Pjazzetta | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Drammi
Illum u 8 ta’ April
Sallabtni
Skene qed itellgħu xogħol oriġinali ta’ Ġwann Abela, li qed jidderiġih ukoll fit-Teatru Metanoia ta’ Ħal Luqa. ‘Sallabtni’ ma jibżax jistaqsi u wisq inqas iqanqal il-ħsieb għax id-dehra tal-Mislub fuq l-għuda mhix biss spettaklu ta’ ġrajja li kienet imma hi sejħa għall-ħajja, sejħa għal mixja fid-dawl.
Dan id-dramm ma jimpurtahx jekk il-ġrajja tat-tbatija hix isseħħ f’riġlejn il-kalvarju jew wara l-bieb ta’ xi dar fil-gżira Maltija. It-traġedji umani kienu u jibqgħu l-isfida għal kull min jemmen wisq aktar meta f’dawn it-traġedji jintlaqtu l-membri tal-familja tagħna. Jieħdu sehem fost l-oħrajn Andrè Penza, Mark Mifsud, Veronica Farrugia, Frida Cauchi, Sarah Lee Zammit, Raymond Darmanin, Anna Basily, Chris Penza, Jonathan McKay, Joseph Fenech, Anthony Cini, Duncan Azzopardi, Sandro Farrugia, Donna Galea u oħrajn flimkien ma’ korp ieħor ta’ atturi li se jiffurmaw qafas ħaj għall-ġrajja.
6, 7 u 8 ta’ April
Id-Dawl tal-Ħajja
Spettaklu ta’ nar, mużika, dawl u żfin imtella’ mill-Qormi Pageant Group San Sebastjan fuq iz-zuntier u l-pjazza tal-Knisja ta’ San Sebastjan, f’Ħal Qormi fit-8pm. Rakkont tal-istorja tat-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu.
Għandu kitba oriġinali u direzzjoni ta’ Sebastian Aquilina u hu msejjes fuq il-kitba tal-erba’ Evanġelisti.
Illum u 8 ta’ April
THEOS
Dramm fi tliet atti minn PROPS Productions b’kitba u direzzjoni ta’ Carlos Cachia. Jieħdu sehem Hermann Bonaci, Rachel Micallef, Ray Cutajar, Sandro Attard, Rainer Cassar, Sarah Camilleri, Michael Ciantar, Lawrence Pace u Jason Curmi.
Fl-ewwel jum se jsir fis-City Theatre, Triq il-Fran il-Belt fis-7.30pm. Il-biljetti jqumu €7 u jixtraw minn 77057777, 99150277.
Fit-8 ta’ April fis-Sala Padova, Triq Dun Pawl Vella, Tas-Sliema (ħdejn il-Knisja tas-Sacro Cuor) fis-7.30pm bis-saħħa tal-Kummissjoni Festi Parroċċa Madonna tas-Sacro Cuor.
Il-biljetti jinkisbu mis-Soċjetà Filarmonika Sliema, 34, Triq San Trofimu; Simler’s Confectionery, Triq San Ġwann il-Battista, Tas-Sliema u MAJ Morris Stationers, Triq Rudolfu, Tas-Sliema. Ċempel 99490627, 99862162
8 ta’ April
Komplott il-Fidwa
Għall-ewwel darba s-St Philip Pagent Group fi ħdan l-Għaqda Każin Banda San Filep se jtella’ rappreżentazzjoni ħajja bi kwadri u xeni tal-passjoni madwar Misraħ San Filep u Triq Sciortino f’Ħaż-Żebbuġ fis-7.30pm. Id-dramm, b’addattament u kitba ta’ Brian Bonnici, jorbot il-ġrajjiet tal-lum mal-ġrajja tal-fidwa li twettqet 2000 sena ilu fuq il-Golgota. Direzzjoni Sandro Cilia.
Kunċerti
Illum
Għodwa Mużikali u Letterarja
Kunċert ta’ mużika sagra li fih jindaqqu xogħlijiet minn Rossini, Bizet, Verdi, Pusceddu, Flavio Bar u Handel u għażla ta’ marċi funebri tal-aqwa kompożituri Maltin u Taljani.
