-fattur ta’ kunjomu li minkejja li ta’ Holland huma razza waħda, minbarra hu nnifsu, kellu s-sitt ħutu subien kollha jilagħbu l-ballun. Madankollu m’hemmx dubju li kif issemmi l-kunjom Holland l-ewwel wieħed li jiġi f’moħħ kull dilettant huwa bla dubju John.
Iltqajt mal-eks difensur nazzjonali nhar l-Erbgħa wara nofsinhar. Insibu jistennieni preċiż fil-post li ftehimna u kif inpoġġi quddiemu nippreparah x’ridt eżatt mingħandu. Ridt tweġibiet għal mistoqsijiet fuq ħajtu tal-lum il-ġurnata, fuq l-ewwel klabb tiegħu l-Melita, fuq Floriana u bla dubju fuq it-tim nazzjonali ta’ żminijietu.
Jgħidli li l-fatt li jingħata priorità fuq il-mezzi tax-xandir mhix xi ħaġa mill-favoriti tiegħu. U nemmnu. L-ewwel mistoqsija nipprova nagħmililu mill-iktar faċli. Nemmen li rnexxieli għax waqt li jwieġeb deher rilassanti ħafna. John Holland jibda jitkellem fuq il-karattru tiegħu u l-logħba tal-futbol.
“Jien nara lili nnifsu bniedem kalm. Miniex xi wieħed li jdejquni ħafna affarijiet. Inħobb inkompli ma’ kulħadd u ma jdejjaqni ħadd.
“Il-futbol fisser ħafna affarijiet differenti għalija. Il-karriera kienet maqsuma fi tliet perjodi. Hemm dik ta’ meta kelli 16-il sena, dik ta’ meta mmaturajt fil-logħba u dħalt anki fit-tim nazzjonali u llum li rtirat. Il-futbol l-isbaħ logħba li hawn u sinċerament sirt nammira aktar lit-tfal ta’ bejn sitta jew tmien snin li nsegwi fin-nurseries.
“Nara wkoll akkaniti kbar tal-logħba lil dawk il-ħbieb li jingħaqdu u jmorru jilagħbu xi 5-a side. Dawk li ma jkunux fi stat ta’ plejer tal-futbol joħroġ aktar akkaniżmu minnhom u meta jagħmlu xi gowl jimmaġinawhom qed jilagħbu f’xi stadium mimli nies.
Imbagħad hemm il-futbol l-ieħor tal-professjonali li jien ngħid li llum il-ġurnata minn arti spiċċa xjenza. Però dan ġara mhux fil-futbol biss. Sport bħat-tennis, boxing u Formula 1 kellhom avvanzi kbar matul dawn l-aħħar snin. Illum f’kull sport biex tikkompeti mal-aqwa tad-dinja jrid ikollok livelli eċċezzjonali.”
Minkejja li l-bniedem huwa sinonimu mal-klabb Furjaniż kienu Melita li bdewlu l-karriera tant kbira u sabiħa li kellu.
“Ma’ Melita għamilt sentejn fit-Tielet Diviżjoni. Tlaqthom meta kont mal-Minors. Niftakar li kull logħba li konna nilagħbu fil-grawnd tax-Schreiber ma kienx ikun hemm post vojt iżda żgur li qatt ma kienu jkunu nies tagħna. Il-klabb beda amateur u baqa’ hekk sal-lum. Konna nitħarrġu kuljum wara l-iskola għal ftit ħin biss u forsi għalhekk qatt ma stajna nikkompetu mat-timijiet il-kbar li kien hawn fil-pajjiż dak iż-żmien.
“Dak iż-żmien fil-Furjana l-passatemp ta’ kull tifel kien li jilgħab il-futbol. Missieri u ommi kienu minn dejjem Furjaniżi akkaniti. Ta’ 14-il sena missieri ma kienx iħallina nilagħbu ma’ Floriana u kien għalhekk li mort ma’ klabb ieħor. It-toroq tal-Furjana kienu dejjem b’nies moħħhom biss fuq il-logħba tal-futbol.”
Jirrakkuntali x’ġara biex sab ruħu plejer tat-tim ta’ qalbu.
