Jiktbu l-kandidati | 05 ta’ April 2009 Nr 126
L-Erbgħa li għadda l-Unjoni Ewropea ħarġet pjan ta’ addattament għat-tibdiliet fil-klima li qed iseħħu. Skont dan ir-rapport, il-pajjiżi tal-Mediterran bħal Malta, l-Italja, Spanja u l-Greċja se jkunu l-aktar milquta mit-tibdiliet fil-klima.
Dan ser iġib miegħu problemi għall-ekonomija tagħna f’dak li għandu x’jaqsam mal-agrikoltura, l-industrija tal-ikel u t-turiżmu, l-oqsma li huma tant importanti għal pajjiżna. Imma se jkollna problemi kbar anki għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħażna tal-ilma u tal-enerġija, mas-saħħa pubblika u mal-erożjoni tal-kosta.
Ir-rapport tal-Unjoni Ewropea qiegħed jippreżenta kwadru mwiegħer għall-futur u allura hemm bżonn li nibdew nilqgħu għalih.
X’jista’ jiġri konkretament f’Malta 30-40 sena oħra? Ir-rapport tal-UE jistma li t-temperaturi medji se jogħlew bejn 1 u 5 gradi ċentigradi u allura se ikollna sjuf dejjem aktar sħan f’pajjiżna. Mill-banda l-oħra, meta tagħmel ix-xita, se tkun xita torrenzjali. Dan ifisser li ser ngħaddu minn tlett ijiem kontinwi ta’ xita bl-għargħar u l-qerda li jġibu magħhom, għal sitt xhur sħaħ mingħajr ma naraw qatra ilma.
Żieda ta’ 3 gradi fit-temperaturi tfisser li 80 fil-mija tal-glaciers idubu. Il-konsegwenza hi li f’Malta se jogħla l-livell tal-baħar. U allura hemm bżonn naħsbu mil-lum dwar kif se nilqgħu għal dan kollu. Kemm-il eluf ta’ Maltin se jkollhom bżonn jiċċaqilqu mid-djar li jgħixu fihom illum? In-nies li llum jgħixu fuq il-kosta: l-Imsida, il-Pietà, Burmarrad u s-Salini se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fejn qegħdin issa?
U x’se jiġri minn dawk li n-negozji bbażati f’żoni li huma diġà diffiċli llum? Jekk il-livell tal-baħar ser jogħla sew fis-snin li ġejjin, is-showrooms li jinsabu fil-wied ta’ Triq il-Wied, f’Birkirkara se jkollhom jiċċaqilqu? X’inhu il-prezz ekonomiku li n-negozju Malti jrid iħallas għal dan l-ispostament? Jien ma nafx xi studji qed isiru hawn Malta fuq dan kollu. Imma naħseb li jkun żball kbir jekk nibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn għax mhux biss tbati l-ekonomija Maltija, imma jbatu anki n-nies.
Immaġinaw il-konsegwenzi fuq, per eżempju, l-industrija tal-cruise liners jekk jogħla l-livell tal-baħar b’ 60-90 ċentimetru. Li jiġri hu li se jkollna l-mollijiet kollha tal-Port il-Kbir li jispiċċaw taħt il-livell tal-baħar. Kemm il-miljuni jridu jintefqu biex ngħollu dawn il-mollijiet kollha? Saru studji fuq dan? Jew almenu qed isiru?
Tgħiduli, “Dan x’għandu x’jaqsam mal-elezzjonijiet Ewropej?” Naħseb li għandu x’jaqsam ħafna. Aħna l-Greens, għall-kuntrarju ta’ bosta politiċi tradizzjonali, ma nħarsux lejn il-politika bħala ppjanar għall-ħames snin li ġejjin biss. Għalina, il-politika tmur lil hinn minn kull elezzjoni li jmiss. Aħna nħarsu ’l quddiem u nibdew nippjanaw minn issa biex ngħixu aħjar 30 sena oħra. Ma nistgħux nagħmlu bħan-nagħma u ndeffsu rasna fir-ramel u nħallu l-affarijeit jiġru għal rashom.
Fuq l-isfont tal-kriżi ekonomika li qegħdin fiha, aħna l-Greens qed nipproponu “Green New Deal” li joħloq 5 miljun post tax-xogħol fl-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin, xogħlijiet marbutin mar-rivoluzzjoni ħadra, ambjentali u sostenibbli li qed isseħħ fid-dinja tal-lum. Barak Obama wkoll qiegħed jaħdem biex joħloq miljuni ta’ mpjiegi fl-Amerika marbutin mal-ħarsien tal-ambjent.
Aħna l-Greens nemmnu li nistgħu noħolqu eluf ta’ postijiet ġodda f’Malta marbutin ma’ maniġġar tal-iskart, mat-teknoloġiji moderni tax-xemx u r-riħ, mal-edukazzjoni, mat-tiġdid tal-mezzi tat-trasport pubbliku, mar-rikwalifikazzjoni tal-metodi ta’ bini tagħna, b’energy saving u effiċjenza enerġetika.
Deputat tal-Alternattiva Demokratika fil-Parlament Ewropew jimbotta għal dawn l-ideat u għal impjiegi innovattivi biex ilkoll ngħixu aħjar fil-futur f’Malta u fl-Ewropa. Naħseb li l-Maltin tal-lum jifhmu li l-pajjiż kollu jirbaħ bl-elezzjoni ta’ deputat ta’ Alternativa Demokratika fil-Parlament Ewropew.
Għalina l-ġid tal-pajjiż jiġi dejjem qabel il-partit.
arnoldcassola@gmail.com
www.alternattiva.org.mt
www.arnoldcassola.wordpress.com
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Catherine Fleri Soler
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|