Is-solisti huma mill-iskola tal-mużika Mro Cardenio Botti fi ħdan l-istess soċjetà u jidderieġi l-għalliem tat-teorija Lesley Tabone. Se jkunu interpretati għadd ta’ poeżiji b’temi sagri fosthom tal-poeti Dun Karm Psaila, Anton Buttigieg, Ruzar Briffa u Patri Marjanu Vella.
Jibda fl-10.30am fis-Sala tal-Kultura tas-Soċjetà fil-Palazzo Sliema, 34, Triq San Trofimu.
Mat-Toroq
5 ta’ April
Fid-9am toħroġ purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm bis-sehem tal-kleru, abbatini u l-fratelli mill-Parroċċa San Sebastjan f’Ħal Qormi.
10 ta’ April
Il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja se takkumpanja l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-Banda San Filep ilha tagħmel dan sa mit-twaqqif tagħha f’nofs is-seklu 19. Għal 40 sena kienet takkumpanja kull sena. Mill-1892 ’l hawn iddoqq sena iva u oħra le peress li talterna mal-Banda De Rohan. Meta ma ddoqqx fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Banda San Filep iddoqq fl-Irxoxt ta’ Ħaż-Żebbuġ.
12 ta’ April
Birkirkara
Purċissjoni fis-6pm bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt akkumpanjat mill-Banda Sant’Elena. Jieħdu sehem nies lebsin ta’ suldati Rumani u nies Bibbliċi kif ukoll l-Iscouts ta’ Birkirkara.
12 ta’ April
Fid-9am toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt bis-sehem tal-kleru, abbatini u l-fratelli mill-Parroċċa San Sebastjan f’Ħal Qormi. Jagħtu sehemhom ukoll il-Banda San Sebastjan bi ħruq ta’ murtali u murtaletti u l-Għaqda Armar San Sebastjan bit-tiżjin tat-toroq. F’12.00pm isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier u fin-12.30pm ġirja tradizzjonali tad-dħul bi żbruffaturi ta’ karti kkuluriti maħdumin mill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi.
12 ta’ April
Ħaż-Żebbuġ
Tieħu sehem il-Banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ f’purċissjoni li toħroġ mill-Knisja Arċipretali fid-9am immexxija mis-Surmast Hermann Farrugia Frantz. Dakinhar jindaqqu diversi valzi tal-Għid b’kompożizzjonijiet ta’ surmastrijiet Maltin u barranin. Jindaqqu wkoll diversi marċi brijużi mir-repertorju tal-istess banda.
Taħlita
9 ta’ April
Birgu
Għall-ewwel darba l-Kunsill Lokali tal-Birgu qed jorganizza Ħamis ix-Xirka għad-Dawl tax-Xemgħa f’ċerti partijiet storiċi tal-belt. Fil-lokal se jkun 14-il wirja għaddejja li jinkludu erbgħa bi statwi life size, diversi wirjiet ta’ mwejjed tal-appostli u settijiet ta’ statwetti.
Fin-naħa ta’ Couvre Porte se jittellgħu siltiet minn Jesus Christ Superstar minn grupp ta’ żgħażagħ lokali Square Wheel Entertainment. Fit-toroq ewlenin se jkun hemm pageant bil-personaġġi bibbliċi imtella’ mit-Tarxien Pegeant Group.
L-attività se tinvolvi madwar 70 volontier mil-lokal minbarra n-nies li se jieħdu sehem.
Talb
9 ta’ April
7 viżti madwar diversi rħula
Fit-9pm titlaq coach minn ħdejn il-każin Pinto, organizzata mill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi.
9 ta’ April
7 viżti fir-Rabat u l-Imdina
Il-Kumitat tan-Nisa fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba se jorganizza żjara fir-Rabat u l-Imdina għas-Seba’ Viżti, f’diversi knejjes u kappelli b’rabta mat-tifkira tal-Passjoni Ġesù Kristu.
Se jkun hemm transport provdut li jitlaq mill-Pjazza tal-Imqabba fit-8pm wara l-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka. Kulhadd mistieden jattendi. Ċempel fuq 79539542 biex tibbukkja. Żur www.talgilju.com.