“Kont noqgħod il-Furjana u minn dejjem partitarju tal-Greens. Niftakar li kien hemm il-gowlkiper Gera li kien parti mit-transfer tiegħi u ta’ ħija Julian. Il-Kumitat ta’ Floriana ta’ dak iż-żmien kienu dejjem jarawna nilagħbu fit-toroq u kienu ilhom jgħidulna biex immorru magħhom. Sa fl-aħħar ikkonvinċewna.”
John ikellimni fuq il-familja tiegħu u ħutu s-subien. Joqgħod ftit lura meta nistaqsih jekk kienx hu l-aktar wieħed li għamel suċċess mill-karriera. John kien l-uniku wieħed fost ħutu li rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA…u darbtejn fl-istaġuni 1975/76 u 1977/78.
“Aħna konna seba’ subien u tifla bħala aħwa u s-sebgħa li aħna lgħabna xi darba jew oħra futbol kompetittiv ma’ xi klabb. Konna nilgħabu fl-Ewwel Diviżjoni u anki f’diviżjonijiet inferjuri.
“Jekk tieħu mil-logħbiet li lgħabt ngħidlek li forsi vera. Però jien kelli żvantaġġ għax kif jaf kulħadd l-iktar plejers li jidhru huma dejjem dawk li jilagħbu fuq quddiem mentri jien dejjem lgħabt difensur. L-iktar li lgħabt bħala stopper jew libero.
“Fi żmien l-iskola kont inħobb lil Sandro Mazzola u għażilt in-numru 8 wara dari u bdejt nilgħab midfielder sakemm darba minnhom ġie fuqi l-kowċ u qalli li rrid nibda nilgħab full back. Anki ma’ Floriana, fil-verità bdejt bħala full back għall-ewwel 10 logħbiet sakemm darba minnhom ma kienx hemm is-centre half u lgħabt floku.”
John Holland twieled fil-5 ta’ Lulju 1953 u joqgħod il-Furjana. Ħutu Julian, Henry, Jeremy, Dorian, Nigel, u Christian kienu kollha plejers ma’ diversi klabbs rispettivi f’Malta filwaqt li Therese hija l-uniku mara fost l-aħwa kollha li miżżewġa lill-eks kowċ Ingliż tal-kampjonat Premier Malti Andy Weavill. Miżżewweġ lil Louise u missier ta’ żewġt itfal, Abigail u Jonathan, il-plejer ta’ Birkirkara. Ikellimni fuq ibnu.
“Lil Jonathan xtaqtu jibqa’ ma’ Floriana. Jonathan Furjaniż u għadu jħobb lil Floriana. Kien qed iħoss il-pressjoni għax minn dejjem xtaq li xi darba jirbaħ unur ma’ Floriana u dan beda jaħdem negattiv fuqu. Iżda kemm għalih u kemm għal Floriana għażel l-aħjar triq u mar jilgħab barra minn Malta. Kultant għadna nitkellmu. Ġieli jaqbel miegħi u ġieli le. Iżda llum mhux tifel żgħir u ta’ 30 sena l-affarijiet għal ħajtu jrid jarahom hu. Żgur li ma’ Birkirkara se jagħmel minn kollox biex jaqdi dmirijietu.”
Id-diskors idur fuq il-klabb ta’ Floriana u ż-żminijiet tiegħu. John għandu l-unur jgħid li bil-flokk aħdar lagħab ma’ wieħed mill-aqwa timijiet Maltin ta’ kull żmien ma’ ħafna plejers ta’ klassi.
“Fil-bidu li dħalt kienu diġà tajbin ħafna. Niftkar plejers bħal Willie Vassallo, Frankie Micallef, Louis Arpa, Anton Camilleri u George Ciantar. Kellna tim kbir u ġie perjodu fejn ma stajna nitilfu logħba b’xejn. Ammont kbir minna konna nintgħażlu ma’ Malta. Hemm differenza kbira mit-tim ta’ dak iż-żmien għat-tim tal-lum.
“Illum waqaft imma għadni nsegwi lil Floriana regolari. Taqta’ għal dawn l-aħħar sentejn kont nitla ta’ spiss il-grawnd. Nispera li xi darba terġa’ ddur ir-rota u nkunu aktar kompetittivi. Nixtieq nerġa’ nibda nara lil Floriana jisfidaw għall-unuri. Baqgħu f’qalbi wisq.”
John iddebutta mat-tim nazzjonali fl-24 ta’ Awwissu 1974 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Libja u b’kollox lagħab 61 darba bil-flokk aħmar. Dan kollu kien ifisser għalih diversi esperjenzi differenti.
“Sfortunatament mat-tim nazzjonali l-memorji sbieħ ma kinux mill-iktar spissi. Kellna logħbiet tajbin u oħrajn li tlifna bi scores kbar li huma l-aktar li tibqa’ tiftakar. Jien kont lgħabt il-logħba kontra Spanja u kien hemm xi logħbiet oħra li fihom qlajna tmienja u disa’ li bilfors li nibqa’ niftakarom.”
Fil-pront ninterrompih! Għidli aktar fuq il-logħba ta’ Spanja…
“Riedu differenza ta’ 11-il gowl biex jikkwalifikaw u rnexxielhom. Ma kinitx faċli li jagħmluha iżda għamluha. Kienu skurjaw it-12-il gowl xi 6 minuti qabel it-tmiem.
“Kulħadd jibqa’ jsemmi t-12 li qlajna ma’ Spanja. Darba qlajna 9 mal-Ġermanja u kienet l-aħħar logħba tal-grupp u bil-Ġermaniżi diġà għaddew. L-ewwel rawnd spiċċajna 0-0 u naħseb li riedu jpattuhielna. Ma kienx hemm interess iżda xorta qlajniehom. Illum intesiet għax ma kienx hemm interess.
“Minkejja li qlajna 9 John Bonello spiċċa l-aħjar plejer tal-logħba u nżamm fil-Ġermanja għal prova ma’ klabb Ġermaniż. F’ħajti, kemm ili nara l-futbol qatt ma rajt gowlkiper jilqa’ daqshekk. Kieku ma kienx f’dik il-vena kienu jkunu ħafna aktar minn disgħa.
“Iżda f’14-il sena li lgħabt jien kellna wkoll partiti li fihom morna tajjeb. Niftakar il-logħba kontra t-Torok, kontra l-Portugall u l-Greċja. Niftakar ix-xena ta’ meta skurjajna kontra l-Ġermanja tal-Punent. Niftakar il-borra nieżla u Ernest Spiteri Gonzi jiġri u l-grawnd f’silenzju sħiħ. Kien waqa’ kwiet kbir mal-partitarji għax ħadd ma stenniha.
“Imbagħad niftakar plejers li mpressjonawni mmens bħala Tahamata tal-Belġju. Konna lgħabna ma’ Standard Leige. Lgħabt kontra ħafna aktar plejers kbar u ta’ fama iżda nzertaw qatt ma kienu daqshekk deċiżivi kontrina. Tahamata kien baqa’ f’moħħi. Kien mal-Ajax qabel Standard Leige.”
Bla dubju ta’ xejn l-aktar plejer Malti ta’ kull żmien li jibqa’ jissemma fid-difiża huwa John Buttigieg. John lagħab għal diversi snin miegħu fl-istess tim u viċin tiegħu fil-grawnd. Nitolbu jiddiskrivihuli.
“Buttigieg kien kbir wisq. Darba kien għamel żball kontra l-Finlandja li sofrejna gowl minnu. Tant kienet xi ħaġa rari minnu li l-ħaġa baqgħet tissemma sal-lum. Sa fl-aħħar bdejna ngħidu li dan uman u għamel żball. Tant kemm kien tajjeb li ħadd ma stenniha minnu. Kellu kunfidenza kbira li kien jgħin lil kulħadd.
“Iżda fi żmieni lagħabt ma’ ħafna kbar ukoll. Jien kont fortunat li lgħabt f’ħafna żminijiet differenti. Għall-bidu tiegħi niftakar lil Eddie Theobold u Ronnie Cocks. Imbagħad kien hemm oħrajn li kważi kienu tampari bħal Willie Vassallo u Louis Arpa sakemm ġew dawk li daħlu warajja bħal Norman Buttigieg, Gużi Xuereb, Raymond Xuereb, Ray Vella, Carmel Busuttil, Alex Azzopardi, Michael Degiorgio u John Buttigieg.”