Wirjiet
Sal-11 ta’ April
Wied il-Għajn
Għas-sitt sena konsekuttiva l-Għaqda Muzikali Sant’Anna Wied il-Għajn qed ittella’ l-wirja fis-Sala Sant’Anna u San Ġwakkin taħt iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali f’Wied il-Għajn. Fiha mejda tal-Appostli fuq stil Bibbliku u diversi settijiet ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira u platti bl-għaġin. Żur www.stannebandclub.com jew ibgħat fuq stanneband@gmail.com. Ħinijiet tal-ftuħ: Fost il-ġimgħa mill-5.30pm sat-8.30pm, Sibtijiet mid-9am san-12.30pm u mill-5pm sad-9pm, Ħdud mit-8.30am san-12.30pm u mill-5pm sad-9pm, Ħamis ix-Xirka mill-5.30pm sat-8.30pm u l-Ġimgħa l-Kbira mid-9am san-12.30pm.
Sal-10 ta’ April
Tas-Sliema
Organizzata mis-Soċjetà Filarmonika Sliema flimkien mal-Kummissjoni Festi tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor fis-Sala tal-Kultura tas-Soċjetà stess f’Palazzo Sliema,Triq San Trofimu, Tas-Sliema. Jintwerew statwi life size, kwadri artistiċi antiki, ħwejjeġ sagri; xogħlijiet ta’ Arti Sagra, mudelli ta’ statwi; kurċifissi antiki inkluż l-Ecce Homo tal-gwardjan u komunità Frangiskana.
Ħinijiet tal-ftuħ: kuljum mis-6pm sat-8pm; fid-Duluri mill-5pm sad-9pm; f’Ħadd il-Palm mit-8am sa 12.00pm u mis- mis-6pm sat-8pm; f’Ħamis ix-Xirka mis-6pm sal-11pm u fil-Ġimgħa l-Kbira mit-8am sa 12.00pm.
Sal-10 ta’ April
Ħaż-Żebbuġ
Sitt wirjiet imtellgħin f’post wieħed mill-Każin Banda San Filep Ħaż-Żebbuġ ippreżentati b’effetti viżivi u akkumpanjati minn kummentarji informattivi imtellgħin fuq disinn ta’ Alfred Camlleri Cauchi li ħadem ukoll it-30 statwa kbira f’dawn il-wirjiet. Huma maqsumin f’żewġ partijiet iċ-Ċenaklu ppreparat b’ikel frisk skont ir-rit Lhudi, il-Kruċifissjoni u sett ta’ vari żgħar artistiċi maħdumin minn Anthony Magri u mdawwrin b’ornamenti bibliċi u tiżjin reliġjuż minn Jonathan Agius. It-tieni parti hi dwar id-Difna ta’ Kristu fil-qabar f’xelter taħt l-art; xeni mill-Via Crucis, sett ta’ nkwadri oriġinali, maħdumin bi stil alto-riljev, minn Antonio Mifsud u ambjentati fil-kuritur tax-xelter u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù b’rappreżentazzjoni awdjo-viżiva.
Ħinijiet tal-ftuħ: kuljum mill-10am sa 12pm u mis-6pm sal-10pm u Ħamis ix-Xirka sal-11pm.
Sal-10 ta’ April
Birkirkara
Imtella’ mill-Każin Banda Sant’Elena fix-xelter li jinsab fil-każin li tinkludi Ċenaklu fuq rit Lhudi, Ġesù fl-Ort, Xena taċ-Ċaħda ta’ San Pietru, Il-Flaġellazzjoni ta’ Ġesù, il-Golgota u l-Qabar ta’ Kristu. Dawn huma kollha magħmulin bi statwi ta’ daqs uman. Fil-post ikun hemm ukoll statwi u mudelli tal-purċissjoni u xogħol artistiku magħmlu bl-ismid.
Ħinijiet tal-ftuħ: mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-5.30pm sad-9.30pm, Sibt u Ħadd mit-8.30am san-12.30pm u mill-5.30pm sad-9.30pm, Ħamis ix-Xirka mill-5.30pm sas-1am u l-Ġimgħa l-Kbira mit-8.30am sat-3pm.
Sal-10 ta’ April
Ħaż-Żebbuġ
Imtella’ mill-Każin tal-Banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ u tikkonsisti f’vari tat-tafal maħduma fl-1986 mid-Disma taż-Żejtun, Sepulkru, bandalori, standardi, statwi mudelli u Mejda tal-Appostli fuq stil ornamentali magħmula minn platti u kwadri dekorati bis-smid u r-ross li juru simboli u episodji Bibbliċi marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Fil-wirja se jkun hemm riproduzzjonijiet tal-pitturi ta’ Pedro Orrente u Guido Reni fost oħrajn.
Id-dħul hu mingħajr ħlas.
Sal-10 ta’ April
Mqabba
Imtella’ għat-13-il sena mis-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba. Tikkonsisti f’Ċenaklu skont ir-Rit Lhudi armat f’dar tipika tas-seklu 18 fil-qalba tar-raħal faċċata tal-Kappella ta’ Sta Katerina fil-pjazza ewlenija. Tinkludi wkoll Arti Sagra antika u kontemporanja bil-kollaborazzjoni ta’ John Zammit u Rosemarie Caruana. Dħul bla ħlas. Żur www.talgilju.com.
Sal-10 ta’ April
Żejtun
Għas-sitt darba qed tintrama wirja ta’ disa’ vari ta’ 12-il pulzier f’mudell ta’ knisja. Xogħol maħdum bl-idejn mit-tafal u mlibbsa bid-drapp inkullat, irfinuti u miżbugħa mill-artist Noel Cauchi. Il-bradelli huma xogħol tal-ġewż interzjat maħduma minn Manwel Vassallo li beda wkoll sett brazzi artistiku fil-ferrobattuto għħal fuq l-istess bradelli.
Il-Knisja li jintramaw fiha il-vari hi ta’ 16-il pied b’10 u hi maħduma minn injam, ġibs u fibre minn Louis u Carmelo Mifsud fuq disinn ta’ Renzo Gauci. Il-knisja li hi ddedikata lil Marija Annunzjata u mibnija fuq stil neo-klassiku, b’kursija ta’ ħames navi u kor. Fin-navi jintramaw l-14-il stazzjon tal-Via Sacra.
Tinsab f’171, Triq il-Madonna tal-Ħniena, Żejtun (quddiem il-knisja tal-Madonna tal-Ħniena)
Ħinijiet tal-Ftuħ: Ħadd il-Palm mid-9am sa 12pm u mis-6pm sal-10pm, Ħamis ix-Xirka mid-9am sa 12pm u mis-6pm sal-11pm, il-Ġimgħa l-Kbira mid-9am sa 12pm u fil-ġranet l-oħra mis-7pm sal-10pm.
Sat-12 ta’ April
L-Għaqda Filantropika Talent Mosti qed itella’ l-11-il edizzjoni tal-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa fiċ-Ċentru ta’ Kultura Nazzjonali, fir-Razzett tal-Markiż, Triq Wied il-Għasel, il-Mosta. L-attrazzjoni ewlenija hi l-abbozz awtentiku tal-monument famuż tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Mosta li tħallas mill-benefattur, il-Kavallier Carmelo Dimech, muri għall-ewwel darba.
Ħinijiet tal-ftuħ: kuljum mill-5.30pm sad-9pm, Ħamis ix-Xirka mill-5.30pm sal-11.30pm, il-Ġimgha l-Kbira mid-9.30am sa 12.00pm u Ħdud mid-9.30am sa 12.00pm. Dħul b’xejn.
7 – 12 ta’ April
Bormla
Mejda tal-Appostli f’Razzett Medjevali u wirja ta’ pittura mill-artist Joseph Cilia f’Bir Mula Heritage, 79, Triq Sta Margerita. Dħul b’xejn iżda kull donazzjoni tkun apprezzata.
Ħinijiet tal-ftuħ: it-Tlieta u l-Erbgħa mis-6.30pm sat-8.30pm, il-Ħamis mit-8pm sal-10pm, il-Ġimgħa mill-10am sa 12pm u mis-6.30pm sat-8.30pm, is-Sibt mill-10am sa 12pm u l-Ħadd mid-9am sal-11am.