Nagħmillu l-iktar mistoqsija diffiċli ta’ din l-intervista. Imma minn tant snin ta’ futbol ma’ tant plejers differenti min taħseb li kien l-aqwa wieħed u l-aktar wieħed komplut?
“L-aħjar wieħed ma ngħidlekx iżda jekk tgħidli l-aħjar tlieta ngħidlek li kienu Raymond Xuereb, Carmel Busuttil u Raymond Vella.
“Il-Bużu kellu klassi kbira f’kampjonati barranin ukoll u għamel snin twal jilgħab barra minn Malta.
“Il-Mundu niftakar li kien għajjatlu għall-ewwel darba man-nazzjonal meta kellu 27 sena. Konna morna training camp il-Bulgarija u jien qatt ma kont rajtu jilgħab qabel. Kien għaġġibna bil-ballun li kellu f’saqajh. Konna waqt it-taħriġ u kien qed jieħu pjaċir iżommu f’saqajh u joqgħod idur bih magħna.
“Il-Weber l-istess, kien kontinwu. Kellu kollox. Jaf jaqbeż plejer, jixxuttja biż-żewġ saqajn u stupend bir-ras. Kien komplut u ma ssiblux difett.”
Fil-preżent John huwa l-head coach tan-nursery ta’ Mosta. Lejn l-aħħar tal-intervista nistaqsih jekk għandux ħsieb li narawh kowċ ma’ xi tim tal-Premier.
“Ma’ Mosta sejjer tajjeb u tajjeb ħafna. Ninsab kuntent. Qed nieħu pjaċir nagħmel biċċa xogħol u nkun involut f’biċċa xogħol mal-Youths. Is-sitwazzjoni togħġogħbni u l-għan tiegħi huwa li nbiegħed lit-tfal iż-żgħar minn ċerti vizzjijiet tal-ħajja li jistgħu jidħlu fihom filwaqt li nipprova noħroġ l-aħjar tat-talent tagħhom.
“Għal ma’ tim tal-Premier kelli offerti iżda qatt ma aċċettajt. Ġieli staqsewni iżda qatt ma kont imħajjar li nagħmilha. Ilum naħdem u nara l-futbol. Kultant immur il-granwd nara lil Jonathan u lil Floriana. Il-bqija nqatta’ ħafna mill-ħin nara l-Mosta u lil Arsenal fuq it-televiżjoni.”
John Holland jirringrazzja lil dawk kollha li għenuh matul il-karriera.
“Kulħadd għeni. Għall-bidu missieri ma kienx iħallini minħabba l-istudji iżda mbagħad dejjem sibt appoġġ sħiħ. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-mara tal-paċenzja li dejjem ħadet bija u lil ħuti li minn ta’ età żgħira kienu l-ikbar partitarji tiegħi. Kienu batew xi ftit minħabba fija għax kienu jqabbluhom miegħi. Sibt dejjem ta’ ħbieb kbar fi kwalunkwè kowċ u plejers li kont magħhom u dawn żgur li ma nista’ ninsiehom qatt.”

 

Intervista
Mill-palk għal fuq l-altar

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”




Wenzu Mintoff
Il-kotra qamet f’daqqa



Carmelo M. Bonnici
Populiżmu sproporzjonat



Joe Ellis
Il-presidenza u r-rwol li ġġorr magħha



Emmanuel Micallef
Kunsilli ġodda?



Toni Abela
Min huma dawn l-esperti?


Il-Punt - Catherine Fleri Soler
L-internet – għodda jew arma?


Jiktbu l-kandidati

Alan Deidun PN

John Spiteri – AN

Maria Camilleri - PL

Arnold Cassola– AD

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan